Il-COMECE tivvaluta l-Patt tal-Unjoni Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

Print Friendly, PDF & Email

It-18 ta’ Diċembru hu l-Jum Internazzjonali tal-Migranti

Poġġu “l-bniedem, id-dinjità tal-bniedem u l-ġid komuni” fiċ-ċentru tan-negozjati futuri dwar il-Patt tal-Unjoni Ewropea propost dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Dan huwa dak li l-COMECE (Kummissjoni tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea) talbu lill-Unjoni Ewropea u lill-istati membri tagħha f’Dikjarazzjoni ppublikata l-Erbgħa 16 ta’ Diċembru, fid-dawl tal-Jum Internazzjonali tal-Migranti li jiġi ċċelebrat fit-18 ta’ Diċembru.

It-test tad-dikjarazzjoni jinkludi serje ta’ rakkomandazzjonijiet politiċi mfassla minn grupp ta’ ħidma COMECE, li eżamina t-test propost mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Settembru li għadda. L-esperti ta’ COMECE għamlu serje ta’ konsiderazzjonijiet. Huma jiddikjaraw immedjatament li huma mħassba “dwar l-effettività vera li l-Patt jista’ jkollu biex itaffi s-sitwazzjoni diffiċli, aggravata minn Covid-19, li fiha qed isibu ruħhom l-immigranti u refuġjati”.

Huma rġiel, nisa u tfal f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, li ħafna drabi huma vittmi tat-traffikar, li “jeħtieġu attenzjoni speċjali billi l-pandemija Covid-19 aggravat il-faqar tagħhom, li waslet għall-esklużjoni soċjali u l-istigmatizzazzjoni tagħhom”. Għal din ir-raġuni, l-esperti tal-COMECE jemmnu li huwa “tal-akbar importanza li jiġi stabbilit mekkaniżmu ġust u effettiv ta’ solidarjetà u qsim ta’ responsabbiltajiet fost l-Istati Membri, li jpoġġi d-dinjità tal-bniedem fiċ-ċentru, minbarra l-ġid komuni”.

Minn dan il-lat, fl-opinjoni tal-COMECE, il-mekkaniżmu ġdid ta’ solidarjetà flessibbli propost fil-Patt iqajjem ‘diversi tħassib’, billi “jħalli lill-Istati Membri, l-fakultà li jiddeċiedu jekk jaċċettawx jew le dawk li qed iffittxu l-ażil, u li se jkomplu jgħabbu bla bżonn fuq l-Istati Membri li jinsabu fuq il-fruntieri esterni, b’mod partikolari fuq il-fruntiera esterna tan-Nofsinhar tal-Ewropa”. “L-Unjoni Ewropea għandha twieġeb kemm jista’ jkun, fi spirtu ta’ solidarjetà u ġenerożità, għall-ħtiġijiet tal-migranti u ta’ dawk li jfittxu l-ażil, u mhux biss tnaqqas il-pressjonijiet migratorji billi żżid ir-ripatrijazzjoni”.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fruntieri, l-esperti tal-COMECE kitbu: “Aħna nibżgħu li l-użu ta’ proċeduri rigorużi fil-qasam tal-ażil u r-ripatrijazzjoni fil-fruntiera jista’ fil-prattika jikkomprometti l-ispirtu ta’ akkoljenza u d-dritt għall-ażil, inaqqas id-drittijiet proċedurali, jimplimenta detenzjoni mifruxa u kundizzjonijiet ta’ akkoljenza inadegwati”, b’riskju li tiżdied il-pressjoni fil-fruntieri barra l-Unjoni Ewropea.

Id-Dikjarazzjoni tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni umanitarja fil-fruntieri marittimi esterni tal-Unjoni Ewropea: b’mod partikolari l-Kanal Ingliż, il-Gżejjer Kanarji u l-baħar Mediterran, fejn “numru kbir ta’ nies qed jagħmlu vjaġġi perikolużi u ta’ spiss fatali biex jilħqu l-Ewropa u li mill-Ewropa għar-Renju Unit. Għandu jsir appell biex il-kosti tal-Unjoni Ewropea ma jitħallewx isiru ċimiterju mmensi, billi jintensifikaw l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ”.

Id-dokument jikkonkludi billi jirreferi għall-preżenza, fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi li bil-ħidma tagħhom jippermettu u jippromwovu “akkoljenza adegwata w umana ta’ migranti u dawk li jfittxu ażil” b’apoġġ għal awtoritajiet pubbliċi.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.agensir.it/quotidiano/2020/12/16/patto-ue-migrazione-e-asilo-comece-preoccupati-sulla-sua-reale-efficacia-covid-19-ha-aggravato-la-situazione-dei-migranti/

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading