Intervista lill-Isqof Galea Curmi fuq iż-Żjara tal-Papa Franġisku f’Malta

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 24 ta’ April 2022: Mistoqsijiet lill-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi, fuq iż-Żjara ta’ Papa Franġisku f’Malta. ‘Il-Leħen’ tal-Ħadd, 24 ta’ April 2022.

Tħossok kuntent (sodisfatt) għal mod kif il-poplu Malti u Għawdxi laqa’ lil Papa Franġisku fil-gzejjer tagħna?

Iva, kuntent ħafna. Il-Papa Franġisku ngħata merħba mill-isbaħ. Kienu ħafna dawk preżenti għal-laqgħat mal-Papa – l-akbar waħda dik tal-quddiesa ċċelebrata fuq il-Fosos tal-Furjana –  kif ukoll dawk li ħarġu f’diversi postijiet fit-toroq li hu għadda minnhom. Il-Papa nnifsu rrimarka kemm baqa’ impressjonat bl-entużjażmu tal-Maltin u Għawdxin. Jien stajt ninnota, tul ir-rotta, dan l-entużjażmu. Laqtuni ħafna familji, speċjalment familji bi tfal żgħar, li kienu hemm biex jilqgħu lill-Papa hu u għaddej. Naturalment, tilqa’ lill-Papa jfisser li tilqa’ l-preżenza mimlija mħabba tiegħu, u wkoll tilqa’ l-kelma tiegħu li hi kelma ċara u ta’ għajnuna kbira għall-ħajja tagħna. Għalhek hu importanti li nħallu dil-kelma tinżel f’qalbna u ddawwal il-mixja ta’ ħajjitna.

Qabel il-Papa Franġisku, mis-sena 1990 ‘l hawn ġie f’pajjizna Papa Gwanni Pawlu II darbtejn u Papa Benedittu XVI.  Sadattant il-Kattolici prattikanti, almenu f’dik li hi attendenza fil-knejjes, naqset.  Dan ifisser li l-messaġġi tagħhom ma waslux f’nofsna?

Le, ma jfissirx bilfors hekk. Naħseb li kemm meta ġie l-Papa Ġwanni Pawlu II kif ukoll il-Papa Benedittu XVI, il-preżenza tagħhom u d-diskorsi li għamlu kienu ta’ benefiċċju għall-Maltin u għall-Knisja f’Malta. Bħal dejjem, ikun hemm min jilqa’ l-messaġġ u jkun hemm min ma jilqgħux. Il-messaġġ tal-Knisja qatt ma jiġi impost – dejjem jiġi propost. Rigward l-attendenza fil-knejjes, hemm diversi fatturi li wieħed irid iqis – jalla nkomplu nagħmlu ħilitna biex aktar nies jagħrfu kemm hu importanti għal ħajjithom li jieħdu sehem ħaj fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

Mill-messaġġi li naraw fis-social media, u anki b’mod apert ħafna drabi, ir-rażżismu f’Malta huwa allarmanti. Kemm inti fiduċjuż li l-messaġġ tal-Papa dwar l-akkoljenza tal-Maltin ta’ dawn ir-refuġjati, se jkun milqugħ?

Il-Papa tana messaġġ qawwi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li qed ifittxu l-kenn b’mod speċjali fid-diskors lill-awtoritajiet fil-Palazz tal-President u fid-diskors lill-migranti ġewwa l-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far. Naħseb li ħafna Maltin setgħu jifhmu u japprezzaw il-messaġġ tal-Papa li jħeġġiġna mmorru lura għall-għeruq tagħna, b’referenza għall-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San Pawl fejn naqraw fl-Atti tal-Appostli li l-Maltin laqgħu lil dawk kollha li kienu fuq il-ġifen “bi ħlewwa liema bħalha”. Il-punt prinċipali tal-Papa hu dejjem li hemm bżonn nisimgħu l-istejjer dolorużi ta’ dawk il-migranti li kellhom jitilqu minn arthom. Meta nisimgħu l-istorja tagħhom, bħalma għamel il-Papa stess ġewwa Ħal Far, nistgħu nifhmu xi ftit it-tbatija kbira li jgħaddu minnha u nkunu għalihom ta’ appoġġ.  Rigward il-messaġġ fis-social media, huwa veru li hemm numru li jagħmlu ħafna ħoss u storbju, bi kliem kultant ta’ insulti li jmisshom jistħu meta jiktbuh. Dawn aktarx li lanqas ikunu qraw sew dak li qal il-Papa, u wisq anqas taw każ l-esperjenza iebsa u ta’ tbatija ta’ dawk li qed ifittxu l-kenn.

Il-Papa faħħar lill-poplu Malti kemm-il darba dwar il-valuri nsara tiegħu.  Fl-istess ħin semma aktar minn darba l-problema tal-korruzzjoni u problemi oħra relatati ma soċjetà ġusta.  Kif tispjega dawn il-kontradizzjonijiet fis-soċjetà tagħna?

Il-Papa wera li jaf sewwa r-realtajiet ta’ pajjiżna. Hu tkellem ċar ħafna dwar il-bżonn li jissaħħaħ is-sies tal-għajxien komuni mibni fuq id-dritt u l-legalità: “L-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata. L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li, meta jonfoħ mit-tramuntana jnaddaf il-kosta tal-Pajjiż. U jalla dejjem jibqgħu jkunu kkultivati l-legalità u t-trasparenza li jippermettu li jitqaċċtu mill-għeruq il-ħajja ħażina u l-kriminalità li huma marbutin flimkien minħabba li l-aġir tagħhom ma jsirx fid-dawl tax-xemx.” Tkellem dwar l-ambjent li “għandu jkun imħares mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini, li mhux biss jikkompromettu l-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni.” Tkellem dwar il-protezzjoni tal-ħajja “mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha” iżda wkoll biex f’kull waqt inħarsuha milli tkun skartata u milli tisfa’ ttraskurata. Hemm diversi punti oħra li hu enfasizza, u kollha jgħinuna biex ngħixu tassew il-valuri tagħna fil-ħajja soċjali u politika.

Il-Papa fid-diskorsi tiegħu fuq il-Mexxejja Ċivili ta’ kull pajjiz inkluz Malta, dejjem “l-abjad isejjaħlu abjad u l-iswed isejjaħlu iswed”.   Ma taħsibx li dan huwa wkoll messaġġ lill-Mexxejja Ekklesjastiċi tal-Gzejjer Maltin biex jaġixxu l-istess fuq il-governazza lokali ?

Iva, hu messaġġ ta’ konferma u ta’ inkoraġġiment. Li għamel il-Papa bid-diskors tiegħu hu li kkonferma b’mod qawwi dak li l-mexxejja tal-Knisja fil-gżejjer Maltin ilhom ħafna jagħmlu, u jagħmlu kontinwament. Ħu l-punti kollha li semma l-Papa Franġisku f’Malta – ez. dwar l-impenn kontra l-illegalità u l-korruzzjoni, dwar ir-regħba u l-kilba għall-flus, dwar il-ħarsien tal-ambjent, dwar il-protezzjoni tal-ħajja mill-ewwel moment tagħha sat-tmiem naturali – u ara jekk hux kollha kemm huma ġew enfasizzati kemm-il darba mill-Isqfijiet Maltin. Imma kultant dak li jingħad jiġi injorat, biex imbagħad ikun hemm min jgħid li qatt ma ntqal. Int semmejt qabel ir-razziżmu, u rrid infakkar li fid-dokument tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta Djakonija u Ġustizzja, tal-2003, ġa hemm kundanna tar-razziżmu u għal xiex jista’ jwassal. Il-Knisja f’Malta kważi għġaoxrin sena ilu antiċipat dak iż-żmien ir-realtà li qed ngħixu llum. Dan hu eżempju wieħed. Għalhekk kien tassew f’waqtu li l-Papa l-abjad sejjaħlu abjad u l-iswed sejjaħlu iswed, u b’hekk ikkonferma dak li jagħmlu l-mexxejja tal-Knisja lokali.

Ma taħsibx li l-insara Maltin għandhom wisq marbutin mad-tradizzjonijiet aktar min twemmin konkret fejn tiddomina l-inkarnazzjoni ta’ Kristu qaddej?   Il-Papa huwa ezempju ta’ dan fil-mod kif jgħix it-twemmin tiegħu. Il-kummenti tiegħek.

Hemm diversi tradizzjonijiet sbieħ fil-gżejjer Maltin, li jesprimu fidi Nisranija ħajja, u dawn għandna nħarsuhom. Irridu niftakru wkoll li l-impenn fil-qasam tad-djakonija u fil-qasam soċjali hu ħafna drabi ispirat mill-fidi Nisranija, u espressjoni ta’ Kristu qaddej. Il-Papa seta’ jara ħjiel ta’ dan fil-laqgħa li kellu fil-Bażilka ta’ San Pawl, ir-Rabat. Imma kultant, hemm ukoll tradizzjonijiet oħra li jkunu biss il-qoxra ta’ barra u ma jesprimux il-fidi Nisranija jew il-valuri Nsara. Kien għalhekk li l-Papa, fl-omelija fil-laqgħa ta’ talb fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, fakkarna: “Xi drabi l-qafas ta’ barra jista’ jkun reliġjuż, imma wara dik il-libsa l-fidi tkun qed teqdiem. Fil-fatt, il-gwardarobba eleganti tal-ilbies reliġjuż mhux dejjem taqbel ma’ fidi ħajja li tiġi mid-dinamiżmu tal-evanġelizzazzjoni. Hemm bżonn ngħassu biex il-prattika reliġjuża ma tirriduċix ruħha għar-ripetizzjoni ta’ repertorju tal-passat, imma tkun tesprimi fidi ħajja, miftuħa, li xxerred il-ferħ tal-Vanġelu.” Dan hu messaġġ attwali ħafna għalina lkoll.

Ara aktar fuq iż-Żjara tal-Papa Franġisku f’Malta u Għawdex …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading