Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ S. Teresa fuori Porta Salaria

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA
TA’ SANTA TERESA FUORI PORTA SALARIA
OMELIJA TA’ GWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 24 ta’ Jannar 1982

1. “Is-saltna ta’ Alla hi fil-qrib; ikkonvertu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1,15).

Il-Kelma Divina tal-liturġija tallum tqegħdilna quddiemna żewġ temi ewlenin x’nimmeditaw.

L-ewwel waħda minnhom hija l-konverżjoni; it-tieni hija l-vokazzjoni.

Il-konverżjoni hija pproklamata mill-profeta tat-Testment il-Qadim Ġona, li Alla bagħat fil-belt kbira ta’ Niniveh: “Erbgħin jum oħra, u Niniveh tkun meqruda” (Ġn 3,4) minħabba d-dnubiet tagħkom.

Hekk b’fomm il-profeta kien kellem lill-abitanti ta’ Niniveh il-Mulej, li dwarha jgħid is-salmista li “it-triq il-ġusta tindika l-midimbin” (Sal 25 [24],8)

L-aħbar ta’ Ġona tikseb riżultati: “kienu kkonvertew mill-kondotta ħażina tagħhom” (Ġn 3,10) u l-Mulej, għalhekk, ma bagħatx il-kastig imħabbar minn qabel.

Il-konverżjoni hija pproklamata wkoll minn Ġesù Kristu: “Iż-żmien għadda u s-saltna ta’ Alla hi fil-qrib; ikkonvertu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1,15).

Fl-ewwel u fit-tieni każ il-konverżjoni tfisser tbergħid mill-ħażin, mid-dnub.

Fl-ewwel każ – il-ktieb ta’ Ġona – it-tbegħid mill-ħażin jiġi ddettat mill-biżà tal-kastig. Ġesù Kristu, iżda, jistieden għall-konverżjoni minħabba l-viċinanza ta’ Alla u tas-saltna tiegħu.

2. Il-konverżjoni hija waqt importantissmu fil-ħajja nterna ta’ kull bniedem, fil-ħajja reliġjuża-morali.

Din għandha karattru multiplu u tattwa ruħha fil-perijodi differenti tal-ħajja, Aħna nitkellmu dwar konverżjoni, meta din tkun żvolta fundamentali li tiddeċiedi dwar il-bidla tad-direzzjoni tal-ħajja u tal-kondotta. Imma hemm ukoll xi konverżjonijiet ta’ kuljum, li huma esternament kważi inavvertibbli u jirrigwardaw il-problemi apparentament żgħar, bdanakollu mportanti għall-iżvilupp tar-ruħ umana.

Nitkellmu wkoll dwar konverżjoni ewlenija u sekondarja u, kultant, ukoll terzjarja. L-ewwel waħda tfisser it-tbegħid mid-dnubiet gravi li jingumbraw il-ħajja soprannaturali. Il-konverżjonijiet suċċessivi jirrigwardaw l-istadji l-oħra fit-triq tat-tbegħid mill-ħażin u tar-resqien lejn Alla.

Din hija l-ewwel tema li niskopru fil-kelma tal-liturġija tallum. Lil din it-tema hemm bżonn ukoll li nirriferu l-kliem tas-Salm responsorjali: “Ftakar, Mulej, ta’ mħabbtek, / tal-fedeltà tiegħek li hi minn dejjem. / La tiftakarx id-dnubiet ta’ żgħożiti; / ftakar fija fil-ħniena tiegħek, għat-tieba tiegħek, Mulej” (Sal 25 [24],6-7).

Il-komverżjoni tibqà f’rabta stretta u organika mal-ħniena divina.

3. It-tieni tema – kif għidt – hija l-vokazzjoni.

Dwar il-vokazzjoni tal-bniedem min-naħa ta’ Alla jitkellem ukoll il-versett: “Qum, mur Niniveh il-belt il-kbira u ħabbrilhom dak li se ngħidlek” (Ġn 3,2).

Ġona qam u mar…

Il-qari tal-Vanġelu skont San Mark ifakkar is-sejħa tal-ewwel Appostli. Fiż-żewġ każi msemmija jitkellmu dwar żewġ aħwa: l-ewwel dwar Xmun (imsejjaħ imbagħad Pietru) u dwar ħuh Indri; imbagħad dwar Ġakbu, iben Zebedew, u dwar ħuh Ġwanni. Kristu sejjaħ lill-ewwel tnejn fl-inħawi tal-baħar tal-Galilea, meta billi kienu sajjieda, “kienu qegħdin jixħtu l-ixbieki fil-bahar” (Mk 1,16). Qalilhom: “Ejjew warajja, se nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (Mk 1,17). L-oħrajn sejħilhom, meta qrib l-istess baħar “fuq id-dgħajsa…kienu qegħdin isewwu x-xbieki” (Mk 1,19). U huma wkoll, “ħallew lil missierhom Żebedew fuq id-dgħajsa mal-apprendisti, u marru warajh” (Mk 1,20).

Il-vokazzjoni tfisser, bħalma wieħed jistà jara, is-sejħa tal-bniedem min-naħa ta’ Alla. Alla jsejjaħ għat-twettiq tad-dmirijiet li jagħti lill-bniedem u, waqt li jsejjaħlu, jamarlu li jkollu fiduċja li se jirnexxi li jwettaq d-dmir tiegħu. Hekk kien eżatt fil-każ ta’ Ġona. Dan fittex saħansitra li jaħrab mis-sejħa ta’ Alla, billi qies li din kienet tegħleb il-possibiltajiet tiegħu. Ulied Ġona u Żebedew, li jiġu msejħa qrib il-baħar tal-Galilea, bil-qalb kollha jsegwu lil Kristu. Jafu, bdanakollu li, fit-triq tal-vokazzjoni apostolika tagħhom, kienu jistennew lil kull wieħed minnhom diversi provi. Għat-tema “vokazzjoni” jirreferi ruħu ukoll il-kliem tas-Salm tal-liturġija tallum: “Agħmal, Mulej, li nagħraf triqatek, / għallimni l-mogħdijiet tiegħek. / Mexxini fil-verità tiegħek u infurmani, / għaliex inti l-Alla tas-salvazzjoni tiegħi, / fik jien dejjem ittamajt” (Sal 25 [24],4-5).

Appuntu: it-tama. Jekk Alla jqiegħed quddiemna d-dmirijiet, huwa jagħtina wkoll il-grazzja.

4.Dawn iż-żewġ waqtiet – il-waqt tal-konverżjoni u l-waqt tal-vokazzjoni -għandhom importanza determinant fil-ħajja ta’ kull nisrani. Wieħed jistà jgħid li fihom tiżviluppa ruħha l-ekonomija feddejja kollha ta’ Alla fir-rigward tal-bniedem, u fl-isfera ta’ din l-ekonomija divina l-bniedem jimmatura minn ġewwa.

Din il-maturazzjoni tassumi t-tbegħid mill-ħażin, il-ksur mad-dnub, il-qerda tal-predispożizzjonijiet koroh, il-ġlieda iebsa mal-okkażjonijiet tad-dnub. L-għelib tal-passjonijiet: ix-xogħol kbir intern kollu, li grazzi għalih il-bniedem ibigħed lilu nnifsu minn dak kollu li fih hu oppost għal Alla u għar-rieda tiegħu, u jqarrab lilu nnifsu lejn dik il-qdusija, li l-milja tagħha huwa Alla stess.

Il-konverżjoni hija mela, moviment bipolari: il-bniedem jiddistakka ruħu mill-ħażin biex jorjenta ruħu lejn Alla. U propju għal dan fit-triq tal-konverżjoni dak li jkun isib il-vokazzjoni. Infatti, fil-qies li fih il-bniedem idur lejn Alla, huwa jsib dak id-dmir li Alla jagħtih fil-ħajja. Dan nistgħu nesprimuh aħjar: iktar ma l-bniedem idur lejn Alla, jiskopri li ħajtu hija dmir mogħti lilu minn Alla. U l-assunzjoni ta’ dan id-dmir tfisser prova ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin. Hekk il-bniedem “isir” b’mod ġdid dak li “hu”.

Xmun u Indri, Ġakbu u Ġwanni, waqt li kienu sajjieda fuq il-baħar tal-Galilea, saru b’mod ġdid sajjieda: “sajjieda tal-bnedmin” (Mk 1,17).

5.Illum niġi fil-parroċċa tagħkom, iddedikata lil Santa Tereża ta’ Ġesù, figura kbira ta’ mistika, li ħajjitha kienet ikkaraterizzata minn intimità profonda ma’ Alla u fl-istess ħin minn imħabba kbira lejn ħutha. B’dan il-mod inwettaq l-ewwel vista pastorali tas-Sena tal-Mulej 1982, bħala Isqof ta’ Ruma.

Nifraħ għaliex illum nistà nkun hawn, u nixtieq insellem b’mod kordjali lil kulħadd.

Insellem l-ewwelnett, lis-Sinjur Kardinal Vigarju, lin-Nunzju Apostoliku fl-Italja Monsinjur Carboni u lill-Isqof Awżiljarju taż-żona, Alessandro Plotti. Magħhom nassoċja lill-Kappillan u lill-kollaboraturi diretti tiegħu, li jappartienu lill-Ordni distinta Karmelitana mas-Superjur Ġenerali, li jġorru b’mod żelanti ir-responsabiltà li jiggwidaw dan il-porzjon għażiż tad-dijoċesi ta’ Ruma. Il-ministeru ta’ min ifaħħru tagħhom huwa ssapportjat minn diversi gruppi lajki, li jien kuntent li nsellem bi mħabba ugwali: fosthom insemmi b’mod partikolari il-Katekisti, u mbagħad l-Azzjoni Kattolika, il-Fraternità Karmelitana, il-Grupp tal-Miżżewġin Żgħażagħ, u l-oħrajn kollha. It-tislima tiegħi tmur ukoll għall-membri kollha ta’ din il-parroċċa għażiża, bla distinzjoni: Lill-impjegati, il-ħaddiema, il-kummerċjanti, in-nisa tad-dar, il-persuni anzjani, lil dawk li jbatu, u fuq kollox liż-żgħażagħ, li dejjem jokkupaw post speċjali f’qalbi.

Nixtieq inħaddan bit-tislima kordjali tiegħi lil kulħadd, kemm lilkom hawnhekk miġbura, kif ukoll dawk li ma setgħux ikunu preżenti, waqt li naħseb dwar kull wieħed u waħda propju fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ temi ewlenin tal-liturġija tallum.

Naħseb, infatti, li kull wieħed isib waqt ta’ konverżjoni li hu magħruf minnu biss u minn Alla stess. Xiħadd forsi, għadu ‘l bogħod ħafna minn Alla minħabba dnubietu? Jew, forsi, hija d-“dinja” li ddellillu l-viżjoni ta’ Alla?…Forsi, fih għadu ma jarax l-ewwel konverżjoni?… Imbagħad naħseb ukoll li xiħadd għandu hawn vokazzjoni, ukoll jekk forsi xiħadd mhuwiex konxju li għandu din. Ma jafx li dan kollu jimlielu ħajtu, jekk hux leċitu fih innifsu, jistà jkun, anzi huwa preċiżament id-dmir assenjat lilu minn Alla.

Insellem, mela, li kull wieħed u waħda minnkom bħala mistiedna tal-qawwa tal-ħniena divina għall-konverżjoni u bħala msejħin: imsejħin biex tkunu missier jew omm, iben jew bint, għalliem, tabib jew student, ħaddiem manwali jew xjenzjat… Lil kull wieħed u waħda Kristu b’xi mod jgħidilkom “Imxi warajja”.

U nerġà nistaqsi: X’taħsbu dwar il-parroċċa tagħkom?

Naf li din tinsab f’settur tipikament urban, fejn qed jikber in-numru tal-anzjani u jonqos dak tat-twelid minħabba it-tibdil tar-residenzi f’uffiċċji; bdanakollu huma numerużi l-iskejjel pubbliċi għall-popolazzjoni żagħżugħa. Huwa mportanti li l-parroċċa ssir dejjem ċentru ta’ għaqda umana u nisranija, jiġiefieri twettaq dimensjoni komunitarja sħiħa, li fiha kull wieħed isib lilu nnifsu mill-ġdid tassew skont il-qies tal-bniedem. U hemm bżonn li nsiru nafu li l-Vanġelu biss, magħruf u migħux, jista jwassalna għal għan simili. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan kollu, nixtieq ngħid dwar il-parroċċa ta’ Santa Tereża, l-ewwelnett dan:-
Din hija l-komunità tal-Poplu ta’ Alla li, Fil-komunità ferm wiesà tal-Knisja, li tinsab f’Ruma, tikkostitwixxi kważi spazju partikolari, li fih Alla  kontinwament isejjaħ lill-bnedmin għall-konverżjoni: “Is-saltna ta’ Alla hija qrib; ikkonvertu u emmnu fl-Evanġelju”. U fl-istess ħin, waqt li jaħdem fl-istess komunità bil-grazzja tiegħu, Alla jgħin lill-bnedmin biex jiskopru li ħajjithom hija vokazzjoni. Huwa jgħinhom biex isibu din il-vokazzjoni u biex iwettquha. Permezz ta’ dan il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda tassumi s-sinifikat sħiħ tagħha. Għandha is-sens sħiħ.

Lill-parroċċa tagħkom nawgura b’qalbi kollha li tkun propju  tali komunità. Jalla hi tkun tali spazju spiritwali, li fiha taħdem il-grazzja ta’ Alla u jitrassformaw ruħhom il-qlub umani.

6. Fit-tieni qari tal-liturġija tallum San Pawl jitkellem bil-kliem li kultant jistà jissorprendi:.
“Nġħidilkom, ħuti, iż-żmien issa qsar; minn issa ‘l hemm dawk li għandhom mara, jgħixu bħalli kieku ma kellhomx; dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux u dawk li jgawdu bħallikieku ma jgawdux; dawk li jixtru; daqs li kiekiu ma għandhom xejn, dawk li jgawdu d-dinja, daqslikieku ma jgawduhiex: għaliex is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi” (1Kor 7,29-31).

Iva! Tgħaddi.

Diġa għaddiet is-sena 1981, u bdiet is-sena 1982.

Tgħaddi x-xena tad-dinja.

Alla biss ma jgħaddix! U għal din ir-raġuni għandha valur stabbli l-ħajja, sa kemm nitbegħdu mill-ħażin u noqorbu lejh, fit-triq tal-konverżjoni. U għandha valur stabbli l-ħajja, sa kemm nassumu d-dmirijiet li huwa jagħtina u nwettquħom.

Jalla s-sena l-ġdida tippermettilna nkomplu mexjin fit-triq tal-konverżjoni u tal-vokazzjoni!

MIġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading