Il-ħajja mhix proprjetà tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 6 ta’ Frar 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fit-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf. Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/980737681″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”false” /]

Il-ħajja mhix proprjetà tagħna

Naħseb li xi darba jew oħra lkoll kemm aħna nkunu bħal Pietru: fid-dar tagħna jkollna lil xi ħadd ma jiflaħx. Hekk ġralu Pietru fil-Vanġelu tal-lum (Mk 1:29-39). Huwa l-iqsar miraklu rrakkuntat.

Il-Vanġelu beda b’Ġesù illi joħroġ mis-sinagoga fejn ħallejnieh il-Ħadd li għadda. Tiftakru meta Ġesù beda jipprietka fis-sinagoga, imbagħad kien hemm raġel li l-Vanġelu jgħidilna li kellu fih spirtu ħażin, u beda jgħajjat: “Aħna x’għandna x’naqsmu?” (1:24), u Ġesù ħareġ minnu spirtu ħażin. Imbagħad jitlaq mis-sinagoga u jmur tefgħa ta’ ġebla bogħod, fid-dar ta’ Pietru. Illum għadek tista’ tarahom, kemm is-sinagoga u kemm id-dar ta’ Pietru, madwar sittin jew sebgħin metru bogħod minn xulxin, m’hemmx distanzi kbar. Ġesù jinteressah mid-dar aktar milli mis-sinagoga. Ġesù jrid jiġi d-dar, jidħol fid-dar ta’ Pietru. Din id-dar mhix għajr il-komunità li temmen. Pietru huwa l-kap tal-komunità li temmen, tal-Knisja, u din id-dar ta’ Pietru mhix għajr aħna, id-dar tagħna.

U meta jiġi fid-dar tagħna, Ġesù għandu interess wieħed biss: li aħna nkunu aħjar, li jagħtina l-fejqan tiegħu, li jeħlisna. U hekk jagħmel ma’ din il-mara li kienet mimduda fis-sodda, statika, ma tistax titħarrek, bid-deni. Fi kliem ieħor, mara li tinsab fil-bżonn tal-għajnuna ta’ ħaddieħor fid-dar ta’ Pietru. U meta jidħol Ġesù, lil din il-mara jittrasformaha, minn mara fil-bżonn jagħmilha mara li kapaċi tagħti l-għajnuna. Il-Vanġelu jgħidilna: “Bdiet taqdihom”. Għax il-fejqan ta’ veru jinsab meta int u jien nifhmu li l-missjoni prinċipali tagħna hija li nkunu qaddejja, li naqdu u li nħobbu.

Il-fejqan veru tal-bniedem, lil hinn mill-mard fiżiku, il-fejqan tal-moħħ tal-bniedem, tal-qalb tal-bniedem, tar-ruħ tal-bniedem, il-fejqan tal-bniedem sħiħ, meta jħossu bniedem tassew anki jekk fiżikament marid, huwa meta jista’ jagħti kontribut, meta jħobb. Tgħiduli, il-marid x’kontribut jista’ jagħti? Jista’ jagħti ħafna. Imma mhux dan l-iskop tal-laqgħa tagħna tal-lejla.

Ġesù jidħol f’dar oħra, aktar intima. Meta Ġesù jidħol fid-dar ta’ Pietru, jagħti l-ħajja. Il-Vanġelu jgħidilna li Ġesù qabadha minn idha u qajjimha. Tafu liema verb juża San Mark għall-verb ‘qajjimha’? Il-verb tal-qawmien mill-imwiet, il-verb li mbagħad juża fl-irxoxt. Qajjimha lil dik il-mara. U kif meta daħal fid-dar ta’ Pietru lil dik il-mara qajjimha, hekk ukoll bħalissa qiegħed iqajjem: f’dawk li qegħdin jistennew fostkom, qiegħed iqajjem ħajja, qiegħed iqajjem persuna, qiegħed jagħti l-ħajja. Ġesù qiegħed fid-dar intima tiegħek, fid-dar ta’ kull wieħed u waħda minna, imma b’mod speċjali llejla fil-persuni, fin-nisa li qegħdin tistennew, fin-nisa li l-Mulej takom dan id-don, dan ir-rigal sabiħ. Ma ġibtuhx b’idejkom. Ħafna drabi aħna nitilqu bl-idea illi t-tfal tista’ ġġibhom kif trid u meta trid. Imma l-esperjenza tgħallimna li mhux hekk. L-esperjenza tgħallimna li t-tarbija hi don. Hija rigal ta’ Alla l-Ħallieq. Kemm hu veru s-Salm 139! Kemm tistgħu titolbuh! Il-Mulej qiegħed jinseġ fik ħajja, kif niseġ lilek, kif niseġ lili fil-ġuf ta’ ommi mingħajr ma kont naf.

Int, omm li qed tistenna, tista’ tagħmel sempliċement ħaġa waħda biss: timmeravilja ruħek u tosserva dak li qiegħed jiġri fik; illi m’intix proprjetarja ta’ dak li qed jiġri fik. Tista’ biss tirringrazzja kontinwament. Tista’ biss tħoss li qed tiġri xi ħaġa fik li m’għandekx kontroll fuqha. Hija wisq ikbar minnek. Kemm hi sabiħa din l-esperjenza!

Massimo Recalcati, psikologu Taljan li jgħid li ma jemminx (imma jien naħseb li jemmen aktar minni!), jgħid illi l-omm meta tkun qed tistenna tarbija tagħmel l-esperjenza tal-Madonna. Marija kienet omm xi ħadd illi kien tagħha u ma kienx. It-tarbija li għandek fil-ġuf hi tiegħek u ta’ żewġek, imma mhix tagħkom. Tafuha l-istorja tal-Madonna. Marija hija Omm Alla, mhux omm ta’ tarbija li ħierġa biss minnha u minn Ġużeppi. U lanqas intom m’intom omm u missier weħidkom. Mhux weħidkom qegħdin tiġġeneraw din it-tarbija.

Din l-esperjenza tagħmluha għax tistgħu biss tosservaw, tistgħu biss tgħinu, tipproteġu, tieħdu ħsieb misteru li qiegħed iseħħ fikom. Imma aktar minn hekk ma tistgħux tagħmlu. Allura hija l-esperjenza ta’ Marija. Kemm hu veru l-Vanġelu! Il-missirijiet jagħmlu l-esperjenza ta’ Ġużeppi, għax Ġużeppi kellu jaddotta t-tarbija.

Tgħiduli: “Imma t-tarbija tagħna”. Iva, tagħkom, imma sa ċertu punt hi tagħkom, kemm il-missier u kemm l-omm. Żgur li t-tarbija li għandkom fikom, li qegħdin tistennew, qatt mhu se tkun it-tarbija li ħlomtu jew li toħolmu. Irid ikun hemm mument fil-ħajja li inti lil dik it-tarbija tagħmilha tassew tiegħek, tgħid: “Din tiegħi”. Tilqagħha, taċċettaha, tħobbha, tħossha tassew tiegħek.

Kif jgħid il-psikologu Recalcati, il-proċess li għamel Ġużeppi trid tagħmlu wkoll l-omm u jrid jagħmlu wkoll il-missier, biex dik it-tarbija toħroġ tassew b’saħħitha mhux fiżikament imma spiritwalment, psikoloġikament, fil-qalb, fil-moħħ tagħha. U għalhekk din l-esperjenza verament m’għandniex kontroll fuqha. Verament nistgħu ngħidu li aħna qegħdin ngħożżu, nieħdu ħsieb, inħarsu lejn miraklu li jiġri fina.

Alla jinqeda bikom ġenituri biex ikompli dan il-misteru kbir tal-ħolqien, il-proċess tal-ħajja tal-bniedem. Ejjew irroddulu ħajr. Ejjew ngħixu din l-esperjenza b’sens kbir ta’ ringrazzjament u ta’ meravilja. Il-kelma bl-ingliż awe tfisser sens ta’ meravilja, sens ta’ stagħġib. Ejjew nitolbu lill-Mulej biex qatt ma ninsew li dak li għandna fil-ġuf mhux proprjetà tagħna imma hu rigal tiegħu. Jekk intom titilqu b’din l-idea, ibqgħu ċerti li lit-tfal trabbuhom u tedukawhom bl-aħjar mod. Għax l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu meta nilduhom hi li nqisuhom bħala oġġett, bħala proprjetà. “Jien naf x’inhu l-aħjar għalik. Jien naf x’inhuma l-għażliet li jaqblu lilek. Jien naf kif taħsibha, kif tħoss”. Mhu veru xejn! Għandna bżonn nersqu ftit lura, niddistakkaw irwieħna u nindunaw li f’idejna għandna misteru, li għalkemm hu parti minna, imma mhux aħna.

Dan id-don mhux ser iħallikom kif kontu jew kif intom. Dan id-don ser ibiddilkom. Jalla jbiddilkom f’ġenituri aktar ġenerużi. Imma jista’ jbiddilkom ukoll f’ġenituri aktar egoisti. Qegħdin f’soċjetà li t-tfal, il-ġenerazzjoni futura, ħafna drabi nqisuhom bħala xkiel “in terms of pounds, shillings and pence”. Ħafna drabi qegħdin inqisu l-ġenerazzjoni futura, it-tfal, bħala xkiel, għax jeħdulna l-ħin mix-xogħol. Ħafna drabi, imbagħad, bl-iskuża li dan ix-xogħol hu minħabba t-tfal stess, għalihom. “Jien mhux għalihom naħdem? Jien mhux għalihom nibqa’ dan il-ħin kollu barra? Jien mhux għalihom…?”.

Naħseb irridu nagħmlu ħafna mistoqsijiet wara din l-iskuża. Imma veru għalihom? Jew forsi għalija? Forsi għall-istatus tiegħi personali? Forsi għall-idea immaġinarja li jiena ħloqt ta’ familja li mhix dik reali: mhix il-mara bit-tfal li għandi, mhux ir-raġel li għandi u t-tfal li għandi.

Ejjew nitolbuh lill-Mulej illejla biex kif daħal fid-dar ta’ Pietru u ta l-fejqan lil din il-mara, qajjimha, permezz tat-tarbija li qed iqajjem fikom, fil-familja tagħkom, iqajjem ukoll lilkom. Hija preżenza ta’ Alla. Id-dar tagħkom issir Knisja, issir tabernaklu, issir dar fejn jgħammar Alla, fejn hemm il-preżenza tiegħu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading