Missierna l-fuħħari

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 29 ta’ Novembru 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent. Parroċċa Balzan.

Missierna l-fuħħari

Hemm kelma li fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jirrepetiha tliet darbiet. Jgħid: “ishru”. Dan id-diskors hu parti minn diskors itwal li għamel Ġesù, li jiġi eżatt qabel il-Passjoni skont San Mark, u fi tmiem ta’ dan id-diskors twil, jgħid dik is-sentenza: “dak li qed ngħid lilkom, qed ngħidu għal kulħadd: ishru.”

X’jiġifieri tishar? Aħna bil-Malti għandna l-kelma ‘sahra’ li tfisser taħdem overtime. Imma “ishru” hawnhekk tfisser li naħdmu aktar, bis-sahra? U għaliex dan il-kliem ta’ Ġesù jiġi proprju llum, l-Ewwel Ħadd tal-Avvent, meta aħna fl-Avvent inħarsu lejn il-ġrajja tal-Milied – preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajja tal-Milied li saret tant snin ilu? Hawnhekk Ġesù mhux qiegħed jgħid li aħna naħdmu bis-sahra. Insibu t-tweġibiet għal dawn id-domandi tagħna proprju fit-talba li għedna fil-bidu tal-quddiesa, meta għedna: “bl-għemejjel tajba tagħna niltaqgħu ma’ Kristu li ġej”. L-Avvent hu ż-żmien ta’ preparazzjoni li twassalna għaċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajja tal-Milied li saret tant snin ilu; imma l-Avvent hu wkoll il-preparazzjoni tagħna għat-tieni miġja ta’ Kristu. Għalhekk “niltaqgħu ma’ Kristu li ġej”.

Dan ifisser li aħna nishru; ifisser, kif qal Ġesù hawnhekk, aħna noqogħdu għajnejna miftuħa; li nagħrfu naqdu r-responsabbiltajiet tagħna b’mod tajjeb illum, għax aħna qegħdin f’dil-mixja li għandha twassalna f’dar il-Missier u fl-istess waqt nistennew it-tieni miġja ta’ Ġesù. Għalhekk ‘nishru’ jfisser li aħna ma norqdux meta suppost imqajmin; li aħna nkunu għajnejna miftuħa. Għax jista’ jiġri – u dan Ġesù spjegah kemm-il darba – li aħna ngħixu aljenati, distratti. Mhux biss kultant b’affarijiet ħżiena imma anke b’affarijiet tajbin, li fihom infushom tajbin imma li jistgħu jtellfuna milli ngħixu dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja. Għalhekk “nishru” jfisser li nkunu għajnejn miftuħa, li ma ngħixux aljenati. Dan ġara proprju tant snin ilu; meta naqraw ir-rakkont tal-Milied, hekk ġralhom in-nies fi żmien Ġesù. Huma kienu għaddejjin bil-ħajja tagħhom u ma għarfux il-miġja tiegħu, ma laqgħuhx meta ġie. Għalhekk lilna jridna li aħna nkunu attenti b’għajnejna miftuħin.

Hemm ħaġa importanti wkoll f’din il-kelma “ishru”. Tfisser li aħna nagħrfu ngħixu bl-aħjar mod il-mument ta’ issa. Kultant jiġrilna li ngħixu l-passat, nhewdnu fuq il-passat, speċjalment fuq xi esperjenzi ħżiena tal-imgħoddi; jew inkella ngħixu bi preokkupazzjoni kbira għall-futur. Dawn jiġu b’mod naturali, imma ma għandhomx itellfuna milli ngħixu l-mument ta’ issa. “Nishru” tfisser li ngħixu l-mument ta’ issa, mhux ngħixu dejjem qisna qegħdin fil-passat, jew b’qalbna ttaqtaq u bi preokkupazzjoni kbira għall-futur; imma li nagħrfu ngħixu l-mument ta’ issa, għax dan hu l-mument li Alla jagħtina. U meta ngħixuh tajjeb, inkunu qed nippreparaw ruħna u allura qatt ma nkunu qalbna mtaqqla jew bil-biża’. Anzi, il-ħsieb li aħna mexjin lejn dar il-Missier għandu lilna jġib l-istess paċi li nħossu, l-istess sentimenti sbieħ li nħossu, meta niftakru tant snin ilu meta ġie fostna. Il-ġrajja tal-Milied tqanqal fina ħafna sentimenti sbieħ, u l-istess għandha tkun din il-preparazzjoni tagħna għal meta niltaqgħu ma’ Alla, imma hu jrid li ngħixu l-mument ta’ issa u b’mod tajjeb.

L-aħjar mod kif ngħixu l-mument ta’ issa jagħtihulna l-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. Hemm dik is-sentenza tal-aħħar tant sabiħa, meta hu jgħid b’talba: “Mulej, int missierna. Aħna t-tafal, int il-fuħħari u aħna lkoll għemil idejk.” Jekk aħna ngħixu dan il-ħsieb u nħallu lil Alla jiffurmana – bħalma l-fuħħari jifforma t-tafal – allura jkun l-isbaħ mod kif aħna nippreparaw ruħna għall-miġja ta’ Kristu li ġej. Meta ngħidu li jiffurmak, jiffurmana Alla speċjalment meta niltaqgħu miegħu fil-ħin tat-talb. Hemmhekk inħalluh jiġi fina, biex jgħinna ngħixu l-kelma tiegħu, jiffurma anke r-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn, biex aħna nistmaw lill-oħrajn bħala xbieha tiegħu; jiffurmana anke fil-valuri tiegħu, il-valuri li hu jixtieq li ngħixu. Dan hu l-mod kif aħna nippreparaw ruħna, kif irid il-Mulej, billi fil-mument ta’ issa nħallu lill-Mulej kontinwament jifformana hu ħalli aħna nkunu tassew opra sabiħa tiegħu.

Nitolbuh f’dan l-Ewwel Ħadd tal-Avvent biex aħna nippreparaw ruħna tajjeb, inħallu lilu jiffurmana bħalma l-fuħħar jifforma t-tafal, u b’dan il-mod inkuu nistgħu nagħmlu dawk l-għemejjel tajba li jħejjuna biex niltaqgħu ma’ Kristu li ġej.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading