O mqaddes Ġużeppi, fl-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru!

O mqaddes Ġużeppi, fil-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru! Din kienet it-talba li seħbittna, ilkoll kemm aħna, kemm bħala pazjenti u kif ukoll bħala membri tal-istaff taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Din kienet it-talba li dwiet fil-kurituri, fis-swali u, f’kull rokna taċ-Ċentru, ibda’ mill-kappella tal-istess Ċentru. U din id-diwja seħħet mill-Ħamis 14 ta’ Jannar u issuktat għaddejja sal-Ħamis ta’ wara, jiġifieri l-21 ta’ Jannar 2021.

U kellha l-għaliex tafux l-għaliex din id-diwja tindewa u tirbombja f’dik it-talba sabiħa li ħarġet mill-qalb tal-Papa kbir u devotissmu ta’ San Ġużepp Ljun XIII. Għax f’dik il-ġimgħa mqaddsa, li ilkoll għexna bħala familja, f’dawn il-jiem imqaddsa kellna jdur magħna l-Bastun ta’ San Ġużepp, tal-istatwa qadima, devota u mirakoluża li nsibu fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fir-Rabat Malta. Liema Knisja hi f’idejn ħutna l-Patrijiet Franġiskani. Anki ċ-ċirkustanza li din iż-żjara qed isseħħ ukoll hi partikulari ħafna. Fil-fatt, hi s-sena meta dan il-qaddis kbir, San Ġużepp, l-Isplendur tal-Patrijarki, kien solennement iddikjarat mill-Beatu Papa Piju IX bħala l-qaddis Padrun tal-Knisja Universali. Sewwa sew 150 sena ilu.

Ħafna ħassewh viċin tagħhom lil San Ġużepp huwa u għaddej permezz tal-Bastun tiegħu fostna. U tifhimha ħuti! L-għaliex Ġużeppi kien jaf x’jiġifieri l-inkwiet li għandek dejjem jiġri warajk. Kien jaf ukoll xi tfisser li tmur torqod meta taf li, ta’ bniedem u bniedma li int, aqta’ kemm għandek x’iġġorr fuq spallejk! U dawk l-imsejkna spallejk! Bħalma wkoll huma imsejkna l-ispallejn ta’ min bħalissa għaddej u għaddejja mit-trattament tal-marda tal-kanċer. Għalhekk, meta dan il-Bastun resaq quddiem dawn ħutna biex iberrikom bil-preżenza ħanina tiegħu ma setgħux ma jħossux ġewwa fihom li r-Raġel ta’ Marija u l-Ħarries tal-Feddej tagħna Sidna Ġesù Kristu, qiegħed ħdejhom biex iħarishom bit-talb tiegħu!

Il-preżenza ta’ Ġużeppi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija fakkrittna li aħna familja. Li ilkoll nafu, anki jekk din il-ħaġa ma ngħiduhiex b’fomma l-għaliex hi diffiċli, li llum int u għada jien! U allura din ir-rejaltà tal-mard, li kapaċi tfaqqa’ f’wiċċna minn mument għall-ieħor f’ħajjitna, tgħinna tabilħaqq ħa nkunu solidali ma’ xulxin. Aktar u aktar f’dawn il-mumenti fejn kollox jidher li nieżel u qed jiġġarraf quddiem għajnejna stess! Hu, tabilħaqq, f’dawn il-mumenti daqshekk iebsa li rridu, bil-grazzja tal-Mulej, inkunu hemm għal xulxin. Ħalli nitolbu u nissapportjaw wieħed lill-ieħor u waħda lill-oħra minn qalbna. Almenu, qabel kull ħaġa oħra, għax aħna bnedmin li għandna l-istess umanità komuni u, fuq kollox, minħabba l-fidi Nisranija li nħaddnu.

Il-preżenza ta’ Ġużeppi, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, fakkrittni f’valuri li huma tant meħtieġa biex jgħinnuna ngħixu dawn il-waqtiet iebsa fl-istorja ta’ ħajjitna. L-ewwel nett, Ġużeppi hu r-raġel li jobdi u ma jimponi qatt lilu nnifsu fuq xi ħadd. Kemm hu sabiħ li kollox isib postu mingħajr il-ħafna sfurzar u nkwiet bla bżonn! Għax x’hemm  isbaħ fil-ħajja mill-kollaborazzjoni? U hemm hu l-Bastun tiegħu li, b’tant ħlewwa, għadda għand dawk kollha li xtaquh ħdejhom. Biex jirċievu dak il-faraġ li tant kellhom bżonn waqt il-mixja tat-trattament li qegħdin jieħdu bħalissa. Kienu ħafna dawk il-pazjenti li xtaqu jieħdu u fil-fatt ħadu r-ritratt miegħu bl-ismart phone tagħhom stess u żammewh bħala tifkira ta’ din iż-żjara mill-isbaħ li saret fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. L-entużjażmu u l-ħerqa murija lil San Ġużepp f’dawn il-pazjenti urietni l-miraklu li fil-ħajja nibqgħu nittamaw sal-aħħar. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Hijiex din ukoll miraklu ħaj?

L-istess nista’ ngħid għall-membri tal-istaff li ħadu r-ritratt tagħhom mal-Bastun ta’ San Ġużepp. Għax anki huma, fix-xogħol fejjiedi li jagħmlu b’tant imħabba għalina l-pazjenti, ħassewhom fil-bżonn li jintefgħu taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp fil-qadi ta’ dmirijiethom. Huma ukoll talbuh lil Ġużeppi biex jitlob għalihom ħalli bħalu jiddixxernu dejjem l-aħjar mod ta’ kura li jistgħu jagħtu lill-pazjenti li mingħandhom jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn.

U hawnhekk ma stajtx ma niftakarx f’passaġġ veru sabiħ li kiteb Papa Franġisku fl-Ittra Appostolika tiegħu fl-okkażjoni tal-150 sena anniversarju mid-dikjarazzjoni ta’ San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Universali. Fin-numru 7 ta’ l-Ittra l-Papa tħaddet dwar l-importanza li nkunu nies ta’ kura. Hu kiteb hekk:

Li nkunu missirijiet ifisser nintroduċu lill-iben għall-esperjenza tal-ħajja, għar-realtà. Ma nżommuhx għalina, ma njassruhx, ma nipposseduhx, imma nagħmluh kapaċi jagħżel, ikun liberu, jitlaq. Forsi għalhekk, flimkien mal-isem ta’ missier, lil Ġużeppi t-tradizzjoni qegħditlu wkoll dak ta’ “kastissmu”. Din mhijiex biss indikazzjoni affettiva, imma l-ġabra ta’ mġiba li tesprimi l-maqlub ta’ pussess. Il-kastità hija l-libertà mill-pussess f’kull qasam tal-ħajja. L-imħabba hi tassew imħabba biss meta hi safja. L-imħabba li trid tippossedi, fl-aħħar issir dejjem perikoluża, tjassar, tifga, tnikket. Alla nnifsu ħabb lill-bniedem bi mħabba safja, ħallieh liberu anki li jiżbalja u li jeħodha kontrih. Il-loġika tal-imħabba hi dejjem loġika ta’ libertà, u Ġużeppi għaraf iħobb b’mod straordinarjament liberu. Qatt ma poġġa lilu nnifsu fiċ-ċentru. Għaraf jitwarrab miċ-ċentru, u jqiegħed fiċ-ċentru tal-istess ħajtu lil Marija u Ġesù. Il-ferħ ta’ Ġużeppi mhuwiex fil-loġika tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, imma tal-għotja tiegħu nnifsu. F’dan il-bniedem qatt ma nħossu li hemm frustrazzjoni, imma biss fiduċja. Is-skiet persistenti tiegħu ma jikkontemplax tgergir imma dejjem ġesti konkreti ta’ fiduċja. Id-dinja għandha bżonn ta’ missirijiet, u ma tridx sidien, jiġifieri ma tridx lil min irid juża l-pussess tiegħu fuq l-ieħor biex jimla l-vojt tiegħu nnifsu; ma tridx lil dawk li jifxlu l-awtorità ma’ awtoritarjaniżmu, is-servizz ma’ serviliżmu, il-konfront ma’ oppressjoni, il-karità ma’ assistenzjaliżmu, il-qawwa mal-qerda. Kull vokazzjoni vera titwieled mill-għotja tagħna nfusna, li hi l-maturazzjoni tas-sempliċi sagrifiċċju (nru.7).

Dan kien il-wirt li ma jeqdiem qatt li ħallina San Ġużepp bil-Bastun tiegħu meta żarna fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Għax kull min minna ħares sewwa lejn dak il-Bastun li ħareġ minnu dawk il-fjuri sbieħ mill-ewwel ġewh f’moħħu u f’moħħha l-kliem li ma jispiċċaw qatt li San Pawl kiteb fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin u li Ġużeppi għexhom sal-anqas qattra: L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt (1 Kor 13:4-8).

San Ġużepp, itlob għalija ħa nikkura bħalek lill-oħrajn. Għinni nħobb b’libertà u li ma nippossedi lil ħadd u lil xejn. Qatt tħallini npoġġi lili nnifsi fiċ-ċentru u ibqa’ ħeġġiġni nwettaq ġesti konkreti ta’ fiduċja. Itlob għalija ħa nkun persuna ta’ awtorità, servizz, karità u qawwa f’dak li hu qaddis. Għinni nagħti lili nnifsi bħalek. U fakkarni biex kuljum nitolbok it-talba li kitiblek Papa Ljun XIII li tibda’ bil-kliem: O mqaddes Ġużeppi, fl-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru! Fakkarni li din nitlobhielek għal min qed imut ħalli tgħinnu u tgħinnha. Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap