Aktar sinjali tal-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija fiż-żminijiet bikrin tal-Kristjaneżmu

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar KCHS

Il-Mirakli Ewkaristiċi huma interventi straordinarji ta’ Alla, maħsuba Minnu  biex jikkonfermaw il-Fidi fil-Preżenza reali tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej Ġesù fl-Ewkaristija. Dan hu t-tagħlim Kattoliku dwar il-Preżenza Reali ta’ Kristu Irxoxt fl-Ewkaristija. 

Il-Konċilju ta’ Trentu jiġbor fil-qasir il-Fidi Kattolika meta jgħid “Għaliex Kristu, il-Feddej tagħna, qal li dak li offra taħt l-ispeċi tal-ħobż kien tassew Ġismu, il-Knisja dejjem kienet żgura, u issa qed itennih dan il-Konċilju, li bil-Konsagrazzjoni tal-Ħobż u tal-Inbid is-sustanza kollha tal-ħobż tinbidel fis-sustanza tal-Ġisem ta’ Kristu, u s-sustanza kollha tal-Inbid tindilel fis-sustanza tad-Demm ta’ Kristu: din il-bidla l-Knisja Kattolika bir-raġun kollu  u b’mod eżatt sejħitilha transustanzjazzjoni. (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika par. 1376).

Żagħżugħ  tal-Millenju Ġdid – il-Beatu Carlo Acutis ( 3 ta’ Mejju 1991 – 12 ta’ Ottubru 2006)

Carlo Acutis beda jikkataloga l-Mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja sa minn meta kellu 11-il sena u dak iż-żmien kiteb “Aktar ma nirċievu l-Ewkaristija aktar insiru bħal Ġesù biex fuq din l-art ikollna togħma minn qabel tal-Ġenna.” Talab lill-ġenituri tiegħu biex jibdew jeħduh fil-postijiet kollha fejn seħħew il-Mirakli Ewkaristiċi, u sentejn u nofs wara lesta l-proġett. Irriċerka aktar minn 136 Miraklu Ewkaristiku li seħħew matul is-sekli f’pajjiżi differenti madwar id-dinja, u li gew rikonoxxuti mill-Knisja Kattolika u ġabarhom f’mużew virtwali. Minbarra li ħoloq websajt biex jospita dan il-mużew virtwali, huwa għen biex jinħolqu preżentazzjonijiet tal-panels ta’ dawn il-Mirakli Ewkaristiċi li vvjaġġaw madwar id-dinja. Huwa kien magħruf għall-ferħ tiegħu, għall-ħiliet tiegħu tal-komputer, u fuq kollox għad-devozzjoni profonda lejn l-Ewkaristija, li saret tema ewlenija ta’ ħajtu. Ta’ ħmistax-il sena miet mil-lewkimja, u kien ibbeatifikat fl-10 ta’ Ottubru 2020. Din il-ġabra ta’ Mirakli Ewkaristiċi li se jidhru f’din is-sensiela hija kollha frott tal-imħabba u qima kbira li kellu lejn l-Ewkaristija Imqaddsa.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Skete, fl-Eġittu – fit-Tielet Seklu

Ir-rakkont ta’ dan il-Miraklu Ewkaristiku jmur lura għall-ewwel sekli  tal-Kristjaneżmu u nsibuh fil-ġabra ta’ apotemmi tal-Missirijiet tad-Deżert li għexu bħala eremiti fl-Eġittu fuq l-eżempju ta’ San Anton Abbati li ħallew kulma kellhom biex jgħixu ħajja ta’ talb, sawm u kontemplazzjoni fid-deżert Eġizzjan. Wieħed miċ-ċentri ewlenin ta’ dan it-tip radikali ta’ għajxien monastiku kien f’żona magħrufa bħal Skete, li tinsab fid-Delta tan-Nil tal-Majjistral. Skont dokument antik imsejjaħ il-Qdil tal-Missirijiet tad-deżert,li  jiġbor fih stqarrijiet u għemejjel ta’ dawn l-eremiti, insibu  li f’din il-komunità kien jgħix patri li kellu dubji kbar dwar il-Preżenza Reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija, fil-Ħobż u l-Inbid  ikkonsagrati fil-quddies. Kien jgħid lil sħabu l-monaċi: “Il-Ħobż li nirċievu mhuwiex tabilħaqq il-Ġisem ta’ Kristu, imma huwa biss simbolu ta’ dak il-Ġisem” Żewġ monaċi kellmuh u qalulu: “Dak li qed tgħid jikkontradixxi l-Fidi tagħna.” Iżda hu kien iwieġeb:  “Sakemm ma tistgħux turini evidenza, jien mhux se nbiddel fehmti.”

Żewġ monaċi anzjani qalulu: “Aħna nitolbu lil Alla dwar dan il-misterju u nemmnu li Alla jurina il-verità.

Ġimgħa wara, waqt il-quddies tal-Ħadd, meta dan il-patri qal il-kliem tal-Konsagrazzjoni fuq l-ostja Ewkaristika f’idejh dehret tarbija minflok l-Ostja Ikkonsagrata. Kien ċar għall-patri li dik it-tarbija kienet  Ġesù Tarbija. Deher ukoll anġlu bis-sejf li nifed lit-tarbija u d-Demm niżel fil-kalċi. Fit-Tqarbin, l-anġlu ħa partiċelli  mit-tarbija u tahom lill-monaċi li kienu qed jieħu sehem fil-quddiesa biex jitqarbnu bihom.  Għal din id-dehra mirakuluża l-patri li ddubita għajjat “Mulej, nemmen li l-Ħobż huwa Ġismek u li Demmek jinsab fil-Kalċi.’’  Minnufih il-laħam imdemmi  sar mill-ġdid Ostja Ewkaristika.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Ruma, l-Italja – fis-Sitt  Seklu

Fost l-aktar xogħlijiet importanti li fihom jissemma’ dan il-Miraklu Ewkaristiku, li seħħ f’Ruma fis-sena 595 AD, hemm il-Vita Beati Gregorii Papae (il-Ħajja tal Papa San Girgor il-Kbir) miktuba mid-Djaknu Pawlu fis-sena 787 AD.

Kienet id-drawwa f’dawk iż-żminijiet li l-ħobż li jintuża għaċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika kien jiġi ppreparat mill-fidili nsara stess. Il-Papa San Girgor il-Kbir kien xhud dirett ta’ dan il-Miraklu Ewkaristiku.  F’Jum il-Ħadd waqt li dan il-Papa qaddis  kien qiegħed  jiċċelebra l-Quddiesa fil-Knisja antika ddedikata lil San Pietru, f’Ruma, fil-ħin tat-tqassim tal-Ewkaristija  innota li fost l-insara wieqfa fil-kju kien hemm preżenti wkoll waħda min-nisa li kienu ħejjew il-ħobż għall-Konsagrazzjoni Ewkaristika. Kienet  qiegħda tidħaq b’leħen għoli. Il-Papa, għal din id-dehra inkwieta ferm u waqt li talabha tersaq f’ġenb  staqsieha x’kienet ir-raġuni għal dik l-imġieba tagħha. Il-mara ddefendiet ruħha billi qalet li ma setgħetx tifhem u  temmen kif kien possibbli li  l-ħobż li hi stess kienet ħejjiet b’idejha, issa sempliċiment bil-kliem tal-Konsagrazzjoni sar il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. F’dak il-ħin, il-Papa San Girgor ipprojbilha milli tersaq għat-Tqarbin u talab lil Alla biex idawwalha. Eżatt meta temm jitlob, ra li l-istess biċċa ħobż li kienet ippreparata minn dik il-mara tbiddlet fil-Laħam u d-Demm ta’ Kristu. Il-mara, meta rat hekk, niedma niżlet għarkubbtejha mal-art u bdiet tibki.

Sal-ġurnata tal-lum parti mir-relikwa ta’ dan il-Miraklu Ewkaristiku  għadha miżmuma b’għożża kbira fil-Monasterju Benedittin, f’Andechs, fil-Ġermanja.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Lanciano, l-Italja –  fit-Tmien Seklu  

Hu magħruf li fis-sena 750 AD fil-belt ta’ Lanciano, li dak iż-żmien kienet tissejjaħ Anxanum, belt antika Rumana fix-xlokk ta’ Ruma, seħħ Miraklu Ewkaristiku. Skont it-tradizzjoni, monaku Bażilijan ( il-monaċi bażiljani huma reliġjużi Kattoliċi li jsegwu r-Regola ta’ San Bażilju l-Kbir) kien qiegħed jiċċelebra l-quddiesa fil-monasteru ta’ San Lonġinu bir-Rit Ruman b’ħobż bla ħmira. Dan il-patri kellu dubji dwar id-duttrina Kattolika tat-transubstanzjazzjoni, u beda jiddubita jekk il-ħobż u l-inbid jinbidlux tabilħaqq sostanzjalment fil-Ġisem u d-Demm ta’  Kristu bil-kliem tal-Konsagrazzjoni, u jekk Kristu kienx tassew preżenti fl-Ewkaristija Mqaddsa.  Iżda, waqt il-quddiesa meta hu qal il-kliem tal-Konsagrazzjoni , hu stess ra li l-ħobz jinbidel f’Laħam ħaj u l-inbid jinbidel f’Demm. Mistagħġeb u fl-istess ħin beżgħan il-patri sejjaħ lill-ġemgħa madwar l-artal u qalilhom “O xhieda ixxurtjati, li lilhom Alla l-Imbierek,  biex iġiegħel tistħi n-nuqqas ta’ twemmin tiegħi, xtaq juri lilu nnifsu viżibbli għal għajnejna! Ejjew, ħuti, u stagħġbu b’Alla tagħna, tant qrib tagħna. Araw il-Laħam u d-Demm ta’ Kristu, l-aktar maħbub tagħna.”

 Dawk kollha li raw dan il-Miraklu xerrdu l-aħbar fl-inħawi tal-madwar.

Diversi investigazzjonijiet ippruvaw jevalwaw ir-relikwi, b’riżultati varji bl-iżvilupp tal-kapaċitajiet xjentifiċi matul is-sekli. Fost  ħwejjeġ oħra tant interesanti li seħħu f’dan il-Miraklu Ewkaristiku u li ġew investigati, sett wieħed ta’ kejl sar fl-1574 mill-Arċisqof Antonio Gaspar Rodriguez li ddetermina li “Id-demm maqsum f’ħames partijiet mhux ugwali jiżen ilkoll flimkien daqs kull wieħed separatament.” Storiku tax-xjenza tas-seklu 21 sejjaħ dan “il-miraklu tal-piżijiet”. Din l-istqarrija għandha tifsira teoloġika ta’ importanza kbira. 

Minn analiżi xjentifiċi jirriżulta li Il-Laħam u d-Demm li fihom tbiddlu il-Ħobż u l-Inbid Ewkaristiċi huma reali u jappartjenu għall-ispeċi umana, u għandhom l-istess tip tad-demm AB (Tip tad-demm identiku għal dak li l-Prof.Baima Bollone sab fuq is-Sacra Sindone di Torino (il-Liżar ta’ Kristu ta’ Turin). Il-Laħam fil-Miraklu jikkonsisti mit-tessut muskolari tal-qalb, u hu QALB kompluta fl-istruttura essenzjali tagħha. Il-Knisja Kattolika uffiċjalment iddikjarat dan il-Miraklu bħala awtentiku.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading