21 ta’ Diċembru. SAN PIETRU KANISJU, SAĊERDOT U DUTTUR TAL-KNISJA
Tifkira
San Pietru Kanisju twieled f’Nijmegen fl-Olanda, fl-1521; studja f’Köln, il-Ġermanja, u ssieħeb fis-Soċjetà ta’ Ġesù; ġie ordnat saċerdot, fil-1546 u għal ħafna snin ħabrek bil-kitba u bil-prietki tiegħu biex iħares u jsaħħaħ il-fidi kattolika. Fost il-ħafna kitbiet tiegħu nsibu l-Katekiżmu Ġermaniż. Miet fi Friburg, fl-Isvizzera, fl-1597.
Fl-Uffiċċju tal-Qari
LEZZJONI II
Qari mill-Kitbiet ta’ San Pietru Kanisju, saċerdot
(Edit. O. Braunsberger, Petri Canisii Epistulae et Acta, I, Friburgi Bresgoviæ, 1896)
Kont ghatxan għall-faqar, is-safa u l-ubbidjenza
San Pietru Kanisju jistħoqqlu jissejjaħ it-tieni appostlu tal-Ġermanja. Qabel ma telaq dak il-pajjiż, bil-barka tal-Papa, ġarrab faraġ spiritwali liema bħalu, li hu fissru b’dan il-kliem:
“Fit-tjieba tiegħek bla qjies, o Ragħaj ta’ dejjem, għoġbok li jiena mmur quddiem l-Appostli tiegħek fil-bażilika tal-Vatikan, fejn aħna nżuruhom u huma jagħmlu l-għeġubijiet bl-għajnuna tiegħek; hemmhekk tlabtħom bil-ħrara biex iqawwuni u jwettquni fil-barka li kien tani l-Papa; jien ġarrabt faraġ kbir, u minn dak il-ħin stess għaraft xi grazzja kont qiegħed toffrili bit-talb tagħhom. Għax huma wkoll tawni l-barka tagħhom, wettquli l-missjoni tiegħi fil-Ġermanja, u donnhom wegħduni li jkunu twajba miegħi bħala appostlu tal-Ġermanja. Int taf, Mulej, b’kemm ħsieb u kemm drabi wrejtni dakinhar stess li kont se tħallili l-Ġermanja f’idejja, tant li jien kattart iżjed il-ħeġġa tiegħi għaliha u xtaqt ngħix u mmut għaliha.
Int imbagħad donnok ftaħt il-Qalb Imqaddsa tiegħek quddiem għajnejja, u ridtni nixrob minn dik l-għajn, jiġifieri, stedintni nimla l-ilma tas-salvazzjoni tiegħi mill-għejun tiegħek, is-Salvatur tiegħi. B’xewqa liema bħalha ridt nixrob minn Qalbek xmajjar ta’ fidi, tama u mħabba. Kont għatxan għall-faqar, is-safa u l-ubbidjenza; tlabtek taħsilni kollni kemm jien, tlibbisni u żżejjinni. Imbagħad għamilt il-kuraġġ, ersaqt lejn il-Qalb l-aktar ħelwa tiegħek biex nixrob minnha u naqta’ l-għatx tiegħi; u int wegħidtni libsa meħjuta minn tliet biċċiet biex nista’ ngħatti l-għera ta’ ruħi; dawn it-tliet biċċiet ifissru s-sliem, l-imħabba u l-perseveranza, li għandhom rabta tassew kbira mal-professjoni tiegħi. U jiena mtlejt bit-tama li, b’dik l-armatura tas-saħħa fuqi, xejn ma kien se jonqosni għall-quddiem, u kollox kien se jseħħ għall-glorja tiegħek”.
RESPONSORJU Mt 13:52; Prov 14:33
1. Kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-saltna tas-smewwiet * Jixbah lil wieħed sid li, mit-teżor tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.
2. F’moħħ il-bniedem għaqli jgħammar l-għerf, u hu jgħallem lil min ma jafx. * Jixbah lil wieħed sid li, mit-teżor tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.
Talba
O Alla, int tajt qawwa u għerf lis-saċerdot San Pietru Kanisju biex iħabrek għall-ħelsien tal-fidi Kattolika; bit-talb tiegħu agħmel li l-bnedmin kollha li jfittxu l-verità jsibu lilek , Alla, u jifirħu bik , u li l-poplu tiegħek li jemmen fik jibqa’ sħiħ sal-aħħar fl-istqarrija tiegħek. B’Ibnek.
Fit-tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Għasar Ant. San Pietru, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja mqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej.