Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II fi Munich

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIR-REPUBBLIKA FEDERALI TEDESKA. QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Munich, 19 ta’ Novembru 1980

Għerżież ħuti, għeżież żgħażagħ!

1. Meta Kristu kien jitkellem dwar is-saltna ta’ Alla kien spiss jinqeda b’tixbihat u parabboli. Ix-xbiha tiegħu tal-“ħsad”, tal-“ħsad il-kbir”, ried ifakkar lil dawk li kienu jisimgħuh ġrajja li tirrepeti ruħha kull sena, mistennija b’tant asnsjetà, li biha setgħu iħejju ruħhom biex jiġbru, bix-xogħol iebes ta’ bosta bnedmin u bi tbatija, il-frott li  l-art tkun ipproduċiet.

Din il-kelma “ħsad”, ukoll illum iġġieġħel il-ħsieb tagħna jieħu l-istess direzzjoni, ukoll jekk aħna, abitanti ta’ pajjiżi ndustrijalizzati bil-kbir, għandna quddiemna xbiha ftit li xejn ċara ta’ dak li l-ġbir tal-frott tal-art ifisser għall-bidwi u speċjalment għall-bnedmin.

Bix-xbiha tal-qamħ, li jiġi miġbur, Kristu ried jirreferi għall-kobor u għall-maturazzjoni nterna tal-bniedem.

Il-bniedem huwa marbut man-natura tiegħu ma jistax jinqatà minnha. Fl-istess ħin huwa jiddominaha bl-orjentament intimu kollu tal-propja eżistenza personali. Għalhekk il-maturazzjoni umana hija xi ħaġa differenti mill-maturazzjoni tal-prodotti tan-natura. Għall-bniedem ma nitkellmux biss dwar tkabbir korporju u spiritwali. Biex il-bniedem jimmatura huwa meħtieġ li timmatura flimkien miegħu b’mod speċjali d-dimensjoni spiritwali u reliġjuża tal-eżistenza tiegħu. Meta Kristu jitkellem dwar il-“ħsad”, ifisser li l-bniedem irid jimmatura f’Alla u li mela f’Alla stess, fis-saltna tiegħu, huwa jiġbor il-frott tal-ġlidiet tiegħu u tal-maturazzjoni tiegħu.

Issa rrid inkellimkom, bnedmin żgħażagħ tallum, b’serjetà kbira, imma, fl-istess ħin, b’tama ferrieħa, dwar din il-verità tal-Vanġelu. Intom tinsabu taqsmu perjodu partikolarment important u kritiku ta’ ħajjitkom, li fih jistà jiġi deċiż ħafna, jew kważi kollox għall-iżvilupp ulterjuri tagħkom, għall-futur tagħkom.

Għall-formazzjoni tal-personalità propja, għall-kostruzzjoni tal-bniedem intern, l-għarfien tal-verità jilbes l-importanza determinanti. Il-bniedem jistà jimmatura tassew biss fid-dawl tal-verità u fil-verità. Hawn jinsab is-sinifikat profond ta’ edukazzjoni tant important, li għandha takkumpanja is-sistema kollha skolastika sal-università. Din l-edukazzjoni, din il-formazzjoni trid tgħin liż-żagħżugħ biex jitgħallem jagħraf u jifhem id-dinja u lilu nnifsu; trid tgħinu biex jagħmel iva li hu jitgħallem dak kollu li permezz tiegħu l-eżistenza u l-aġir tal-bniedem tad-dinja jilħqu s-sinifikat sħiħ tagħhom. Għal dan għandha wkoll tgħinu biex jitgħallem jagħraf lil Alla. Il-bniedem ma jistax jgħix, mingħajr ma jagħraf is-sinifikat tal-propja eżistenza.

2. Din ir-riċerka, dan l-awto-orjentament u din il-maturazzjoni lejn il-verità sħiħa u fundamentali tar-realtà mhix ċertament faċli. Minn dejjem kellhom jiffaċjaw bosta diffikultajiet. U propju għal din il-problema jrid jirreferi San Pawl, meta jikteb, fit-tieni ittra lit-Tessalonkin: “La tħallux li tikkonfondu u tinkwetaw ruħkom b’mod hekk faċli… Ħadd ma jingannakom b’xi mod!” (2Ts 2,2-3). Dan il-kliem indirizzat lil komunità żagħżugħa tal-ewwel insara, għandu llum jinqara mill-ġdid fid-dawl tal-kondizzjonijiet differenti taċ-ċiviltà u l-kultura moderna tagħna. Hekk nixtieq ngħid lilkom, żgħażagħ bnedmin tallum: Tħallux li tiskuraġġixxu ruħkom!

Tħallux li tkunu mqarrqa!

Kunu rikonoxxenti meta għandkom ġenituri, li jinkuraġġukom u jindikawlkom it-triq it-tajba.

Forsi huma ferm iktar, minn kemm intom tistgħu tintebħu mal-ewwel daqqa t’għajn. Imma hemm bosta li jbatu minħabba l-ġenituri tagħhom, li ma jħossuhomx mifhuma, jew saħansitra huma abbandunati. Oħrajn iridu jsibu t-triq tal-fidi mingħajr jew saħansitra kontra l-ġenituri tagħhom. Ħafna fl-iskola jbatu minħabba l-“esiġenza tar-rendiment”, bħal ma tgħidu intom, ħafna jsofru minħabba r-rapporti mal-oħrajn u r-restrizzjonijiet fil-qasam tax-xogħol, oħrajn minħabba l-insikurezza tal-prospettiva futura ta’ impjieg  .

Mela ma jbeżżagħniex il-fatt li l-iżvilupp tekniku jeqred il-kondizzjonijiet naturali tal-ħajja tal-bniedem?

U fuq kollox: fejn se tintemm din id-dinja, li hija maqsuma fi blokki militarizzati, f’popli għonja u foqra, fi stati liberi u totalitarji? F’dan jew f’dak il-post tal-art qegħdin ikomplu jfaqqgħu l-gwerer, li jġibu mewt u qerda fost il-bnedmin. U wkoll f’bosta partijiet tad-dinja, fil-bogħod jew fil-qrib, hemm iktar ripressjonijiet iebsa u terroriżmu mdemmi. Saħansitra fil-post fejn issa qegħdin niċċelebraw l-Ewkaristija, hemm bżonn infakkru quddiem Alla l-vittmi, li riċentement, qrib din il-pjazza ġew maqtula jew feruti bl-isplużjoni ta’ bomba. Huwa diffiċli li nirrejalizzaw x’inhu kapaċi jagħmel il-bniedem li jgħix l-aberrazzjoni tal-ispirtu u tal-qalb.

Huwa fuq dawn l-assunzjonijiet li aħna nibbażaw is-sejħa mill-ġdid tagħna għall-messaġġ tal-paċi: “Tħallux li tkunu skuraġġiti b’mod faċli!” Dawn il-miżerji u   dawn id-diffikultajiet jagħmlu parti minn dawk ir-reżistenzi, li għandna nersqu lejhom biex nippruvaw l-maturazzjoni tagħna fid-dawl tal-verità fundamentali. Minn hawn aħna wkoll insibu l-qawwa li naħdmu flimkien għall-bini ta’ dinja ġusta u umana, minn dan tiġina l-prontezza u l-kuraġġ u f’qies notevoli wkoll ir-responsabiltà li nieħdu ħsieb il-ħajja tas-soċjetà, tal-istat u tal-Knisja. Fil-verità għandna wkoll ngħidu li jikkunslana ferm il-fatt li, minkejja t-tant dellijiet u d-diffikultajiet, għadu jeżisti tant u tant ġid. U ma rridux ngħidu li jonqos, biss għaliex il-bniedem jitkellem ftit dwaru. Spiss hemm bżonn niskopru u nagħrfu l-ġid kollu li jitwettaq b’mod sieket, u li forsi għada jkun magħruf fil-milja kollha tiegħu. X’kellha tagħmel, per eżempju, madre Teresa ta’ Calcutta, fis-skiet u fid-diskrezzjoni, qabel ma d-dinja, maħsuda, indunat biha u bl-opra tagħha?

Għalhekk la tħallux lilkom infuskom tiġu skuraġġiti b’mod faċli!

3. Ma jiġrilkomx li taraw li, fis-soċjetà tagħkom, madwarkom, ħafna, li tafu bħala nsara, saru inċerti jew saħansitra tilfu l-orjentazzjoni? U dan l-istat tal-affarijiet ma jaġixxix jewwilla b’mod negattiv speċjalment fuq iż-żgħażagħ? Mhix evidenti t-tentazzjoni l-kbira tal-abbandun tal-fidi, li dwarha jitkellem l-Appostlu fl-ittra tiegħu?

I;l-kelma ta’ Alla fil-liturġija tallum tagħtina presentiment tal-wisgħa ta’ orizzont ta’ tali abbandun tal-fidi, hekk kif juri ruħu f’dan is-seklu, u jiċċaralna d-dimensjoni.

San Pawl jikteb: “Il-misteru tal-ħażen diġa qiegħed jaħdem…” (2Ts 2,7). Ma nistgħux ngħidu l-istess dwar żmienna? Il-misteru tal-ħażen, l-abbandun ta’ Alla, skont il-kliem tal-ittra ta’ Pawlu, għandu struttura nterna u sekwenza dinamika definita sewwa: “…għandu jkun rivelat il-bniedem ħażin… dak li jopponi u li jintrefà fuq kull ma jġib isem Alla, jew kull ma huwa meqjum mill-bnedmin, sabiex hu stess joqgħod bilqiegħda fit-tempju ta’ Alla u jsejjaħ lilu nnifsu Alla” (2Ts 2,3-4). Hawn ukoll insibu struttura nterna taċ-ċaħda, qerda ta’ Alla mill-qalb tal-bnedmin u tal-abbandun ta’ Alla min-naħa tas-soċjetà umana, u dan bil-għan, kif jingħad, ta’ “umanizzazzjoni” sħiħa tal-bniedem, jiġifieri tirrendi l-bniedem uman fis-sens sħiħ u, b’ċertu mod, tqiegħdu fil-post ta’ Alla, mela “tiddejifikah”. Din l-istruttura, kif wieħed jistà jara, hija antika ħafna u hija diġa magħrufa sa mill-bidu, minn l-ewwel kapitlu tal-Ġenesi : jiġifieri t-tentazzjoni li ssawwab fuq il-bniedem id-“divinità” (tax-xbiha u x-xebħ ta’ Alla) tal-Ħallieq, li jieħu l-post ta’ Alla, bid-“divinizzazzjoni” tal-bniedem, kontra Alla – jew mingħajr Alla, bħal ma hu evidenti mid-dikjarazzjoni ateistika ta’ bosta sistemi moderni.

Min jiċħad il-verità fundamentali tar-realtà, min iqiegħed lilu nnifsu bħala qies ta’ kull ħaġa u b’tali mod iqiegħed lilu nnifsu fil-post ta’ Alla, min ftit jew wisq b’mod konxju, jsostni li jistà jgħaddi mingħajr Alla, il-Ħallieq tad-dinja, jew ta’ Kristu, ir-redentur tal-umanità, min, minflok ifittex lil Alla, jiġri wara l-idoli, ikun jagħti dahru lill-unika verità suprema u fundamentali.

Din hija l-ħarba mill-interjorità. Tistà twassal għaċ-ċedimet. “U kollox huwa bla sens”. Jekk iż-żgħażagħ ikollhom lejn Ġesù tali atteġġjament, id-dinja qatt mhi se jkollha xejn x’titgħallem mill-messaġġ feddej ta’ Kristu. Din il-ħarba mill-interjorità tistà tassumi il-forma ta’ estensjoni esaġerata tal-għarfien. Hemm bosta żgħażagħ ukoll fostkom li jfittxu li jeqirdu l-umanità tagħhom bil-ħarba fl-alkoħol u fid-drogi. Spiss jinħbew wara l-biżà jew id-disperazzjoni, spiss iżda wkoll wara r-riċerka tal-pjaċir, in-nuqqas tal-qawwa nterna jew wara l-kurżità rreżistibbli tal-“prova” ta’ kollox. Inkella l-ħarba tal-interjorità twassal għal assoċjazzjoni f’setet reliġjużi, li jinqdew bl-idejaliżmu tagħkom u bis-sempliċità tagħkom u jneħħulkom il-libertà tal-ħsieb u tal-koxjenza. Qiegħed nirreferi wkoll għall-ħarba lejn il-“gżejjer tal-feliċità” li permezz ta’ prattiċi esterni speċifiċi jiggarantixxu l-ilħuq tal-fortuna vera, u li fl-aħħar jabbandunaw lil min jagħmel użu minnhom, għal rasu jew għall-propja solitudni mhux solvuta.

U mbagħad teżisti ħarba ‘il barra mill-verità fundamentali, irrid ngħid lejn utopiji politiċi u soċjali, lejn xi viżjoni ideali tas-soċjetà. L-ideali u l-bżonn ta’ destinazzjoni huma hekk meħtieġa – li l-“formuli mirakolużi” utopejistiċi ma jgħinux iktar, tant li spiss jittraduċu ruħhom f’reġimi totalitarji jew fl-applikazzjoni ta’ poter distruttiv.

4. Intom taraw dan kollu, il-ħrib kollu mill-verità, il-qawwa moħbija u sħiħa ta’ perikli tar-reżistenza għal-liġi, u tal-kattiverija, li qiegħda ssir. Ma jirnexxilkomx tirreżistu għat-tentazzjoni tas-solitudni u tal-abbandun? Allura l-qari tallum tal-profeta Eżekjel jagħtikom it-tweġiba. Dan huwa l-kliem ta’ ragħaj, li jfittex in-nagħaġ mitlufa u abbandunati, biex ikun jistà jiġborhom “mill-postijiet kollha fejn kienu mferrxin fil-jiem imsaħħba u ta’ ċpar” ( 34,12).

Dan ir-ragħaj, li jfittex l-bniedem fit-triq mudlama tas-solitudni tiegħu u tal-abbandun tiegħu biex ikun jistà jressqu mill-ġdid lejn id-dawl, huwa Kristu. Huwa hu r-ragħaj it-tajjeb. Huwa hu wkoll b’mod kostanti preżenti fil-punt l-iktar moħbi tal-“misteru tal-qarrieq” u jieħu fuqu saħansitra l-eżistenza umana fuq din l-art. Huwa jaġixxi fil-verità, meta jeħles il-qalb tal-bniedem mir-reżistenza fundamentali li taħkmu, u li hija dik tad-divinizzazzjoni tal-bniedem mingħajr u kontra Alla, li toħloq klima ta’ solitudni u ta’ abbandun. Fit-triq li twassal mis-solitudni mudlama għall-umanità awtentika, Kristu, ir-ragħaj it-tajjeb jieħu ħsieb, b’parteċipazzjoni profonda u billi jakkumpanjana b’imħabbtu, ta’ kull bniedem individwali, b’mod speċjali taż-żgħażagħ li qegħdin jikbru.

Il-profeta Eżekjel ikompli jgħid dwar dan ir-ragħaj: “Jirtirahom mill-popli u jiġborhom mir-reġġjuni kollha. Ireġġagħhom lura lejn arthom u jħallihom jirgħu fuq il-muntanji ta’ Iżrael, fil-widien u fil-mergħat kollha tar-reġġjuni” (Eż 34,13). “Se nmur infittex in-nagħġa l-mitlufa u se nreġġagħha lura fil-maqjel dik il-mitlufa; se ninfaxxa dik il-ferita u se nikkura dik il-marida, se nieħu ħsieb il-  ħoxna u l-qawwija, se nirgħajhom b’ġustizzja” (Eż 34,16).

B’dan il-mod Kristu se jakkumpanja l-maturazzjoni tal-bniedem lejn l-umanità tiegħu. Huwa jakkumpanjana, jitmagħna u jinkuraġġina fil-ħajja tal-Knisja tiegħu, b’kelmtu u bis-sagramenti tiegħu, bil-ġisem u d-demm taċ-ċelebrazzjoni paskali tiegħu. Huwa jitmagħna bħala iben etern ta’ Alla, jagħmel iva li l-bniedem parteċipi għall-filjazzjoni divina tiegħu, “jiddivinizzah” internament, sabiex huwa jkun “bniedem” fil-milja kollha tas-sinifikat tiegħu, sabiex il-bniedem, maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla jilħaq il-maturità tiegħu f’Alla.

5. Huwa propju fid-dawl ta’ dak t’hawn fuq li Kristu jgħid; il-ħsad huwa kbir”. Il-ħsad huwa “kbir” għaliex id-destin tal-bniedem huwa barra minn kull qies. Huwa kbir minħabba d-dinjità tal-bniedem. Huwa kbir minħabba l-qawwa tal-vokazzjoni tiegħu. Kbir huwa dan il-ħsad meraviljuż tas-saltna ta’ Alla fl-umanità, il-ħsad tal-ġid fl-istorja tal-bniedem, tal-popli u tan-nazzjonijiet. Huwa verament kbir – “imma l-ħaddiema huma ftit” (Mt 9,37).

Xi jfisser dan? Dan ifisser, għeżież tiegħi żgħażagħ, li intom intom imsejħa, intom imsejħa minn Alla.

Ħajti, ħajti ta’ bniedem għandha mela s-sinifikat tagħha, meta jien imsejjaħ minn Alla, b‘sejħa sostanzjali, deċiżiva, definittiva. Alla biss jistà jsejjaħ b’dan il-mod lill-bniedem, u ħadd iktar. U din is-sejħa ta’ Alla hija mmirata kontinwament fi Kristu u permezz ta’ Kristu. lil kull wieħed u waħda minnkom: kunu ħaddiema tal-ħsad tal-umanità tagħkom, ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej, biex tagħmlu parti mill-ħsad messjaniku tal-umanità.

Ġesù għandu bżonn ukoll ta’ bnedmin żgħażagħ li, fostkom, isegwu s-sejħa tiegħu u jgħixu bħalu, fil-faqar u l-kastità, sabiex huma jkunu s-sinjal ħaj tar-realtà ta’ Alla qalb ħutkom irġiel u qalb ħutkom nisa.

Alla għandu bżonn saċerdoti li jħallu lilhom infushom jitmexxew mir-ragħaj it-tajjeb fis-servizz ta’ kelmtu u tas-sagramenti tiegħu għall-bnedmin.

Huwa għandu bżonn reliġjuzi, irġiel u nisa, li jħallu kollox biex isegwuh u biex iservu lill-umanità.

Huwa għandu bżonn miżżewġin insara, li flimkien u ma’ wliedhom ifittxu l-maturazzjoni sħiħa tal-umanità f’Alla.

Alla għandu bżonn bnedmin li jkunu lesti biex jassistu lill-foqra, il-morda, l-imwarrbin, l-emarġinati u dawk kollha li jbatu fir-ruħ.

L-istorja tal-Kristjaneżmu tal-poplu tagħkom, li tgħodd iktar minn elf sena, hija għanja bi bnedmin, li l-figura tagħhom tistà tkun stimolu għat-tweġiba għas-sejħa kbira tagħkom. Se nsemmi biss erbgħa li qegħdin jiġu f’moħħi llum, fil-belt ta’ Munich. Biex inmorru lura għall-bidu tal-istorja tal-fidi f’pajjiżkom, irrid infakkar lil San Korbinjanu, li l-opra tiegħu ta’ Isqof tefgħet is-sies għat-twaqqif tad-dijoċesi ta’ Munich-Freising. Fil-liturġija tallum niċċelebraw it-tifkira tiegħu. Naħseb fl-Isqof qaddis Benno ta’ Meissen, li l-fdalijiet tiegħu jistrieħu fil-Frauenkirche ta’ Munich. Huwa kien bniedem ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni, li kien jippriedka kontinwament, ħabib tal-foqra u ta’ dawk fil-bżonn. U propju llum ħsiebi jmur fuq il-figura kbira ta’ Santa Eliżabetta, li l-motto tagħha kien: “Ħobb – skont il-Vanġelu”. Kienet prinċipessa ta’ Wartburg, u bħala tali kienet tgawdi l-privileġġi kollha tal-istat tagħha, bdanakollu għexet kompletament għall-foqra u għall-emarġinati. Biex nikkonkludi, irrid insemmi raġel, li wħud minnkom, jew mill-ġenituri tagħkom, kienu jafuh personalment: il-patri ġiżwita Rupert Mayer, li fuq qabru, fiċ-ċentru ta’ Munich, fil-kripta tal-Bürgersaal, kuljum bosta mijiet ta’ persuni jersqu għal talba qasira. Indifferenti għall-konsegwenzi ta’ ferita gravi, li huwa kien ġarrab tul il-korsa tal-ewwel gwerra dinjija, huwa ssielet bil-miftuħ u b’kuraġġ għad-drittijiet tal-Knisja u għal-libertà u minħabba f’hekk ġarrab il-pieni tal-kamp tal-konċentrament u tal-eżilju.

Għeżież żgħażagħ! Kunu miftuħa għas-sejħa ta’ Kristu! Ħajjitkom umana hija “avventura u riskju li ma jirrepetux ruħhom iktar” u li tistà tkun “barka jew saħta”. “Quddiemkom, żgħażagħ, li intom it-tama kbira tal-futur tagħkom, irridu nitolbu lill-Mulej tal-“ħsad” sabiex jagħmel minn kull wieħed u waħda minnkom, minn kull żagħżigħ u żagħżugħa ta’ din l-art, ħaddiem u ħaddiema tal-“ħsad kbir” tiegħu, li hekk jikkorrispondi għall-abbundanza tas-sejħat u tad-doni tas-saltna tiegħu fuq din l-art.

Nixtieq fl-aħħarnett nibgħat ħsieb speċjali ta’ barka lil ħutna rġiel u nisa tal-fidi evanġelika li llum f’dan il-pajjiż jiffesteġġjaw il-“jum tal-penitenza”. Huma jiċċelebraw dan il-jum konxji mill-ħtieġa ta’ konverżjoni dejjem ġdida u, skont ix-xewqa tal-Knisja, biex jiftakru quddiem Alla fit-talb ukoll il-komunitajiet tal-popli u tal-istati. Il-Knisja kattolika Rumana hija magħquda magħkom f’dan it-talb. Ftakru, fit-talb ta’ dan il-jum, ukoll fil-kompatrijoti kattoliċi tagħkom u f’ħukom Ġwanni Pawlu u s-servizz tiegħu. Amen.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading