Ġwanni Pawlu II fl-għeluq tal-gimgħa għall-għaqda fost l-Insara

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-KONKLUŻJONI TAL-
ĠIMGĦA GĦALL- GĦAQDA TAL-INSARA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tnejn, 25 ta’ Jannar 1982

“Jiena Ġesù in-Nażżarenu li int qiegħed tippersegwita”.

Għeżiez ħuti!

1.F’din is-sollennità tal-“Konverżjoni ta’ San Pawl”, li tiġborna illum propju fil-Bażilika, mibnija biex tfakkar ix-xhieda tad-demm tal-kbir Appostlu ta’ Kristu Ġesù, li minnu kien “mirbuħ” (cf. Fil 3,12), nixtieq qabel xejn nestendi it-tislima ta’ mħabba tiegħi lil dawk kollha preżenti: ir-Rappreżentanti tal-Kurja Rumana u tal-Vigarjat ta’ Ruma,; lill-Irħieb tal-Abbazija ta’ San Pawl, tal-Kulleġġ Internazzjonali ta’ San Anselmu u tal-komunitajiet monastiċi l-oħra tal-Belt; il-fidili tat-territorju l-ġdid afdat għall-kura pastorali tal-Abbati “nullius” ta’ San Pawl u tal-parroċċa ta’ San Pawl; il-gruppi ta’ impenn ekumeniku u l-fidili kollha tal-għażiza dijoċesi tiegħi ta’ Ruma; u b’imħabba speċjali r-rappreżentanti f’Ruma tal-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali mhux kattoliċi.

Illum niċċelebraw id-dehra ta’Kristu Rxoxt lil Sawlu ta’ Tarsu, dehra li kienet rivelazzjoni tal-misteru tal-Knisja, u li wasslet lil Sawlu għall-konverżjoni, u li tagħtu missjoni ta’ importanza unika għall-futur tal-Knisja.

“Jiena Ġesù in-Nażżarenu, li int qiegħed tippersegwita” (At 22,8). Sawlu, bħal ma nafu, kien sejjer Damasku, mimli ħeġġa għal-Liġi ta’ Alla. Bil-missjoni li jippersegwita lil dawk li kienu jsegwu t-triq ta’ Ġesù. F’waqt ta’ rivelazzjoni li tgħammex – iltaqà mal-Mulej Irxuxtat u semà leħnu: “Sawlu, Sawlu, għaliex qiegħed tippersegwitani?” B’umiltà staqsa “Min int, Mulej?” (At 9,4s), u fit-tweġiba tal-Mulej fehem il-misteru tal-għaqda sħiħa ta’ Kristu mal-membri tiegħu: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwita”; Dan, li Pawlu kien imbagħad jippriedka kull darba li kien jipproklama l-Knisja bħala l-Ġisem ta’ Kristu, u kull meta kien jgħid lill-insara: “Dawk minnkom li kienu mgħammda fi Kristu libsu lil Kristu…ladarba iintom ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3,26s).

Għal tali rivelazzjoni il-persekutur wieġeb b’fidi, mal-wasla tiegħu f’Damasku kien milqugħ u mgħammed minn Ananija; “u minnufih waqgħu minn għajnejh bħal qxur” (At 9,18) u l-irkupru tal-vista kien simbolu tal-viżjoni spiritwali l-ġdida, li hu kien akkwista. Il-persekutur sar Appostlu. Dik ir-rivelazzjoni kienet biżżejjed biex tikkonverti lil Pawlu għas-servizz pweseveranti tal-Mulej tiegħu u għall-proklamazzjoni fidila li Ġesù huwa il-Kristu, l-Iben ta’ Alla (cf. At 9,20-22). Meta l-ewwel insara kienu jisimgħu min jitkellem dwar il-konverżjoni ta’ Sawlu kienu jigglorifikaw lil Alla: Dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed ixandar il-fidi li darba ried jeqred” (Gal 1,23).

2. Aħna wkoll, ħuti, miġburin il-lejla f’din il-Bażilika, iddedikata lill-Appostlu tal-ġnus, hemm bżonn nigglorifikaw lil Alla, li l-grazzja tiegħu ttrijonfat f’dan il-bniedem b’mod inkomparabbli, għall-barka għall-Knisja tul is-sekli.

“L-aħħar fost kollha deher ukoll lili bħal f’abort…Għall-grazzja ta’ Alla iżda jien dak li jien, il-grazzja ta’ Alla fija ma kinitx għalxejn” (1Kor 15,8-10).

Ma rridux ninsew izda kemm dan qam lil Pawlu. Tiegħu ma kinitx vokazzjoni faċli; għall-ewwel ħafna nsara beżgħu minnu u ma emmnux li kien tassew sar dixxiplu (cf. At 9,26); wara, Pawlu kellu jiftaħar bit-tbatijiet li ġarrab u bid-dgħufijiet sperimentati, ladarba permezz ta’ dawn li kien juri l-qawwa glorjuża ta’ Alla (cf. 2Kor 11,21; 12,10). Il-konverżjoni tiegħu fit-triq ta’ Damasku kienet immedjata u radikali, imma hu kellu jgħixha fil-fidi u fil-perseveranza matul is-snin twal tal-apostolat tiegħu; minn dak il-waqt ħajtu kellha ssir konverżjoni ma taqtax, tiġdid kontinwu: “il-bniedem tagħna…intern jiġġedded minn jum għal jum” (cf. 2Kor 4,16). Din il-konverżjoni perseveranti u kontinwa kienet effett tal-grazzja suprema u gratwita ta’ Alla, li wriet ruħha fil-qawwa tal-Mulej Irxuxtat. Fil-kontemplazzjoni mela ta’ dan il-miraklu tal-qawwa tal-Mulej Irxuxtat, l-ewwel atteġġjament għandu jkun ta’ adorazzjoni umli lejn Dak, li lilu hija mogħtija kull qawwa fis-sema u fl-art (cf. Mt 28,18).

3. Pawlu, madankollu, ma setax jieqaf fil-kontemplazzjoni tal-viżjoni li kien irċieva. Il-Mulej qallu: “Issa, qum u idħol fil-belt u jingħadllek dak li għandek tagħmel” (At 9,6), propju bħal ma kien qal lill-Appostli qabel ma telà s-sema: “Imma intom ibqgħu fil-belt sakemm ma tkunux imlibbsa mill-ġdid b’qawwa mill-għoli” (Lq 24,49). Meta Alla jsejjaħ, metaAlla jikkonverti, huwa jagħti wkoll missjoni. Il-missjoni riċevuta minn Pawlu kienet dik li jkun “xhud quddiem il-bnedmin kollha” tal-ħwejjeġ li kien ra u semà (cf. At 22,15). Pawlu b’dan il-mod irċieva mingħand Kristu Rxuxtat l-istess amar li rċivew l-Appostli kollha: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw il-Vanġelu lil kull krejatura” (Mk 16,15).

F’din il-missjoni speċifika ta’ Pawlu, iżda, Kristu rrivela u wettaq b’mod partikolari l-missjoni tal-Knisja fil-konfront tan-nazzjonijiet kollha, dawk jiġifieri  li tkun tassew universali, tassew kattolika “xhud quddiem il-bnedmin kollha”. Il-missjoni ta’ Pawlu kellha effetti nkalkolabbli għax-xogħol kollu tal-evanġelizzazzjoni u għall-universalità tal-Knisja. Il-Papa Pawlu VI, waqt li kien qiegħed ikellem f’din il-Bażilika lill-Ossevaturi tal-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali l-oħra f’laqgħa ta’ talb għall-għaqda, lejn tmiem il-Konċilju Vatikan II, wasal li jgħid li l-Knisja tara f’San Pawl “l-Appostlu tal-ekumeniċità” (Pawlu VI, Allocutio, die 4 dec. 1965: AAS 58 [1966] 63).

Il-misteru tal-konverżjoni u tal-missjoni ta’ dan il-kbir Appostlu fih elementi li fuqhom nistgħu nimmeditaw fit-tul. Hemm, iżda, wieħed partikolari, li nixtieq nipproponi għall-meditazzjoni tagħkom illejla, f’din iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-għaqda biex nikkonkludu din il-Ġimgħa ta’ Talb, talb li għandna ngħollu f’unjoni spiritwali mal-insara ta’ kull parti tad-dinja.

Il-komunjoni li diġa nisperimentaw, u l-komunjoni sħiħa, li għaliha nitolbu, huma sinjali tal-qawwa tal-Mulej Irxuxtat u tal-mirakli, li l-grazzja tiegħu tistà tkompli topera. F’din il-qawwa tal-Mulej Irxuxtat jinsab is-sors tat-tama inkrollabbli tagħna. U huwa speċjalment b’nota ta’ tama li rrid nagħlaq din il-Ġimgħa ta’ talb.

4. Tali tama għandha tesprimi ruħha f’ċerta awdiċità b’mod speċjali fit-talb tal-Knisja ta’ Ruma u tal-Isqof tagħha, kif ukoll ta’ dawk kollha li huma nkarigati li jgħinuni fil-ministeru tiegħu għall-Knisja universali u l-għaqda tagħha. Din il-Knisja “imsejsa u stabbilita miż-żewġ Appostli glorjożissmi, Pietru u Pawlu” (S. Irinew, Adversus Haereses, III, 3, 2: PG 7, 848), trid tiggarantixxi li l-fedeltà tas-servizz tagħha għall-għaqda jimxi bl-istess pass mal-intensità u l-fiduċja tat-talb tagħha għall-għaqda. Għandu jkun l-eku umli u sinċier tat-talb tal-Mulej tagħha “sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda.

Kif int, Missier, inti fija, u jiena fik, ikunu wkoll huma fina ħaġa waħda…” (Ġw 17,21).

Waqt li nassoċjaw ruħna b’dan il-mod f’din it-talba ta’ Kristu, nassoċjaw ruħna wkoll ma’ tant insara, li fid-dinja kollha, minkejja l-firdiet, jingħaqdu ma’ Kristu biex jitolbu l-grazzja l-kbira ta’ dik l-għaqda, minnu hekk mixtieqa b’mod imħeġġeġ, u li l-qawwa tiegħu biss tistà twettaq.

Din il-Ġimgħa ta’ talb, niżżu ħajr lil Alla, saret għal bosta nsara realtà akkwistata, okkażjoni li fiha, għalkemm mifrudin, flimkien jinxteħtu għarkubbtejhom quddiem il-Missier komuni biex jitolbu, permezz tal-uniku Kristu u fl-uniku Spirtu, id-don tal-għaqda. Il-fatt li l-insara jitolbu flimkien b’dan il-mod huwa diġa fih innifsu grazzja u garanzija tal-grazzji futuri, sinjal ta’ tama ċerta.

Għaddew diġa 75 sena minn meta ġiet introdotta din il-prattika mill-fundatur tal-Franġiskani tal-“Propizjazzjoni” (“Atonement”), bl-inkuraġġiment tal-Papa. Taħt l-influwenza mbagħad ta’ bnedmin ddedikati għall-kawża tal-ekumeniżmu, bħall-Abbe Couturier, il-Ġimgħa ta’ Talb għaddiet minn żvilupp kbir u, imbagħad iktar riċenti, bil-kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat għall-Għaqda tal-Insara u l-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, assumiet l-forma universali attwali. Dan l-iżvilupp huwa minnu nfih indikazzjoni taż-żieda ġenerali tar-riċerka komuni tal-għaqda, li trid tkun dejjem akkumpanjata u sostnuta mit-talb.

5. Huwa bla ebda dubju sinifikattiv li l-Isqof ta’ Ruma jikkonkludi din il-Ġimgħa ta’ Talb f’din il-Bażilika li, flimkien mal-monasteru li jmiss magħha, hija ċentru ta’ talb qawwi u ta’ diversi inizjattivi ta’ karattru ekumeniku. Propju hawn, 23 sena ilu, il-Papa Ġwanni XXIII ħabbar lill-Kardinali il-proġett tiegħu li jsejjaħ Konċilju ekumeniku, Konċilju li kellu jkun ukoll “stedina mġedda lill-fidili tal-Komunitajiet mifruda biex isegwuwna huma wkoll b’imħabba f’dan it-tiftix ta’ għaqda u ta’ grazzja, li għalih tant erwieħ jixxenqu minn kull parti tad-dinja” (AAS 51 [1959] 69). Propju hawn, kważi 7 snin wara, il-Papa Pawlu VI, is-Santi Padri Konċiljari u l-Osservaturi inġabru biex jitolbu għall-għaqda, ftit jiem qabel l-għeluq tal-istess Konċilju Vatikan II; u waqt li indirizza lill-Osservaturi, il-Papa qal: “Erġajna mill-ġdid bdejna nħobbu lil xulxin” (Pawlu VI, Allocutio, die 4 dec. 1965: AAS 58 [1966] 62). Propju hawn, xi xhur wara, l-istess Papa kbir ħaddan lill-Arċisqof Ramsey ta’ Canterbury u flimkien miegħu talab, f’dik l-okkażjoni storika tal-ewwel laqgħa uffiċċjali bejn l-Iaqof ta’ Ruma u l-President tal-Komunjoni Anglikana. It-tifkira ta’ dik il-ġrajja hija għalija kommoventi b’mod partikolari illi, waqt li qiegħed inħejji iż-żjara tiegħi li jmiss fil-Gran Brittanja biex inwettaq lil ħuti fl-Episkopat u lill-ulied rġiel u nisa tad-dijoċesijiet kattoliċi ta’ dik l-art; żjara li se jkollha wkoll konsegwenzi ekumeniċi għal-laqgħa  ppjanata mal-Arċisqof ta’ Canterbury, Dr Runcie. Għal dan nitlob il-barka ta’ Alla, b’mod speċjali f’dan il-waqt li fih, wara ħdax-il sena ta’ xogħol, il-Kummissjoni Mħallta Internazzjonali tad-Djalogu bejn il-Knisja Kattolika u l-Komunjoni Anglikana ssottomettiet lill-Awtoritajiet rispettivi Rapport importanti.

Jekk irridu jkollna parti prominenti fit-talb għall-għaqda, hemm bżonn li nkunu disposti li nassumu wkoll parti prominenti fix-xogħol. Bħal ma għal San Pawl u bl-istess tama tiegħu fil-qawwa ta’ Alla, ukoll għalina l-konverżjoni trid tkun perseveranti. Permezz tal-konverżjoni tagħna u t-tiġdid, individwali u kollettiv, diġa qegħdin naqdu l-kawża tal-ekumeniżmu (cf. Unitatis Redintegratio, 6-7). Iżda irrid inżid li, fih innifsu, ix-xogħol tagħna għall-għaqda jiffavorixxi tali tiġdid; infatti, meta ninpennjaw ruħna fi djalogu veru ma’ ħutna f’fedeltà komuni għall-Vanġelu, kemm aħna kif ukoll huma naraw ruħna fih billi nispiraw ruħna għal fedeltà dejjem ikbar. Jalla lkoll inkunu nistgħu inqegħdu fil-prattika l-kliem ta’ San Pawl: “Inkuraġġixxu lil xulxin billi tibnu lil xulxin” (1Ts 5,11).

6. Fuq l-eżempju ta’ San Pawl, barra minn dan, hemm bżonn li wkoll aħna niddedikaw lilna nfusna għall-missjoni tal-Knisja, li hija dik li nxandru l-Vanġelu lill-krejaturi kollha, kull wieħed skont il-vokazzjoni tiegħu.

Li nxandru l-Vanġelu huwa dmir, li diġa joħroġ mir-realtà tal-magħmudija. L-unika magħmudija mela diġa tobbliga lill-insara kollha biex jikkollaboraw, sa fejn hu possibbli, fit twettiq ta’ tali dmir, u b’mod partikolari fix-xhieda komuni li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla (cf. At 9,20).Alla l-awtur tal-Verità, irid bla dubju jħares lejn dawn l-isforzi u, bħal ma l-impenn tagħna fl-għoti ta’ tali xhieda huwa li jinċentiva għall-ekunmeniżmu, hekk l-ekumeniżmu min-naħa tiegħu jirrendi iktar effikaċi l-istess xhieda sabiex id-dinja temmen li Ġesù ta’ Nażżaret huwa l-Mibgħut tal-Missier (cf. Ġw 17,21).

Għeżież ħuti fi Kristu, dawn huma t-tagħlimiet li joħorġu mis-sollennità li llum niċċelebraw f’din il-Bażilika u mit-talb universali ta’ din il-ġimgħa li kellha bħala tema l-invokazzjoni: “Biex kulħadd isib l-għamara tiegħu fik, o Mulej”. Permezz tal-interċessjoni tal-Appostlu kbir Pawlu, miraklu tal-grazzja tal-Mulej irxuxtat fuq d-dgħufija umana, għandna tama, anzi ċertezza: Alla jagħtina li nkunu fidili għas-servizz tagħna lill-Knisja universali u lill-għaqda tagħha u jrid ibierek u jwassal għat-twettiq ix-xogħol, li Hu stess beda fina: “Dak li beda fikom, din l-opra tajba, iwassalha għat-twettiq sal-jum ta’ Kristu Ġesù” (Fil 1,6) li permezz tiegħu, fl-uniku Spirtu, jwassal għand il-Missier il-glorja kollha, issa u dejjem.

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: