5 ta’ April: SAN VINĊENZ FERRER, SAĊERDOT
Tifkira
San Vinċenz Ferrer twieled f’Valencia, Spanja, fl-1350; daħal fl-Ordni tal-Predikaturi u għallem it-teoloġija. Għamel ġid kbir għall-ħarsien tal-fidi u t-tiġdid tal-ħajja nisranija. Il-prietki tiegħu kienu milqugħa kemm mill-insara, kif ukoll mil-Lhud u l-Musulmani. Miet f’Vannes, Franza, fil-5 ta’ April 1419.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI II
Qari mit-Trattat fuq il-ħajja spiritwali, ta’ San VinċenZ Ferrer, saċerdot
(De vita spiritali, cap. 13)
Kif għandha ssir il-predikazzjoni
Meta tippriedka jew twissi, tkellem bis-sempliċità kif titkellem id-dar, jekk trid tfisser xi għemil partikulari; u kemm jista’ jkun inqeda bl-eżempji, biex il-midneb, jekk ikun waqa’ fid-dnub li ssemmi, iħoss ruħu milqut minn kliemek u jistħajjel li qiegħed tgħid għalih; qis iżda li kulħadd jara li kliemek ma jkunx imqanqal mis-suppervja jew mill-korla, imma jkun ħiereġ minn qiegħ qalbek mimlija bl-imħabba u l-ħniena ta’ missier, bħalma missier jagħder lil uliedu meta jidinbu, iħoss għalihom fil-mard, u jisgħob bih jekk jaqgħu f’xi ħofra fonda, minn fejn ifittex li joħroġhom u jeħlishom, u jdur bihom b’qalb ta’ omm. Meta tkellem bħal wieħed li jifraħ bil-progress tagħhom u bit-tama li għad jiksbu l-glorja tal-ġenna.
Is-soltu, taħdit bħal dan dejjem kien ta’ fejda għal min jisimgħu. Għax diskors ġenerali fuq il-virtujiet u l-vizzji ftit li xejn iqanqalhom lis-semmiegħa.
U l-istess fil-qrar. Sew ma’ min hu beżżiegħi, jekk tieħdu bil-ħlewwa u tagħmillu l-qalb, sew ma’ min hu xieref, jekk tbeżbżu kemmxejn bl-aħrax, qis li dejjem timxi magħhom bi mħabba kbira, biex il-midneb dejjem iħoss li, kull ma tgħidlu, qiegħed tgħidulu bi mħabba safja. Għalhekk, qabel ma tibda twiddbu bi kliemek, dejjem ħudu bl-imħabba u l-ħlewwa.
Jekk trid tagħmel ġid spiritwali lil għajrek, l-ewwelnett dur lejn Alla b’qalbek kollha u itolbu bis-sempliċità biex jagħtik il-grazzja li jimliek bl-imħabba, għax l-
imħabba hija l-ġabra ta’ kull virtu, u biha tista’ tasal fejn tixtieq.
RESPONSORJU 2 Tim 4:2; ara Atti 26:20b
1. Xandar il-kelma, sus wara l-fidili f’ħin f’waqtu jew le, ċanfar, widdeb, wissi, * Bis-sabar kollu u bit-tagħlim.
(Zmien il-Għid hallelujah).
2. Xandar lill-popli biex jindmu u jduru lejn Alla. * Bis-sabar kollu u bit-tagħlim (Żmien- il-Għid hallelujah).
Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
Fir-Randan għat-tifkira :
Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellmu fikom.
Talba
O Alla, is-saċerdot San Vinċenz Ferrer, li int għażiltu ministru tiegħek biex ixandar l-Evanġelju, fakkar sikwit li l-Feddej tagħna għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mid-dinja; agħtina li, kif għad narawh imħallef fuq l-art, hekk ukoll, mal-qaddisin tiegħek, narawh sultan fis-sema: Ibnek Ġesu Kristu Sidna, li hu Alla.
Fl-Għasar
Fir-Randan għat-tifkira
Ant. tal- kant. ta’ Marija Sirt kollox għal kulħadd, biex lil kulħadd insalva.