Ejjew nistennew lill-Mulej bil-ferħ

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 29 ta’ Novembru 2020: Quddiesa tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella ta’ Wied Għammieq, il-Kalkara.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Qabel xandar l-Evanġelju, il-Kappillan Fr Brian, xegħel l-ewwel xemgħa minn dawn l-erbgħa xemgħat imbagħad waħda fin-nofs, li b’xi mod fuq l-artal iffissru l-mixja l bdejna llum, il-mixja tal-Avvent.

Iżjed ma nersqu lejn il-Milied, iżjed ikollna dawl. Dan huwa is-sinifikat ta’ dak li qegħdin nagħmlu fid-djar tagħna bħalissa meta nżejnu għall-Milied u nixegħlu d-dwal bit-tama li s-settijiet li xtrajna s-sena li għaddiet jixegħlu, biex inżejnu. Il-Milied jiġi fl-istaġun tax-xitwa, — almenu għal nofs id-dinja għax in-nofs l-ieħor il-Milied jiġi fis-sajf. Aħna hawnhekk fejn ngħixu f’din id-dinja, il-Milied jiġi fix-xitwa meta jkollna inqas dawl tal-Bambin u allura d-dwal ċkejknin verament jagħtu dik is-sinjal ta’ tama.

Fl-ewwel parti ta’ dan l-istaġun ma niċċelebrawx it-twelid tal-Mulej, imma miġja oħra. Hija l-miġja tal-Mulej fl-aħħar taż-żminijiet. Għal kull wieħed u waħda minna l-miġja tiegħu hi meta fil-misteru tal-mewt isejħilna biex niltaqgħu miegħu. Anke għalina, il-mewt hija laqgħa ma’ ħabib. Ma jfissirx li ma tbeżżaniex, ma jfissirx li nippruvaw kemm jista’ jkun l-arloġġ inressquh ’il quddiem u mhux lura, fis-sens inbegħduh, imma nafu li rridu niltaqgħu ma’ dan il-ħabib li jħobbna: “Nistennewk sa ma tiġi”.

Illum l-Evanaġelju jgħidilna kif għandna nistennewh: għajnejna miftuħa billi nishru. Tgħiduli li għandna bżonn norqdu, imma anke waqt li qed norqdu nistennew ’il-Mulej bl-imħabba tagħna. Il-Mulej jiġi wkoll fil-proxxmu tiegħi; jiġi f’kull persuna li niltaqa’ magħha. Anke dak hu l-Mulej! Għalhekk, f’din l-ewwel parti tal-Avvent, inkluż ukoll il-Ħadd li ġej, tkun ħaġa sabiħa li naħsbu ftit u nistaqsu lilna nfusna: imma jiena kif qiegħed nistenna lill-Mulej? Nixtieq li niltaqa’ miegħu?

Meta tkellmu lill-Mulej għidulu din it-talba sabiħa: Ejja meta trid, imma jien m’iniex mgħaġġel. Tinkwetawx, hu ma jiddejjaqx, ma jeħux għalih. Wara kollox xorta se jagħmel li jrid. Se jiġi meta ma nistennewhx. Imma jixtieq li fil-qalb tagħna nkunu nixtiequh. Dik ix-xewqa ssalvana. Għax hu jaf li aħna dgħajfin, jaf li aħna -records tagħna mhux se jkunu kollha f’posthom; se nibqgħu ftit midjunin miegħu. Imma jekk neħilsu minn din l-idea li jekk nagħmel ħaġa tajba tkun plus u jekk nagħmel dnub tkun minus, inkunu iżjed liberi. Nistenenewh sa ma jiġi fil-glorja. Nistennewh, niltaqgħu miegħu.

F’dan l-istaġun ta’ stennija ejjew nitolbu l-grazzja biex nistennew lill-Mulej bil-ferħ. L-Avvent mhuwiex ir-Randan. L-Avvent huwa l-istaġun tal-istennija. U aħna u nixegħlu d-dwal u nżejnu, ejjew nifirħu li m’aħniex biss qed niċċelebraw xi ħaġa li saret 2,000 sena ilu fl-Art Imqaddsa, li llum qegħdin nitolbu għalihom u niftakruhom, imma qegħdin nistennewh jiġi bħala l-ħabib tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 63, 16b-17.19b; 64, 2-7
Salm: 79 (80), 2aċ.3b.15-16.18-19
Qari II: 1 Kor 1, 3-9
Evanġelju: Mk 13, 33-37

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply