X’biċċa ta’ Bambin!

Print Friendly, PDF & Email

Xi ħaġa li tabilħaqq timpressjonak hekk kif tirfes l-għatba tal-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, hu l-armar, pjuttost partikulari, li hemm taħt l-artal tassew ħelu li hemm f’din il-Kappella ċkejkna imma ta’ qalb kbira. Liema Kappella, biex niċċajtaw, inħobbu insejħulha: Il-Bażilika!

Qed nirreferi għas-Sagra Familja li hemm taħt l-artal, magħmula minn Marija, Ġużeppi u ĠESÙ! U ma nistax lil Ġesù ma nirreferix għalih bħala ĠESÙ! Daqshiex fih! Kien hemm min laqqmu: JESUS THE GIANT! ĠESÙ l-ĠGANT! U veru ġgant tafux! L-għaliex Alla jbierku! Ħdejh, Marija u Ġużeppi, jidhru letteralment psiepes imsieken!

Nifhem li din id-deskrizzjoni iġġagħlna nitbissmu u nidħku wkoll! U nagħmlu sewwa! Għax, bħalma kienet qalet Santa Fawstina lill-pittur li ried ipinġi lil Ġesù kif ratu hi, min se jseħħlu jpinġik Mulej? U veru! Ħadd ma jista’ ipinġih! Bħalma ħadd ma jista’ jagħmel statwa ta’ Ġesù Bambin li tkun fotokopja tiegħu u jkollha l-istess daqs tiegħu! Attentat artistiku jrid ikun hemm!

Imma, diffiċli kemm hu diffiċli li wieħed jagħmel statwa ta’ Ġesù Bambin, żgur li mhux se jagħmlu ferm akbar minn Marija u Ġużeppi! Li, meta wieħed joqgħod iħares sewwa lejhom, malajr jintebaħ li donnhom qiegħdin taħt il-ħniena tiegħu jekk jisparixxux mid-dinja jew le! Apparti l-fatt li, b’mod oġġettiv, dan hu veru wkoll, iżda hemm xi ħaġa ferm sabiħa f’dan il-presepju tassew partikulari li hemm armat fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija bħalissa! Dan il-presepju qed juri li, fir-rejaltà, il-Milied hu dwar it-twelid ta’ ĠESÙ. Hu l-ĠGANT tal-Milied!

Mela, issemmilix Father Christmas, is-siġra tal-Milied, it-tinsils, il-bankijiet bil-fanali magħhom, ir-raġel tas-silġ, iċ-ċriev, il-weraq, il-blalen, ir-rigali, il-grokkijiet, il-kejkijiet, il-pastini, il-kapoċċijiet ta’ Father Christmas. Issemmihomlix! Dawn m’humiex il-Milied! Għax il-Milied hu ĠESÙ! It-tarbija ĠGANT! It-tarbija ALLA! Lil dan jien irrid, mhux biss għall-Milied imma għal kull jum ta’ ħajti! Għalhekk, min ħadem biex ikun hemm dan it-tip ta’ presepju kien għaref fuq li għaref għax laqat il-musmar fuq rasu!

Hemm bżonn ħbieb li niżżumjaw naqra aktar fuq ĠESÙ. Ħalli jkun ĠESÙ u mhux ġesù. Il-valuri ta’ ĠESÙ tal-imħabba, it-talb, is-sliem, il-maħfra, l-intenzjoni retta, l-għerf, is-sabar, il-perseveranza, il-fidi, il-ħlewwa, il-fedeltà, l-onestà, is-safa, l-ubbidjenza, ir-rażan, id-dehen, il-qawwa, il-ħlewwa, u, fuq kollox, dik L-UMILTÀ, hemm bżonn li jkunu kbar waħda sewwa fina! Inkella jiġi l-Milied u medjokri konna u medjokri nibqgħu!

Jekk trid tkun kbir u kbira, ilbes il-valuri ta’ ĠESÙ! Hu l-Milied! U, jekk taħsel tinsieha din, ejja sal-Kappella tal-Onkoloġija u oqgħod ħares lejn il-presepju li għandna armat!

Il-Milied it-Tajjeb!

Patri Mario Attard OFM Cap