Ta’ Pinu fost 30 Santwarju Marjan għal Rużarju dinji

Print Friendly, PDF & Email

“Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda titlob lil Alla bil-ħerqa” (Atti 12:5). It-talba tar-Rużarju matul Mejju minn tletin Santwarju Marjan fid-dinja b’talb flimkien għal tmiem il-pandemija

Il-Papa Franġisku ta widen għax-xewqa ta’ tant Insara biex fix-Xahar Marjan ta’ Mejju, il-Knisja kollha tingħaqad fit-talb lil Ommna Marija għat-tmiem tal-pandemija li issa ilha iktar minn sena tagħfas fuq id-dinja kollha. Għalhekk il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni nieda l-inizjattiva li f’kull ġurnata tax-xahar ta’ Mejju, fis-6.00pm, tixxandar minn santwarji Marjani differenti t-talba tar-Rużarju li fiha jkunu jistgħu jipparteċipaw il-fidili Nsara tad-dinja kollha. Il-Papa Franġisku se jiftaħ u jagħlaq din il-“katina ta’ talb” billi jitlob minn żewġ postijiet Marjani sinifikattivi fil-Vatikan.

Fost it-tletin santwarju li minnhom sa jsir dan it-talb, ġie magħżul ukoll is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonnna Ta’ Pinu f’Għawdex, mnejn nhar it-Tlieta 25 ta’ Mejju, fis-6.00pm, se jixxandru bil-Malti l-Misteri tat-Tbatija, b’intenzjoni speċjali għall-għalliema u l-edukaturi.

Intant, ir-Rużarju ta’ kuljum matul Mejju sa jkun imxandar fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex u tas-Santwarju Ta’ Pinu u fuq Xejk TV, imma dawk li jixtiequ, jistgħu jitolbuh fis-Santwarju Ta’ Pinu stess fejn se jkun armat skrin apposta.

Jixxandar ukoll LIVE fuq din il-paġna tal-Laikos … https://www.laikos.org/VIDS3/files/videoSupport/v_vatican_tv.htm

Barra mir-Rużarju fis-6.00pm f’għaqda ma’ xi santwarju Marjan fid-dinja, ta’ kuljum ukoll matul Mejju fil-Kappella tal-Madonna Ta’ Pinu se jsiru żewġ mumenti oħra ta’ talb: fit-8.15am, il-Mixegħla tal-Lampa taż-Żejt; fis-7.15pm, it-Tislima lill-Verġni Mbierka (nhar ta’ Erbgħa fl-10.00pm; nhar ta’ Ħadd fis-6.45pm). Dawn ukoll jixxandru fuq il-mezzi soċjali. Barra minn hekk, matul il-ġurnata li tkun, fis-Santwarju jsir talb speċjali skont l-intenzjoni tal-Papa għal dik il-ġurnata.

Ara s-sussidju għar-Rużarju …

Ara wkoll … https://www.vaticannews.va/it/papa/news/2021-04/rosario-santuari-fine-pandemia-maggio-papa.html

Rapport għal-Laikos minn Francesco Pio Attard

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading