Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II f’Fulda

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIR-REPUBBLIKA FEDERALI TEDESKA. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II.

Fulda, 18ta’  Novembru 1980

1. Ippermettuli, meqjumin Isqfijiet u saċerdoti, ħuti rġiel u nisa tal-ordnijiet u tal-kongregazzjonijiet reliġjużi; ippermettuli, rappreżentanti tal-apostolat lajk hawn preżenti, li nuri qabel xejn il-qima lejn dak, li wasalna fuq il-qabar tiegħu fil-korsa ta’ dan il-pellegrinaġġ ġo Fulda, fis-santwarju tan-nazzjon tagħkom.

San Bonifaċju kien benedittin, membru ta’ ordni venerabbli, li fi żmien ta’ Girgor il-Kbir kien wasal fil-gżejjer Brittaniċi mar-raħeb Wistion, Bonifaċju kien wieġeb għall-appell tal-popli li kienu jokkupaw fil-Ġermanja it-territorju fil-Lvant tax-xmara Rhine. Huwa kien semgħu bħala sejħa ta’ Kristu u hekk medd siequ fuq l-art tal-predeċessuri tagħkom.

San Bonifaċju., Isqof u martri jirrappreżenta l-“bidu” tal-evanġelizzazzjoni u tal-Knisja f’artkom. Illum ġejna hawn biex nagħmlu kuntatt ma’ dan il-“bidu”, biex nifhmu s-sinifikat. Il-“bidu”, jirrapreżenta l-opra stess ta’ Alla, li nqeda bix-xhieda ta’ bniedem: ix-xhieda ta’ Bonifaċju, ta’ ħajtu u tal-martirju tiegħu.

2. Fit-tieni qari San Pawl ikellimna, bl-ittra tiegħu lit-Tessalonkinm, imma mhemm ebda dubju li l-kliem tal-Appostlu tal-ġnus jistà jkun l-istess tal-Appostlu tat-Tedeski. Dan joħroġ mill-qalb, hekk bħal ma qabel kien ħareġ mill-qalb ta’ Pawlu ta’ Tarsu.

“Kellna f’Alla tagħna l-kuraġġ li nxandrulkom il-Vanġelu ta’ Alla f’nofs ħafna taqbid” (1Ts 2,2). Lilkom? Min kienu dawn il-popli? Liema huma l-ismijiet storiċi ta’ dak in-nisel li Bonifaċju kien laħaq bħala missjunarju? L-istoriċi jsejħulhom turinġjani u assjani, Alemanni, bavareżi u frisi. San Bonifaċju, li ninsabu weqfin fuq il-qabar tiegħu, hawn f’Fulda, wassal lil dawn il-popli l-kliem tal-Vanġelu, u dik l-imħabba erojka li saret il-wirt ta’ qalbu grazzi għall-qawwa tal-Ispirtu Santu – għalih bħal ma għal ħafna li ġew qablu u warajh: għall-appostli, il-missjunarji u r-rgħajja. “Bħala appostli ta’ Kristu” jikteb Pawlu “ġibna ruħna bil-ħlewwa magħkom, bħalma omm tradda tħaddan lil uliedha: Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla  imma ħajjitna stess” (1Ts 2,7-8).

3. Ejjew issa nispostjaw ħarsitna mill-qari tal-ittra lit-Tessalonkinm u nitrasferixxu ruħna fil-kamra tal-aħħar ċena f’jum l-Għid. Kristu jgħid “Ma nsejħilkomx iktar qaddejja, għaliex il-qaddej ma jafx dak li jagħmel sidu, imma sejjaħtilkom ħbieb, għaliex dak kollu li smajt mingħand Missieri jiena għarraftulkom” (Ġw 15,15). Sentenza tassew sinifikattiva: il-qaddej huwa dak li ma jaf xejn; il-ħabib, li lilu jingħad kollox, li lilu jiġi afdat kollox; dak li jaf.

U x’jaf u x’jagħraf dan il-ħabib u appostlu? Huwa jaf dak li Ġesù nnifsu semà mingħand il-Missier. Infatti Kristu qal dak li kien semà mingħand il-Missier lil dawk li huwa kien għażel; lill-Appostli, lill-ħbieb.

Bonifaċju bosta sekli ilu sab ruħu fl-art tal-predeċessuri tagħkom, kellu l-istess għarfien u l-istess ċertezza, li fiha Kristu, fl-aħħar ċena, kien ikkonferma l-Appostli tiegħu, meta kien sejħilhom ħbieb: aħna nippridkaw “Bħal ma Alla sabna denji li jafdalna l-Vanġelu, hekk aħna nippridkawh, bla ma nfittxu li nogħġbu lill-bnedmin, imma lil Alla, li jipprova qlubna” (1Ts 2,4). Dan huwa l-kliem ta’ Pawlu, l-Appostlu tal-ġnus, imma l-liturġija tallum tqegħdhom fuq xuftejn Bonifaċju, l-Appostlu tal-Ġermanja. U dan tagħmlu bi dritt tajjeb. L-opra tal-evanġelizzazzjoni, li huwa ferrex f’pajjiżkom, tibbaża ruħha fuq il-fatt li huwa kien iħabbar it-tagħlim ta’ Alla. Huwa kien lest li jagħti ħajtu għall-imħabba ta’ dawk li għandhom kien mibgħut. Il-Vanġelu u l-Knisja jibbażaw ruħhom fuq is-sies tal-verità u tal-imħabba, li “kien imsawwab f’qalbna permezz tal-Ispirtu Santu” (Rm 5,5).

4. Il-Vanġelu mhux dejjem jogħġob lill-bnedmin. U mhux dejjem jistà jogħġob lilhom. Ma jistax ikun iffalsifikat bħala “ftaħir”, u mhuwiex possibbli jfittxilna l-vantaġġ propju, u linqas il-“fama ċara”.

Kultant jistà jixbaħ lil min jismà “qari sever”; u min iferrxu u jikkomunikah jistà jsir “sinjal ta’ kontradizzjoni”, Ladarba din il-verità ta’ Alla, din l-aħbar ferrieħa taħbi fiha tensjoni nterna kbira. Fiha jikkonċentra l-kuntrast bejn dak li ġej minn Alla u dak li ġej mid-dinja. Kristu jgħid: “Li kontu tad-dinja, id-dinja tħobb dak li huwa tagħha; la darba bil-maqlub mintomx tad-dinja, għal dan id-dinja tobgħodkom…” (Ġw 15,19). U jkompli: “Kunu afu li qabilkom id-dinja bagħdet lili” (Ġw 15,18).

Fil-qalb tal-Vanġelu, tal-bxara t-tajba, hemm stampat is-salib, Fih jissalbu ż-żewġ kurrenti l-kbar: wieħed li, mingħand Alla jmur lejn id-dinja, lejn il-bnedmin tad-dinja, kurrent ta’ mħabba u ta’ verità; it-tieni, li jimxi minn ġod-dinja: ix-xewqa tal-għajnejn, ix-xewqa tal-ġisem, il-ftaħir tal-pussess (1Ġw 2,16). Dawn ma jiġux mill-Missier.

Il-post fejn dawn iż-żewġ kurrenti jiltaqgħu se jkompli u jirrepeti ruħu tul il-kors tal-istorja u se jassumi diversi aspetti.

Fin-nofs Kristu se jkompli jgħix. Kristu ma ġiex fid-dinja biex jikkundannah bilqiegħda fuq il-bank tal-imħallef tal-verità traxxendentali assoluta. Huwa ġie sabiex id-dinja, permezz tiegħu, tkun salvata. U għal dan huwa jibgħat iż-żgħażagħ tiegħu fid-dinja: fid-“dinja kollha”. Huwa jgħidilhom “Ladarba ppersegwitaw lili, se jippersegwitaw lilkom ukoll: ladarba osservaw kelmti, se josservaw ukoll dik tagħkom” (Ġw 15,20). Mhuwiex jewwilla opportun li nieqfu hawn, fuq il-qabar ta’ San Bonifaċju ġewwa Fulda biex nirriflettu dwar il-qawwa straordinarja ta’ din id-dikjarazzjoni?

5. Immeditajna dwar dak kollu li s-servizz divin tallum itratta, itrattajnieh bi skrupolożità kbira, biex nonoraw l-ewwel patrun tal-Ġermanja. Infatti l-kliem kollu tal-liturġija jirreferi għalih. Naqrawha minnu. Huwa sar għalhekk f’art twelidkom il-ġebla tax-xewka tal-Knisja, għaliex fih twettaq dan il-kliem.

Kif il-ħmira tinfed id-dqiq, hekk Bonifaċju bix-xhieda tiegħu nifed il-qlub bl-Ispirtu ta’ Kristu u kkonvertihom. Aħna nfakkru miegħu lill-ulied maskili u femminili ta’ art twelidkom, hekk bħal ma jgħid l-ewwel qari meħud mill-ktieb tas-Siraċide: “Ejjew nagħmlu l-eloġju tal-bnedmin distinti, tal-antenati tagħna skont il-ġenerazzjonijiet tagħhom. Il-Mulej qiegħed fihom il-glorja, il-kobor tiegħu deher sa mill-bidu tas-seklii. Sinjuri fis-saltniet tagħhom, bnedmin distinti għall-qawwa tagħhom; kunsilliera għall-intelliġenza tagħhom u ħabbara fil-profeziji. Dawn kollha kienu onorati min-nies ta’ żminijiethom, kienu mertu għal żmienhom. Minnhom xi wħud ħallew isem, li għadu mfakkar b’tifħir. Minflok dawn kienu nies virtużi, li l-merti tagħhom ma ntesewx. Fid-dixxendenza tagħhom jgħammar wirt prezzjuż, in-nepputijiert tagħhom” (Sir 44,1.3.7-8.10-11).

Kemm ismijiet għandna niftakru! Ejjew nagħmlu ftit eżempji: Bruno ta’ Querfurth u Benno ta’ Meissen; Ildegarda ta’ Bingen u Eliżabetta ta’ Turingia; Edvige ta’ Andechs u Geltrude ta’ Helfta; Albertu l-Kbir u Pietru Canisio; Edith Stein u Alfred Delp, Franz Stock u Karl Sonnenschein.

Verament “il-merti tagħhom ma ntesewx” (Sir 44,10). “Ġisimhom kien midfun fil-paċi, imma isimhom jgħix għal dejjem. Il-popli jitkellmu dwar l-għerf tagħhom, l-assemblea xxandar it-tifħir” (Sir 44,14-15).

6. U osservaw: waqt li nsegwu l-versi ta’ dan il-qari tat-Testment il-Qadim u ndawru ħarsitna lejn dan il-kwadru meraviljuż li l-liturġija tiddisinja għalina, naslu sal-ġenerazzjoni tagħna, għal dik tallum.

Għeżież ħuti! Fis-sewwa, minkejja d-differenzi kollha, id-dmir tagħna, is-sitwazzjoni tagħna għandha ħafna komuni mal-impenn ta’ San Bonifaċju. Miegħu twieldet, b’xi mod, l-istorja tal-Kristjaneżmu f’pajjiżkom. Ħafna jgħidu li din l-istorja qiegħda issa tasal għal tmiemha. Jiena ngħidilkom: l-istorja tal-Kristjaneżmu f’pajjiżkom għandha tibda mill-ġdid issa, u propju grazzi għalikom, grazzi għax-xhieda tagħkom iffurmata fl-Ispirtu ta’ San Bonifaċju.

Kemm hu prezzjuż li propju jien nistà nwassal lil qlubkom dan il-messaġġ, għeżież kattolċi tal-kunsilli u tal-assoċjazzjonijiet tal-apostolat lajk. L-istorja tal-assoċjazzjonijiet kattolċi fl-aħħar 130 sena, imma wkoll l-impenn tal-kunsilli tal-apostolat tal-lajċi, li għandhom hawn għandkom tradizzjoni tajba u li ġew iffurmati kważi kullimkien wara l-Konċilju Vatikan II, huwa premessa mimlija b’wegħdiet għall-impenn tas-siegħa preżenti. La tiqfux fuq dan li diġa ksibtu, imma ssugraw b’kuraġġ bidu ġdid, kif għamel Bonifaċju. Offru bħala “ħbieb ta’ Kristu” lill-bnedmin tallum “il-Vanġelu ta’ Alla” u l-“istess ħajjitkom”” (cf. Ġw 15,15; 1Ts 2,8)!

7. Grazzi lil Bonifaċju kibret mhux biss il-fidi, imma warrdet ukoll dik il-kultura umana, li hija frott u konferma tal-fidi. Fit-trażmissjoni tal-fidi u fis-servizz lid-dinja intom ukoll illum, bħala lajċi, għandkom id-dmir nobilissmu tagħkom. Meta l-bnedmin, speċjalment iż-żgħażagħ, jitolbukom, jesiġu li jagħrfu s-sinifikat tal-ħajja: tuhom tweġiba konvinċenti u komprensibbli. Meta d-dritt għall-ħajja, meta l-presupposti etiċi tal-kultura umana awtentika jkunu mhedda: ikun għalikom li tipproteġu d-dritt u d-dinjità tal-bniedem! Meta, permezz tal-formazzjoni u tal-edukazzjoni, jiġi li jifforma ruħu kwadru uman purament funzjonalistiku u nieqes minn sinifikat: agħtu intom kwadru, li fih dak li jara l-bniedem bħala x-xbiha ta’ Alla! Meta l-konsumiżmu u l-pjaċir minn banda, u l-biżà quddiem il-limitazzjonijiet tal-iżvilupp mill-banda l-oħra, jissuġġettaw is-soċjetà: oħolqu intom stil ta’ ħajja ġdid u kondizzjonijiet ta’ ħajja umani li jirrendu xhieda lit-tama, li Kristu irregalalna.

San Bonifaċju  kellu mara kbira bħala oħtu: il-badessa qaddisa Lioba, li l-qabar tagħha huwa meqjum ftit kilometri biss bogħod minn hawn: agħtu intom lill-mara fis-soċjetà tagħna u fil-Knisja dik l-importanza u dik il-konsiderazzjoni, li jippermettulha li twettaq l-impenn għoli tagħha għal ħajja tassew umana u nisranija. Meta bil-progress tal-umanità jikber ukoll in-numru ta’ dawk li jgħixu f’kondizzjonijiet ta’ emaġinazzjoni jew li ma jistgħux jużufruwixxu pjenament mill-frott tal-iżvilupp globali: qiegħdu lilkom infuskom intom fuq in-naħa tagħhom sabiex  huma jgawdu mid-drittijiet  u mill-benesseri, kunu intom il-paladini ta’ ordinament soċjali li jħaddan lid-dinja kollha, tal-libertà, tal-ġustizzja, tal-paċi.

8. Għeżież ħuti! Kunu koresponsabbli tal-futur tal-Knisja tagħna. Kunu intom stess Knisja, Ixhdu fl-assoċjazzjonijiet tagħkom il-karatteristiċi fundamentali tal-Knisja, tal-Knisja unika, qaddisa, kattolika u apostolika.

Kunu ħaġa waħda biss bejnietkom, kunu – kif turi t-tradizzjoni kbira tagħkom – il-kolonni u l-puntali tal-unità fost il-merħla ta’ Kristu u r-rgħajja tiegħu, mibgħuta minn Kristu. La taħsbux dwar prestiġju, egoiżmu, arroganza, imma kunu “qalb u ruħ waħda” (cf. At 4,32). Ippromwovu b’qawwa l-għaqda tal-kristjanità mifruda! L-għaqda tal-Knisja kienet il-passjoni ta’ San Bonifaċju.

Kunu qaddisin! Iva, qaddsu ħajjitkom u dejjem żommu preżenti biss dak li hu qaddis.Biss meta tagħmlu mill-karatteristiċi tal-Vanġelu l-istil tagħkom tal-ħajja, jirnexxilkom tgħaġġbu u tattiraw il-bnedmin. U, fix-xhieda tagħkom lid-dinja, taqdu l-qdusija tad-dinja. Bonifaċju kien qaddis fil-ħajja u fil-mewt.

Kunu kattoliċi, universali, miftuħa, kożmopoliti bħal Bonifaċju, li għaqqad f’ħajtu u f’qalbu l-Ingilterra, il-Ġermanja u Ruma. Tingħalqux fil-preokkupazzjonijiet tagħkom u fil-problemi tagħkom. Huwa meħtieġ il-kontribut tagħkom għall-uimanità kollha, għat-tielet dinja, għall-Ewropa, sabiex jitwettaq il-bidu l-ġdid.

Fl-aħħarnett kunu Appostli, cxhieda tal-fidi skont l-eżempju tal-martirju u tal-apostolat ta’ Bonifaċju, bi qbil mal-Papa u mal-Isqfijiet, imma fl-istess ħin kuraġġużi fl-impenn insostitwibbli u essenzjali tagħkom.

9. Ippermettuli, għeżież ħuti, li nagħlaq din ir-riflessjoni fuq il-qabar ta’ San Bonifaċju, l-Appostlu ta’ pajjiżkom, b’xewqa, li nislet mil-liturġija tallum. Aħna naqraw fil-ktieb ta’ Siracide: “Id-dixxendenti tagħhom jibqgħu fidili għall-wegħdiet u wliedhom grazzi għal missirijiethom, għal dejjem tibqà d-dixxendenza u l-glorja tagħhom ma tkunx imtebbà” (Sir 44,12-13).

X’nistà nixtieq iktar lilkom, il-ġenerazzjoni preżenti tal-insara tal-art Tedeska? U x’nistgħu nitolbu flimkien, hawn, f’dan il-post qaddis? Jalla l-ġenerazzjonijiet li jsegwu jgħassu l-fidi fil-patt. Jalla Kristu jkun il-verità tagħkom u ħajjitkom. Jalla huma, bħalkom, ikunu jistgħu jiġu f’dan il-post, li jirrapreżenta l-“bidu” tal-opra ta’ Alla f’art twelidkom.

Jalla huma, minn hawn, jippostjaw preżenza dejjem ġdida.

…u d-devozzjoni tagħkom ma tintesa qatt.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading