L-arka ta’ Alla fid-dar ta’ Żakkarija

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 3 ta’ Lulju 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa tal-Viżitazzjoni. Bażilika tal-Viżitazzjoni ta’ Marija, Għarb.

[soundcloud url=” https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-fil-festa-tal-vizitazzjoni-gharb-il-hadd-3-ta-lulju-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Ma nafx jekk tiftakrux x’qalilha l-Anġlu Gabrijel lill-Madonna meta dehrilha! Qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (Lq 1:35). L-anġlu kien qiegħed jirreferi għal ġrajja importanti ħafna li ġrat fit-Testment il-Qadim. Meta l-poplu kien miexi fid-deżert ħiereġ mill-art tal-Eġittu sejjer lejn l-Art Imwiegħda, Alla qabbad lil Mosè jibni arka (ara Eż 25:10-22). Kienet kaxxa bejn wieħed u ieħor twila xi żewġ piedi jew ftit iktar u għolja xi pied u nofs, miksija bid-deheb minn barra u minn ġewwa, u ġo fiha Alla qabbad lil Mosè jpoġġi tliet affarijiet importanti ħafna: it-twavel illi fuqhom Alla nnifsu kiteb b’subgħajh il-Liġi, il-Kmandamenti; bieqja bi ftit manna tad-deżert; u l-bastun ta’ Aron, ħu Mosè, li kien saċerdot. U din il-kaxxa għall-poplu Lhudi li kien miexi fid-deżert kienet tfisser il-preżenza ta’ Alla f’nofsu. U meta l-poplu għamel din il-kaxxa u poġġieha fit-Tinda (ma ninsewx li kienu fid-deżert), fuq it-Tinda l-qawwa tal-Għoli xeħtet id-dell tagħha fis-sħaba, ikompli jgħidilna l-ktieb tal-Eżodu (40:34): niżlet sħaba fuq it-Tinda, sinjal tal-qawwa ta’ Alla, biex tgħidilhom lin-nies li hemmhekk kien hemm il-preżenza ta’ Alla f’dik l-Arka tal-Patt.

Il-Vanġelu li għadna kif smajna (Lq 1:39-56), il-ġrajja tal-laqgħa ta’ Marija ma’ Eliżabetta, San Luqa kitbu b’sengħa liema bħalha. Huwa vanġelu kumpless ħafna, għax fih mhux storja waħda hemm, imma tliet stejjer. U jien ser nipprova fil-qosor ninseġ flimkien, jew aħjar nifred minn xulxin, dawn it-tliet stejjer li hemm f’din is-silta importanti: l-istorja tal-Arka; l-istorja ta’ Marija – l-Arka tal-Patt il-Ġdid – li żżur lil Eliżabetta; u l-istorja tiegħi u tiegħek meta nilqgħu l-Kelma ta’ Alla. Ara naħsbu li aħna l-festi nagħmluhom lill-Madonna, lill-qaddisin! Dawk ma għandhomx bżonn ta’ festi. Jekk għandna xi idea f’moħħna li xi ħadd qed jieħu gost jew jixtieq minn sena għal sena l-festa tagħna, inkunu sejrin żbaljati immens. Il-festi nagħmluhom għalina, u l-festi jagħmluhom huma għalina, mhux aħna għalihom! Naħseb li tajjeb li dawn l-ideat ikunu ċari ħafna f’moħħna, għax inkella naqilbu kollox ta’ taħt fuq.

“F’dawk il-jiem” (v. 39), jgħid San Luqa. Liema jiem? Il-jiem illi fihom kien dehrilha l-anġlu lil Marija. Mela Marija, wara li dehrilha l-anġlu, issa laqgħet il-kelma tal-anġlu, u l-Kelma qiegħda f’qalbha u f’ġufha. Importanti li ma taħarbilna l-ebda kelma. Il-Kelma ta’ Alla illi Marija laqgħet, permezz tas-sejħa tal-anġlu, issa qiegħda f’moħħha u f’ġufha, u l-Vanġelu juża verbi sbieħ. “Marija qamet” (v. 39). U x’ma tqumx, jekk ikollok il-Kelma ta’ Alla ġo fik! X’ma jkollokx stima tiegħek innifsek jekk int tqalleb fil-Kelma ta’ Alla u tinduna kemm int importanti għalih, x’għamel għalik, xi tfisser int, int min int għal min għamlek! X’ma tqumx, f’dinja fejn ħafna minna mgħaffġa mal-art, bla nifs, b’qalbna maqtugħa, biex ma nużax il-kelma li nużaw aħna, ‘dipressati’; u aktar ma jgħaddi ż-żmien, din il-kelma aktar qed issir normali, parti minn ħajjitna! X’ma tqumx meta tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tilqagħha ġewwa fik! Ma jbattik ħadd jekk int għandek il-Kelma ta’ Alla ġewwa fik!

U x’tagħmel Marija? Il-Vanġelu jgħidilna li tmur u tħaffef lejn l-għoljiet (v. 39). Fit-Tieni Ktieb ta’ Samwel, kapitlu 6, insibu kif l-Arka tal-Patt, din il-kaxxa illi fiha kien hemm it-twavel tal-Liġi, il-manna tad-deżert u l-bastun ta’ Aron, il-Filistej, l-għedewwa tal-Lhud, ħaduhielhom, serquhielhom, imma meta David sar sultan, hu li kien qawwi u li kien setgħan, mar seraq l-Arka lill-Filistej; ma ninsewx li din l-Arka kienet is-sinjal tal-preżenza ta’ Alla fost il-poplu. U David ħalef li din l-Arka jtellagħha lejn l-għoljiet (ar 2 Sam 6:2). Liema għoljiet? L-għoljiet ta’ Ġerusalemm, l-għolja li fiha mbagħad ibnu Salamun kellu jibni t-Tempju. L-Arka tal-Patt postha kien fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Imma x’ġara wara li ħa din l-Arka mit-tempju tal-Filistej iddedikat lill-alla falz Dagon? Wara li ħadha, David waqaf għal ftit f’post jissejjaħ Kirjat-ġegħarim (illum għadu jeżisti dan il-post, jissejjaħ Abu Ghosh bil-Lhudi). Waqaf għal ftit f’dan il-post u poġġa l-Arka f’dar ta’ wieħed jismu Għobededom, sakemm imbagħad jerġgħu jieħdu l-forzi biex ikomplu mexjin lejn Ġerusalemm. Hemmhekk, fid-dar ta’ Għobededom, meta kien hemm l-Arka tal-Patt, is-sinjal tal-preżenza ta’ Alla, kien hemm il-paċi, kien hemm ix-Shalom – ma jfissirx sliem, kwiet, kalma, kif nifhmuha aħna, imma kienet kull ġid – dik id-dar imtliet b’kull barka. L-għelieqi, it-tfal, ir-raba’, il-bhejjem ta’ Għobededom, kulħadd tbierek f’dik id-dar. Kien hemm biss barka f’dik id-dar.

U David jaqbad l-Arka, u bil-mod il-mod jibda jeħodha lejn Ġerusalemm, u waqt li kien imexxiha lejn Ġerusalemm, David beda jiżfen u jaqbeż bil-ferħ – il-kliem tal-Vanġelu hu “jaqbeż bil-ferħ”. Tant qabeż bil-ferħ illi Mikal, il-mara tiegħu, wara li tlestiet din il-purċissjoni, qaltlu: ‘Inti ma tistħix? Inti s-Sultan ta’ Iżrael u tagħmel dawn il-kummiedji quddiem il-poplu tiegħek?’ (ara 2 Sam 6:16-22). U David iqum bilwieqfa u jgħidilha: ‘Għażiża Mikal, nagħmel iktar minn hekk quddiem il-preżenza ta’ Alla’ (v. 22). U allura meta San Luqa jirrakkonta u jispjega kif Marija telgħet lejn l-għoljiet, għandu f’rasu xi ħaġa importanti ħafna: li Marija issa hija dik l-Arka, għax hija s-sinjal il-ġdid tal-preżenza ta’ Alla, għax f’Marija issa hemm il-Kelma. Dawk l-Għaxar Kelmiet, it-twavel tal-Liġi, il-bieqja bil-manna u l-bastun ta’ Aron issa ma għandniex bżonnhom iktar, għax Marija, mimlija bil-Kelma ta’ Alla, mimlija bil-Kelma ħajja f’moħħha, f’qalbha, f’ġufha – għax dik il-Kelma kienet qed tifforma lilha nfisha f’laħam fil-persuna ta’ Ġesù – hija wkoll titla’ lejn l-għoljiet. Araw x’kellu f’moħħu San Luqa meta qiegħed ixandar dan il-Vanġelu, meta qiegħed jikteb din is-silta… xi sbuħija u x’rikkezza!

U x’tagħmel Marija kif tidħol fid-dar ta’ Eliżabetta? Il-Vanġelu jgħidilna li daħlet fid-dar mhux ta’ Eliżabetta, imma ta’ Żakkarija (v. 40). Il-kelma Żakkarija tfisser ‘Alla jiftakar’. Daħlet fid-dar fejn Alla jiftakar. Id-dar ta’ Żakkarija għal San Luqa mhix sempliċement dawk it-tliet jew erbat ikmamar li kellha Eliżabetta u li kellu Żakkarija; id-dar ta’ Żakkarija kienet id-Dar ta’ Iżrael. Hu Iżrael kollu kemm hu li kien jiftakar kontinwament f’dak li Alla kien jgħidlu fit-Testment il-Qadim. Imma aħna nafu x’ġara: Żakkarija, meta deherlu l-anġlu fit-Tempju, ma emminx, waqt illi Eliżabetta laqgħet u aċċettat it-tħabbira ta’ Alla, laqgħet fi ħdanha t-tnissil ta’ binha Ġwanni l-Battista. L-isem Eliżabetta jfisser ‘Alla jżomm il-wegħda’ (Eli shavot). U Eliżabetta tilqa’ t-tislima ta’ Marija. Tinsewx x’għidna ftit ilu meta tkellimna fuq il-kelma shalom, meta l-Arka tal-Patt fid-dar ta’ Għobededom nisslet kull ġid, kull barka. L-istess jiġri meta Marija tidħol fid-dar ta’ Eliżabetta u ta’ Żakkarija: hemmhekk ikun hemm ix-Shalom, il-paċi. Dik tfisser il-kelma ssellem, illi lilna taħrabilna, sempliċiment qisu qed ngħidu ‘bonġu’, ‘saħħa’, ‘il-lejla t-tajba’. Le, hi wisq iżjed minn hekk.

Meta Marija ssellem lil Eliżabetta, it-tarbija taqbeż fil-ġuf ta’ Eliżabetta (v. 44). Il-kelma taqbeż smajnieha tirreferi għal David li kien jaqbeż quddiem l-Arka tal-Patt, quddiem il-preżenza ta’ Alla. U dan hu li tagħmel Eliżabetta, dan hu li jagħmel it-tifel ta’ Eliżabetta. San Luqa joqgħod attent biex ma jsemmix l-isem ta’ Ġwanni. Sintendi, għadu ma twelidx, veru, imma joqgħod attent biex jgħidilna li kien it-tifel ta’ Eliżabetta. Min hu dak it-tifel ta’ Eliżabetta? Huwa t-tifel li għandek int u li għandi jien ġewwa fija. Ilkoll kemm aħna għandna tifel ġewwa fina li jrid jitwieled u qiegħed jistenna li jiltaqa’ mal-Kelma ta’ Alla biex isir raġel matur, isir bniedem, isir ħaj. Hemm ġo fina jew le x-xewqa li nkunu ftit differenti minn dak li aħna? Liema hi d-differenza li nixtiequ? Hemm ġo fina jew le x-xewqa li nkunu kuntenti f’din il-ħajja, illi nilħqu l-milja tagħna bħala bnedmin, bħala rġiel, bħala nisa, bħala tfal? Hemm ġo fina jew le din ix-xewqa illi nilħqu, illi nagħrfu, li nagħtu l-ħajja fina lill-Iben ta’ Alla? Ma ninsewx li aħna maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla, kull wieħed u waħda minna, u dik ix-xbieha ta’ Alla hija t-tifel żgħir li kellha fil-ġuf tagħha Eliżabetta, li għandna int u jien ġo fina, u li jixtieq jikber u li nippruvaw inkabbruh b’kull mod.

Id-divertiment, il-kilba għall-flus, il-ħbiberiji mhumiex għajr modi tagħna kif lil dan it-tifel nippruvaw inkabbruh biex inħossuna aħna, realizzati. Imma l-Vanġelu għandu l-mod tiegħu, għandu t-triq tiegħu, għandu l-istil tiegħu kif jien u int nistgħu ngħixu tassew fid-Dar tal-Hena, fid-dar ta’ Żakkarija li jkollha s-sliem meta tilqa’ lil Marija, li hija l-Arka li ġġorr fiha l-Kelma ta’ Alla. Tinsewx illi l-Papa Franġisku ftit metri ’l bogħod minn hawn, ftit xhur ilu, qalilna kelma u rrepetieha għal seba’ darbiet, bħal ritornell: “Il-ferħ tal-Knisja hu l-evanġelizzazzjoni”. Fi kliem ieħor, il-ferħ tal-Knisja – insewha għalissa l-Knisja – il-ferħ tal-bniedem hu meta jisma’ l-Kelma ta’ Alla! Irriflettu fuqha din u ejjew nemmnuha bħalma emmnitha Eliżabetta.

Kemm hi ftit il-ġrajja jekk aħna naqrawha u nifhmuha kif inhi. Hi wisq iktar profonda. San Luqa ried jgħidilna, kif għidtilkom, tliet stejjer: l-istorja tal-Arka, l-istorja ta’ Marija u Eliżabetta, u l-istorja tagħna. L-iktar li jinteressah San Luqa mhux x’ġara mill-Arka jew x’ġara preċiż minn Eliżabetta u l-Madonna. U aħna nibdew ngħidu: ‘Imma San Ġużepp ma kienx hemm? Imma kif ma beżgħetx tmur weħedha?’. Dawn huma flieles ta’ moħħna li lanqas qatt ma ħabtu ma’ moħħ l-Evanġelista. L-Evanġelista li kellu f’moħħu jgħidilna hu li dik l-istorja ta’ Eliżabetta hija l-istorja tiegħi, tiegħek, ta’ kull wieħed u kull waħda minna. U rridu nemmnuha din. X’jiġri ġo fija meta jien nisma’ l-Kelma ta’ Alla u nħalliha tidħol ġo fija, nilqagħha? Il-barka u l-paċi li tiġri ġo fina.

Dik is-sentenza, il-ferħ tal-bnedmin hu meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, tfakkarkom f’xi sentenza tal-Vanġelu tal-lum li għadna kemm smajna? X’qaltilha Eliżabetta lill-Madonna? “Kif it-tislima tiegħek waslet f’widnejja” (ara v. 44)… Il-Kelma ta’ Alla kif tidħol ġo fina? It-tarbija x’għamlet? Qabżet bil-ferħ ġo fiha. Dak li qal il-Papa qiegħed hawn fil-Vanġelu. Il-ferħ tagħna meta jkun? Meta jkollok il-flus? Meta tikseb is-suċċessi? Meta jkollok ħafna likes fuq il-Facebook… u trid iktar id-darba ta’ wara? – Jekk kellek 50 like issa, xħin terġa’ tpoġġi post ieħor tistenna 55 almenu, u jekk ma jkunx hemm 55, tkun iffrustrat! Imbagħad bħalma tagħmel int: ‘Mhux hekk tgħid, iva, ħa nagħmlila like din għax tieħu għaliha jekk ma nagħmlilhiex like’… mhux hekk nagħmlu? U jien moħħi mimli: ‘Kemm qed jieħdu pjaċir, ara, bil-post li għamilt!’. Imbagħad dak li jkun jegħja… kemm se jdum jagħmillek like biex ma tiħux għalik? Ikollu posts oħrajn u jara posts oħrajn. – Meta ħa jkollna l-ferħ aħna? Meta nagħmlu dak li tgħidilna żaqqna jew dak li jgħidilna l-istonku tagħna? Meta nagħmlu kif inħossu? Dakinhar ikollna l-ferħ?

Ċara daqs il-kristall: din ir-riċetta min jagħtihielna? Mhux xi xjenzat jew xi teologu jew xi qassis, imma jagħtihielna l-Mulej innifsu: “Kif it-tislima tiegħek waslet f’widnejja”… kollha kemm aħna nagħmluha din l-esperjenza meta aħna nisimgħu l-Kelma ta’ Alla tassew. Tgħidulix li ma nkunux kuntenti meta nħalluha tidħol tassew! Tgħidulix li hi ma tqanqalx ġo fina l-ferħ! Tgħidulix li ma jiġrilniex bħal Eliżabetta u xi ħaġa ġo fina titħarrek u ngħidu: ‘Iva, din! Hekk, kif qed tgħid l-Iskrittura, kif qed tgħid il-Kelma ta’ Alla’. Tgħidulix li ma jiġrix dan! Dan jiġri, il-ferħ tagħna jkun meta nisimgħu din il-Kelma.

U Marija ddum tliet xhur għand Eliżabetta. L-omm meta jkollha l-iktar bżonn l-għajnuna? Meta t-tarbija tkun għadha f’ġufha, jew wara li tiled? Normalment ħafna min-nies il-maternity leave jippruvaw iġebbduh sal-aħħar ġurnata, jiġifieri jibqgħu jaħdmu sal-aħħar ġurnata. Għax imbagħad meta tiġi t-tarbija l-iktar li jkollok bżonn. U din Marija kif telqet wara tliet xhur? Damet tliet xhur hemmhekk qabel ma twieled Ġwanni l-Battista u qabdet u telqet! San Luqa m’għandux f’moħħu li jirrakkonta d-dettalji tal-ġrajja. Għaliex tliet xhur? Morru aqraw fit-Tieni Ktieb ta’ Samwel, l-istorja tal-Arka, kemm damet għand Għobededom: tliet xhur (ara 2 Sam 6:11). San Luqa – mhix invenzjoni tiegħi din li qed ngħidilkom – qed jirreferi kontinwament għall-istorja tal-Kelma ta’ Alla miġbura fit-twavel tal-Liġi fl-Arka. Dan ried jgħidilna l-Evanġelista: tliet xhur.

X’jiġri meta aħna nilqgħu l-Kelma ta’ Alla? Id-dar timtela bil-ferħ. Il-Kelma ta’ Alla ma tridx tibqa’ hawnhekk. Ħafna drabi aħna drajna mmorru għax-xogħol, nagħmlu s-seba’ jew it-tmien sigħat tax-xogħol – jekk nagħmluhom! –, imbagħad immorru d-dar u daqshekk. L-irġiel iżjed min-nisa, għax in-nisa jkollhom xi problema, jeħduha magħhom id-dar u jibdew itektku mar-raġel. Ħafna drabi l-istess nagħmlu fil-knisja: nisimgħu l-Kelma ta’ Alla fil-knisja, u issa lesti, fullstop, noħorġu mill-bieb. Il-“Morru fil-paċi ta’ Kristu” iktar ma tkun malajr, aħjar, u dak li għidna hawn ġew, dak issa jibqa’ hawn ġew. Il-Kelma ta’ Alla, qalilna l-Vanġelu, daħlet fid-dar. Marija, l-Arka tal-Patt il-ġdid, bil-Kelma ta’ Alla ġo fiha, daħlet fid-dar ta’ Żakkarija, sellmet lil Eliżabetta, u d-dar timtela bil-ferħ. U din aħna forsi m’aħniex daqshekk konxji u ma nindunawx mill-ewwel biha, imma int tinduna meta bniedem ikun jgħix il-Kelma ta’ Alla jew le. U forsi mhux dejjem tkun tridu bħala ħabib, għax ma jkunx cool, għax dan iż-żmien tkun tridu cool, imma meta tiġi għall-affarijiet serji biex tafda lil xi ħadd jew biex tkellem lil xi ħadd f’widnejh, fejn se tmur? Fejn il-persuna cool jew fejn il-persuna li tgħid: ‘Dak raġel! Dak għandu lil Alla ġo fih, għandu l-Kelma ta’ Alla ġo fih’?

Ejjew nagħmlu minn din il-Festa ta’ Marija u ta’ Eliżabetta l-festa tagħna. Issa qegħdin nispiċċaw, jekk Alla jrid, is-Sena Pastorali. Fis-sajf m’aħniex ħa niltaqgħu biex nagħmlu laqgħat, imma jekk tridu tagħmlu rigal kbir lilkom infuskom u jekk tridu li din il-Festa ma tiġix darba f’sena, intom għandkom il-festa per eċċellenza ta’ kif tilqa’ l-Kelma ta’ Alla. Intom in-nies tal-Għarb, jekk intom tridu li din il-festa ma tkunx darba f’sena u toqogħdu tistennew oħra ġejja – u allaħares qatt taqbad xi pandemija oħra, għax nerġgħu naqgħu f’xi kriżi, u ma trid xejn! – jekk tridu tagħmlu rigal lilkom infuskom, jekk din il-Festa tridu li tkun festa ta’ kull ġurnata, ħudu bis-serjetà l-Kelma ta’ Alla. Għandkom opportunitajiet ta’ laqgħat u se jkollkom iktar: aħtfuhom, tibżgħux mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, għax dik tagħtikom il-ferħ jekk temmnu tassew fil-Festa, jekk temmnu fl-essenzjal tagħha. Imbagħad, jekk nemmnu fil-pastizzi, fil-banda, fl-armar biss, sabiħ kollu dan, imma darba f’sena tgħix bin-nostalġija: ‘Issa siegħa baqa’, sagħtejn baqa’, tliet sigħat baqa’ biex jgħaddi kollox’, u tibda tnaqqas il-countdown… imbagħad terġa’ tagħmel sena sħiħa tgħid ‘ġejja’… u terġa’… Ftit wisq, ftit wisq, ftit wisq! Aħna Nsara ta’ affarijiet iktar serji, affarijiet iktar veri.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading