Sena Familja Amoris Laetitia

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2020: Mid-19 ta’ Marzu li ġej sat-26 ta’ Ġunju tal-2022, ser tkun sena sħiħa ta’ riflessjoni dwar l-Amoris Laetitia – Il-ferħ tal-imħabba.

Dan qalu l-Papa Franġisku llum f’nofsinhar qabel it-talba tal-Angelus, fil-jum meta l-Knisja Kattolika qed tiċċelebra l-festa tal-Familja Mqaddsa. Huwa kompla jgħid li l-festa tal-lum hi sejħa għalina u eżempju ta’ evanġelizzazzjoni, għax tipproponielna l-ideal tal-imħabba konjugali u tal-familja, kif jidher ċar fl-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia – Il-ferħ tal-imħabba, li fid-19 ta’ Marzu li ġej ikun il-ħames anniversarju minn mindu ġiet ippublikata. 

Waqt li fakkar fl-aħħar Ittra Appostolika tiegħu, Patris Corde – B’qalb ta’ Missier, publikata fit-8 ta’ Diċembru li għadda, il-Papa Franġisku ħabbar li ser ikun hemm sena sħiħa ta’ riflessjoni u hekk tkun opportunità biex lkoll nidħlu aktar fil-fond ta’ dak li hemm miktub fl-Eżortazzjoni.  Dawn ir-riflessjonijiet ser ikunu għad-dispożizzjoni tal-komunitajiet ekkleżjali u tal-familji, biex jakkumpanjawhom fil-mixja tagħhom. 

Il-Papa stieden lil kulħadd biex matul dik is-sena jieħu sehem fl-inizjattivi li se jkunu koordinati mid-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja u qal li għandna nafdaw din il-mixja id f’id mal-familji tad-dinja kollha f’idejn il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, partikolarment f’idejn San Ġużepp, għarus u missier attent.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading