Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Evanġelju skont San Luqa 10:25-37

Is-Samaritan it-Tajjeb. Video minn Joe Galea.

[Lq:10:25] Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” [Lq:10:26] Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” [Lq:10:27] U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” [Lq:10:28] “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix.”

[Lq:10:29] Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” [Lq:10:30] U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.

[Lq:10:31] Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. [Lq:10:32] Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.

[Lq:10:33] Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. [Lq:10:34] Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. [Lq:10:35] L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’ [Lq:10:36] Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” [Lq:10:37] “Min ħenn għalih,” wieġbu dak. “Mur,” qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll.”

%d