Il-Knisja għandha s-setgħa li tbierek unjoni tal-istess sess?

Print Friendly, PDF & Email

Dan hu t-test sħiħ tal-Kongregazzjoni tal-Vatikan għad-Duttrina tal-Fidi: it-Tweġiba għall-Mistoqsija dwar it-tberik tal-unjonijiet tal-istess sess (u wara kummentarju akkumpanjattiv public mill-Catholic News Agency fil-15 ta’ Marzu 2021.

Responsum tal-Kongregazzjoni tal-Fidi għal dubium rigward it-tberik tal-unjonijiet ta’ persuni tal-istess stess

Il-mistoqsija proposta:

Il-Knisja għandha s-setgħa li tbierek unjonijiet tal-istess sess?

It-tweġiba:

Negattiva.

Nota li tispjega:

F’xi kuntesti ekkleżjali, pjanijiet u proposti ta’ tberik ta’ unjonijiet ta’ persuni tal-istess sess qed ikunu avvanzati.  Proġetti bħal dawn ħafna drabi jkunu motivati minn xewqa sinċiera sabiex wieħed jilqa’ u jakkumpanja persuni omosesswali, u biex lil dawn il-Knisja tipproponihom toroq ta’ żvilupp fil-fidi ‘ħalli dawk li jimmanifestaw orjentament omosesswali jkunu jistgħu jirċievu l-assistenza li jeħtieġu u hekk jifhmu b’mod ċar u sħiħ kif titwettaq ir-rieda ta’ Alla f’ħajjithom’.  (1)

F’toroq bħal dawn, is-smigħ tal-Kelma t’Alla, it-talb, il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet liturġiċi ekkleżjali u l-eżerċizzju tal-karità jista’ jkollhom rwol importanti fis-sostenn tal-impenn sabiex wieħed jaqra l-istorja tiegħu nnifsu u jimxi magħha f’sens ta’ libertà u responsabiltà għas-sejħa tal-Magħmudija, għaliex ‘Alla jħobb kull persuna u l-Knisja tagħmel l-istess’ (2), u tiċħad kull diskriminazzjoni inġusta.

Fost l-azzjonijiet liturġiċi tal-Knisja, is-sagramentali għandhom importanza singulari: ‘Dawn huma sinjali sagri li jixbhu s-sagramenti: huma jindirizzawna lejn effetti, effetti ta’ tip spiritwali partikulari, li jinkisbu bl-interċessjoni tal-Knisja. Permezz ta’ dawn, il-bnedmin isiru disposti li jirċievu l-effett ewlieni tas-sagramenti, u diversi okkażjonijiet tal-ħajja huma mqaddsin’ (3).  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jispeċifika li ‘is-sagramentali ma jikkonferux il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu  bl-istess manjiera tas-sagramenti,  imma permezz tat-talb tal-Knisja, huma jħejjuna sabiex nirċievu l-grazzja li tiddisponina biex nikkoperaw magħha’ (n. 1670).

Il-barkiet jappartjenu lill-kategorija tas-sagramentali, waqt li l-Knisja ‘isejjħilna sabiex infaħħru lil Alla, tinkoraġġina sabiex ninvokaw il-protezzjoni tiegħu u teżortana sabiex infittxu l-ħniena tiegħu bil-qdusija tal-ħajja tagħna’ (4).  Barra minn hekk, dawn ‘ġew stabiliti bħala tip ta’ imitazzjoni tas-sagramenti, barkiet li huma sinjali ta’ effetti spiritwali li jinkisbu permezz tal-interċessjoni tal-Knisja’ (5)

Bħala konsegwenza, sabiex wieħed jikkonforma man-natura tas-sagramentali, meta tkun invokata barka fuq relazzjoni umana partikulari, flimkien mal-intenzjoni tajba ta’ dawk li jipparteċipaw, huwa meħtieġ li dak li jitbierek ikun oġġettivament u pożittivament ordinat sabiex jirċievi u jesprimi l-grazzja, skont il-pjanijiet ta’ Alla miktuba fil-ħolqien, u revelati minn Kristu l-Mulej. Għalhekk, dawk ir-realtajiet li huma fihom infushom ordinati sabiex jaqdu dawn l-iskopijiet, huma kongruwenti u allura fi qbil mal-essenza tal-barka mogħtija mill-Knisja.

Għal din ir-raġuni, mhuwiex leċitu li wieħed jagħti barka fuq relazzjonijiet, imqar jekk stabbli, li jinvolvu attività sesswali barra ż-żwieġ (i.e., ‘il barra mill-unjoni indissolubbli ta’ raġel u mara miftuħa għall-ħajja), bħalma huwa fil-każ ta’ unjonijiet bejn persuni tal-istess sess (6). Il-preżenza ta’ elementi pożittivi f’relazzjonijiet bħal dawn, li fihom infushom għandhom jingħataw valur u apprezzament, ma jistgħux jiġġustifikaw dawn ir-relazzjonijiet u jirrenduhom oġġetti leġittimi ta’ barka ekkleżjali, ladarba l-elementi pożittivi jeżistu fi ħdan kuntest ta’ unjoni li mhix ordinata skont il-pjan tal-Ħallieq.

Barra minn hekk, ladarba barkiet fuq persuni huma f’relazzjoni mas-sagramenti, il-barkiet ta’ unjonijiet omosesswali ma jistgħix jitqiesu leċiti.  Dan għaliex huma jikkostitwixxu imitazzjoni ċerta jew analoga ta’ barka taż-żwieġ (7) invokata fuq raġel u mara magħqudin fis-sagrament taż-żwieġ, waqt li fil-fatt ‘ma hemm ebda bażi għall-kunsiderazzjoni tal-unjonijiet omosesswali fuq livell simili jew imqar remot għall-pjan li Alla għandu għaż-żwieġ u l-familja’ (8).

Id-dikjarazzjoni tan-nuqqas ta’ legalità ta’ barkiet għal unjonijiet bejn persuni tal-istess sess mhix intiża li tkun xi forma ta’ diskriminazzjoni inġusta imma hija pjuttost tfakkira tal-verità tar-rit liturġiku u n-natura vera tas-sagramentali, kif tifhimhom il-Knisja.

Il-komunità Kristjana u r-ragħajja tagħha huma msejħa sabiex jilqgħu b’rispett u sensittività lill-persuni b’inklinazzjonijiet omosesswali, u jsibu modi adattati, konsistenti mat-tagħlim tal-Knisja, sabiex dawn ixandrulhom il-Vanġelu fis-sħuħija tiegħu.  Fl-istess waqt, irid jirrikonoxxu l-qrubija ġenwina tal-Knisja – li titlob għalihom, takkumpanjahom u taqsam magħhom il-vjaġġ tal-fidi Kristjana (9) – u jirċievu t-tagħlim bi ftuħ sinċier.

It-tweġiba għad-dubium propost, ma jipprekludix il-barkiet mogħtija lill-persuni individwali b’inklinazzjonijiet omosesswali (10), li jimmanifestaw ir-rieda li jgħixu f’fedeltà mal-pjanijiet rivelati ta’ Alla kif proposti mit-tagħlim tal-Knisja.  Hi tiddikjara illeċita kull forma ta’ barka li tiġbed favur għarfien tal-unjonijiet fihom infushom.  F’dan il-każ, fil-fatt,  il-barka timmanifesta mhux l-intenzjoni sabiex wieħed jafda persuni bħal dawk għall-protezzjoni u l-għajnuna ta’ Alla, fis-sens imsemmi aktar ‘il fuq, imma li tapprova u tinkuraġġixxi għażla u stil ta’ ħajja li ma tistax tkun rikonoxxuta bħala oġġettivament ordinata lejn il-pjanijiet rivelati ta’ Alla (11).

Fl-istess waqt, il-Knisja tfakkar li Alla nnifsu qatt ma jehda jbierek lil uliedu pellegrini fid-dinja, għaliex għaliH ‘aħna aktar importanti  mid-dnubiet kollha li nistgħu nwettqu’ (12).  Hu ma jistax ibierek id-dnub: hu jbierek lill-midneb, sabiex jagħraf il-pjan tal-imħabba tiegħu u jħalli lil Alla jibdlu.  Fil-fatt Hu ‘jeħodna kif aħna, imma qatt ma jħallina kif isibna’ (13).

Għaldaqstant, minħabba r-raġunijiet imsemmija aktar ‘il fuq, il-Knisja ma għandhiex u lanqas jista’ jkollha, is-setgħa li tbierek l-unjonijiet ta’ persuni tal-istess sess fis-sens intiż aktar ‘il fuq.

Il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku, fl-Udjenza mogħtija lis-Segretarju ta’ din il-Kongregazzjoni hawn taħt iffirmat, kien infurmat u ta l-approvazzjoni tiegħu lill-pubblikazzjoni tar-Responsum ad dubium, flimkien man-Nota esplanatorja annessa.

Ruma, mill-Uffiċini tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, it-22 ta’ Frar 2021, Festa tas-Sede ta’ Pietru Appostlu

Luis F. Card. Ladaria, S.I.

Prefett

✠ Giacomo Morandi

Arċisqof Titulari ta’ Cerveteri

Segretarju

_______________________

[1] FRANĠISKU, Eżortazzjoni Apostolika Amoris laetitia, 250.

[2] SINODU TAL-ISQFIJIET, Dokument Finali tal-XV Assemblea Ġenerali Ordinarja, 150.

[3] KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 60.

[4] RITUALE ROMANUM ex Decreto Sacrosancti Oecumenici Concilii Vaticani II instauratum auctoritate Ioannis Pauli PP. Il promulgatum, De bendictionibus, Praenotanda Generalia, n.9.

[5] Ibidem, n. 10.

[6] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2357.

[7] Fil-fatt, il-barka taż-żwieġ tirriferi għar-rakkont tal-ħolqien, li fiha il-barka t’Alla fuq ir-raġel u l-mara hija relatata mal-unjoni li tħalli frott. (cf. Gen 1:28) u l-kumplimentarjetà (cf. Gen 2:18-24).

[8] FRANĠISKU, Eżortazzjoni Apstolika Amoris laetitia, 251.

[9] Cf. KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Letter Homosexualitatis problema On the Pastoral Care of Homosexual Persons, 15.

[10] De benedictionibus fil-fatt jippreżenta lista estiża ta’ sitwazzjonijiet li fihom għandha tkun invokata l-barka t’Alla.

[11] KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Letter Homosexualitatis problema Fuq il-Kura Pastorali tal-Persuni Omosesswali, 7.

[12] FRANĠISKU, Udjenza Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru, 2020, Katekeżi fuq it-Talb, il-barka.

[13] Ibidem.

Miġjub għall-Malti minn Dun Geoffrey G. Attard



Artiklu ta’ Kummentarju dwar ir-Responsum ad dubium

L-istqarrija l-ġdida tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi hija tweġiba għall-mistoqsija – f’termini klassiċi – magħmula għal dubium – li huwa frott talba għal kjarifika min-naħa tar-ragħajja u l-fidili sabiex tingħata gwida għal tema kontroversjali.  Meta jsiru mistoqsijiet frott asserzjonijiet diplomatiċi f’oqsma importanti tal-ħajja Kristjana, jingħata rispons affermattiv jew negattiv flimkien ma’ stqarrija tar-raġunament li jissapportja r-rispons preżentat.  L-għan ta’ dawn l-interventi hu li tgħin lill-Knisja universali sabiex twieġeb aħjar għad-domandi tal-Vanġelu, sabiex jiġu setiljati disputi u sabiex tissaħħaħ il-komunjoni sana fost il-poplu qaddis ta’ Alla.

Fil-każ preżenti, qamet kwistjoni qamet minn ħdan il-kuntest ta’ ‘xewqa sinċiera għal merħba u l-akkumpanjament ta’ persuni omosesswali.  Lil dawn huma proposti toroq ta’ żvilupp fil-fidi’ (Nota Esplanatorja) kif indikata mill-Papa fil-konklużjoni taż-żewġ Assemblej Sinodali fuq il-familja: ‘sabiex dawk li jimmanifestaw orjentament omosesswali jkunu jistgħu jirċievu l-assistenza li jeħtieġu sabiex jifhmu aħjar ir-rieda t’Alla f’ħajjithom u jwettquha’ (Eżortazzjoni Apostolika Amoris laetitia, n. 250).  Dawn il-kelmiet huma stedina sabiex jevaljaw b’dixxerniment xieraq, proġetti u proposti pastorali diretti għal dan l-iskop.  Fost dawn hemm il-barkiet mogħtija lil unjonijiet ta’ persuni tal-istess sess.  Wieħed għalhekk jistaqsi jekk il-Knisja għandhiex is-setgħa li tagħti l-barka: din hija formula li tinstab fil-quaesitum.

It-tweġiba – ir-Responsum ad dubium – huwa spjegat u motivat fin-Nota Esplanatorja annessa tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, bid-data tat-22 ta’ Frar, 2021 għall-pubblikazzjoni li għaliha Papa Franġisku nnifsu ta l-permess tiegħu.

In-Nota hija ċċentrata fuq id-distinzjoni fundamentali u deċiżiva bejn il-persuni u l-unjoni.  Dan hu b’tali mod li l-ġudizzju negattiv fuq il-barka tal-unjonijiet ta’ persuni tal-istess sess ma timplikax ġudizzju fuq persuni.

Persuni l-ewwel u qabel kollox.

F’dan ir-rigward, dak li hu  mistqarr fin-numru 4 tal-Kunsiderazzjonijiet Rigward Proposti għall-għoti ta’ Għarfien Legali għal Unjonijiet bejn Persuni Omosesswali miktuba mill-istess Kongregazzjoni u kif imsemmija mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, m’għandux jiġi minsi: ‘Skont it-tagħlim tal-Knisja, persuni b’tendenzi omosesswali  ‘jeħtieġ li jkunu aċċettati b’rispett, kompassjoni u sensittività.  Kull sinjal ta’ diskriminazzjoni inġusta f’dan il-qasam għandha tkun evitatà (2358)’.  Dan it-tagħlim hu msemmi u affermat minn din in-Nota.

Fil-każ ta’ unjonijiet ta’ persuni tal-istess sess, ir-rispons għad-dubium ‘jiddikjara illeċitu kull forma ta’ barka li għandha t-tendenza tirrikonoxxi l-unjonijiet tagħhom bħala tali’.  In-Nota Esplanatorja jibbaża din in-nuqqas ta’ leġittimità fuq tliet raġunijiet interkonnessi.

L-ewwel raġuni toħroġ mill-verità u l-valur tal-barkiet.  Dawn jappartjenu lill-ġeneru tas-sagramentali, li huma ‘azzjonijiet liturġiċi tal-Knisja’ li jirrikjedu konsonanza ta’ ħajja ma’ dawk li huma jissinifikaw u jiġġeneraw. Dawn huma sinjali u riżultat tal-grazzja li n-Nota tispjega f’forma konċiża. Konsegwentament, barka fuq relazzjoni umana titlob li tkun ordnata sabiex tirċievi u tesprimi t-tajjeb li hu pronunzjat u mogħti mill-istess barka.

Għalhekk, l-ordni li jagħmilha denju li wieħed jirċievi d-doni hu mogħti skont ‘il-pjanijiet ta’ Alla miktuba fil-ħolqien u rivelati minn Kristu l-Mulej’.  Dawn huma l-pjanijiet li għalihom ‘relazzjonijiet imqar jekk stabbli, li jinvolvu attivitÀ sesswali barra ż-żwieġ’ ma jikkorrispondux għaliex huma ‘il barra mill-unjoni indissolubbli ta’ raġel u mara miftuħa għat-trażmissjoni tal-ħajja’.  Imma kull unjoni li tinvolvi attività sesswali barra miż-żwieġ, hija illeċita mill-perspettiva morali, skont it-tagħlim perenni tal-Maġisteru ekkleżjali.

Dan kollu jimplika setgħa li l-Knisja m’għandhiex, għaliex hi m’għandhiex setgħa fuq il-pjanijiet ta’ Alla, li allura jistgħu jiġu miċħuda u mwarrba.  Il-Knisja mhijiex l-arbitru ta’ dawn il-pjanijiet u l-veritajiet li huma jesprimu, imma hi biss l-interpretu fidil u xhud tagħhom.

It-tielet raġuni hi li wieħed irid joqgħod attent mill-iżball: l-iżball li nassimilaw il-barka tal-unjonijiet ta’ persuni tal-istess sess ma’ dik tal-unjoni matrimonjali.  Minħabba r-rabta bejn il-barkiet tal-persuni u s-sagramenti, il-barkiet ta’ dawn l-unjonijiet tista’ f’xi sens timplika ‘ċerta imitazzjoni jew analoġija tal-barka taż-żwieġ’, mogħtiija lir-raġel u mara magħqudin fis-sagrament taż-Żwieġ.  Dan ikun żball.

Għar-raġunijiet imsemmija ‘l fuq, ‘il-barka tal-unjonijiet omosesswali ma tistax tkun kunsidrata leċita’.  Din l-istqarrija b’ebda mod ma tisraq l-attenzjoni mill-kunsiderazzjoni Kristjana li fiha l-Knisja żżomm kull persuna.  Fil-fatt, ir-rispons għad-dubium ‘ma jipprekludix il-barkiet mogħtija lill-persuni individwali b’inklinazzjonijiet omosesswali li jimmanifestaw ir-rieda li jgħixu fil-fedeltà għall-pjanijiet rivelati ta’ Alla kif proposti mit-tagħlim tal-Knisja’.

https://www.catholicnewsagency.com/news/full-text-vaticans-doctrinal-office-response-and-note-on-the-blessing-of-same-sex-unions

Miġjub għall-Malti minn Dun Geoffrey G. Attard

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading