Iż-żjara tal-Papa Franġisku fl-Iraq

Print Friendly, PDF & Email

Nibdew mill-ġdid minn Abraham biex nagħrfu lil xulxin bħal aħwa

Għada, l-Ġimgħa 5 ta’ Marzu, l-Papa Franġisku jibda l-iktar vjaġġ diffiċli w importanti tal-pontifikat tiegħu. Fuq l-aġenda hemm: li jesprimi l-qrubija tiegħu lejn l-Insara, appoġġ għar-rikostruzzjoni ta’ nazzjon meqrud mill-gwerra u t-terroriżmu, u li jitqarreb iktar lejn ħutna l-Musulmani. Meta jasal l-Iraq, il-Papa Franġisku se jwettaq waħda mill-ħolm li kellu l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II.

L-Insara Iraqqini ilhom jistennew lill-Papa għal tnejn u għoxrin sena. Kien fl-1999 meta San Ġwann Pawlu II ippjana pellegrinaġġ qasir iżda wieħed sinifikanti lejn l-Ur tal-Kaldin, l-ewwel stadju tal-vjaġġ tal-Ġublew lejn il-postijiet tas-salvazzjoni. San Ġwann Pawlu II ried jibda b’Abraham, il-missier komuni rikonoxxut mill-Lhud, l-Insara u l-Musulmani. Ħafna kienu taw parir lill-Papa Pollakk biex ma jagħmilx dan il-vjaġġ għaliex seta’ jirriskja li jsaħħaħ lil Saddam Hussein. Il-Papa Ġwanni Pawlu II baqa’ għaddej bil-programm, minkejja diversi tentattivi biex jiddiswaduh. Iżda fl-aħħar tal-ġurnata dak il-vjaġġ li kellu natura esklussivament reliġjuża ma seħħx, minħabba l-oppożizzjoni tal-President Iraqi.

Fl-1999, il-pajjiż kien diġà għarkupptejh minħabba l-gwerra mdemmija mal-Iran (1980-1988) u s-sanzjonijiet internazzjonali li segwew l-invażjoni tal-Kuwajt u l-ewwel Gwerra tal-Golf. In-numru ta’ Kristjani fl-Iraq dak iż-żmien kien aktar minn tliet darbiet ogħla milli hemm illum. Il-vjaġġ mitluf ta’ Ġwanni Pawlu II baqa’ ferita miftuħa.

Fl-2014, il-pajjiż ra l-qawmien tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, proklamat mill-ISIS. Kompliet il-qerda, l-persekuzzjoni w l-vjolenza, bil-poteri reġjonali w internazzjonali jiġġieldu fuq l-art Iraqina, bil-multiplikazzjoni ta’ milizzji barra mill-kontrol. Il-popolazzjoni bla difiża, maqsuma minn lealtajiet etniċi w reliġjużi, ħalset il-prezz għoli fil-ħajja tal-bniedem.

Mijiet ta’ eluf ta’ Nsara matul dawn is-snin ġew sfurzati jabbandunaw djarhom u jfittxu kenn barra l-pajjiż. L-Insara llum qed jistennew iż-żjara tal-Papa Franġisku bħala nifs ta’ arja friska. Il-Papa kien diġà ilu li ħabbar ir-rieda tiegħu li jmur l-Iraq biex ifarraġhom, u juri l-qrubija tiegħu ma’ dawk li qed ibatu, u li jħeġġeġ bil-preżenza tiegħu, proċessi ta’ rikoniljazzjoni, rikostruzzjoni w paċi. Għal din ir-raġuni, minkejja r-riskji marbuta mal-pandemija u s-sigurtà, minkejja l-attakki riċenti, l-Papa Franġisku żamm mal-appuntament fuq l-aġenda, determinat li ma jiddiżapuntax lill-Iraqini kollha li qed jistennewh.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-03/pope-iraq-abraham-brothers.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading