Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa Rumana ta’ San Bastjan

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA
TA’ SAN BASTJAN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 21 ta’ Marzu 1982

Għeżież ħuti!

1. Ġesù jkgħid lil Nikodemu l-kliem li ġej: “U kif Mosè għolla s-serp fid-deżert hekk hemm bżonn li jkun mgħolli Bin il-Bniedem, sabiex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,14s).

Ejjew niftakru, l-ewwel, il-fatt li għalih jirreferi l-Mulej fid-djalogu ma’ Nikodemu. Il-poplu ta’ Iżrael, fi triqtu lejn l-art imwegħda, ġarrab fid-deżert l-prova tas-sriep velenużi, li qatlu bosta Iżraeliti. Allura Alla, bl-interċessjoni ta’ Mosè, ordna li jissawwar serpent tal-bronż u li jkun espost fl-għoli għal għajnejn il-poplu: min kien iħares lejh kien jibqà ħaj (cf. Nm 21,6-9).

2. Is-serpent li Mosè  għolla fid-deżert sar il-figura ta’ Kristu mgħolli fuq is-salib.

F’din l-“elevazzjoni”, jiġifieri fil-kruċifessjoni ta’ Kristu, se tirrivela ruħha – skont il-kliem stess ta’ Kristu ippronunzjat lil Nikodemu – l-imħabba ta’ Alla għad-dinja: “Alla infatti tant ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu Uniġenitu, sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Gw 3,16).

L-imħabba ta’ Alla għad-dinja! – għall-bniedem  ħaj fid-dinja  u bil-“qies” ta’ Alla. Il-metru ta’ Alla huwa l-Ħajja ta’ dejjem. Skont dan il-qies, Alla pprogramma d-dinja u l-bniedem fid-dinja.

Għal din ir-raġuni ħalqu bħala “xbiha u xebħ” tiegħu. Is-sinjal tal-vokazzjoni għall-ħajja ta’ dejjem, skont it-test tal-ewwel kapitoli tal-Bibbja (Ġen 3), kien “is-siġra tal-ħajja”. Minn din is-“siġra” il-bniedem inqatà permezz tad-dnub, u kien minnu mbiegħed għall-korsa tal-istorja umana.

Iżda mhux fil-ħsieb etern u fir-rieda ta’ Alla, li huwa mħabba u ħniena.

Ejjew, għal dan il-għan, naqraw fl-ittra lill-Efesin il-kliem ta’ Pawlu: “… Alla għani fil-ħniena, għall-imħabba kbira li biha ħabbna, minn mejtin kif konna minħabba d-dnubiet, reġà għamilna ngħixu ma’ Kristu” (Ef 2,4s).

Is-siġra tas-salib saret għall-umanità, wara d-dnub, is-siġra tal-ħajja.

Kristu jgħid lil Nikodemu: “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jiġġudika d-dinja imma biex isalvaha permezz tiegħu” (Ġw 3,17).

“Isalvaha” jiġifieri introdotta għall-ħajja eterna, għas-sehem fil-ħajja ta’ Alla nnifsu.

Ikompli jikteb l-Appostlu: “B’din il-grazzja infatti intom salvi permezz tal-fidi; u dan ma jiġix minnkom. Imma huwa don ta’ Alla; u jiġi mill-opri, sabiex ħadd ma jkun jistà jiftaħar. Aħna infatti opra tiegħu, maħluqin fi Kristu Ġesù” (Ef 2,8-10)

3. Ejjew naqraw il-kliem profond tal-Liturġija tallum, li jieħu – f’ċertu sens billi jalterna – mill-Vanġelu ta’ Ġwanni u mill-ittra lill-Efesin. Permezz tal- kelma ta’ Alla ejjew nisimgħu u naċċettaw is-sejħa għas-sehem fil-ħajja ta’ Alla nnifsu, bħala d-destin tagħna.

Fl-istess ħin, ejjew inħarsu lejn is-Salib ta’ Kristu. Id-destin tagħna huwa miktub definittivament f’dan is-Sinjal. F’kemm postijiet insibuh! F’kemm inqegħduh! Kullimkien jitkellmu dwaru biss: “Alla infatti tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu Uniġenitu, sabiex kulmin jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem”.

Is-Salib huwa s-sinjal tad-don ta’ Alla: l-ikbar wieħed ideat eternament, soprannaturali, bil-qies ta’ Alla. U huwa wkoll is-sinjal tal-fidi. Kullimkien, fil-postijiet kollha tal-art, quddiem il-bnedmin kollha u l-popli, is-salib ifisser l-istess ħaġa: l-imħabba ta’ Alla u d-don tal-ħajja eterna. Jekk fil-postijiet individwali, fl-isfera tal-ħajja ta’ xi nies jew gruppi ta’ bnedmin, ninnutaw in-nuqqas ta’ dan is-sinjal, jistà jkun li dan irid jgħid li hemm nieqsa l-fidi; kultant xi taqtighħa pprogrammata kontra l-fidi u kontra s-salib.

“… Sabiex kulmin jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem”. Il-fidi nfisha hija don ta’ Alla, li tirrendi xierqa għall-ħajja ta’ dejjem, li tikkondizzjona l-akkwist ta’ dan l-aħħar don. Din mhijiex biss kondizzjoni għall-futur: fil-fidi, infatti, diġa issa nsibu s-sies tas-sehem fil-ħajja ta’ Alla. Diġa f’din id-dinja.

B’liema kliem imħeġġeġ jikteb għal dan il-għan l-awtur tal-ittra lill-Efesin: “B’din il-grazzja kontu mifdija permezz tal-fidi; u dan mhux ġej minnkom imma huwa don ta’ Alla, lanqas ma jiġi mill-opri sabiex ħadd ma jkun jistà jiftaħar. Infatti aħna opra tiegħu, maħluqin fi Kristu Ġesù bl-opri tajbin li Alla ippredispona sabiex aħna nipprattikawhom” (Ef 2,8-10).

Ikun diffiċli li nippreżentaw b’mod iktar splendidu l-għana tal-fidi bħala don ta’ Alla. Tassew, permezz ta’ dan id-don, li konna “maħluqin” f’ Ġesù Kristu bl-opri tajbin”.

4.Hemm bżonn li aħna nħarsu lejn is-Salib bil-gratitudni l-iktar profonda u b’fiduċja mmensa.

Fl-istess ħin, hemm bżonn li nħarsu lejh bis-sens tal-ikbar responsabiltà.

Il-pjan divin kollu huwa opra ta’ Mħabba – l-Imħabba ħanina. Fl-istess ħin din hija ndirizzata għall-bniedem, li – propju għaliex huwa xbiha ta’ Alla – huwa wkoll liberu. Ujistà jgħid “le” lil Alla. Diġa qallu hekk fil-bidu; u jgħidlu jew jistà jkompli jgħidlu: kemm qabel ma deher fl-istorja s-Salib ta’ Kristu, kif ukoll wara.

“Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jiġġudika d-dinja, imma sabiex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih mhuwiex ikkundannat; imma min ma jemminx fih huwa diġa kkundannat, għaliex ma emminx fl-isem tal-Iben Uniġenitu ta’ Alla” (Ġw 3,17s).

Mela, is-Salib huwa wkoll is-siinjal tal-ġudizzju.

Xi jfisser dan il-kliem: “Min ma jemminx huwa diġa kkundannat”?

Milli jidher, dan iseħħ mhux biss “wara… wara l-mewt…” Il-Vanġelu jgħid: “Diġa”. Jistà l-bniedem ikun diġa kkundannat waqt li għadu ħaj?

Ejjew nisimgħu kif Kristu, waqt li jwieġeb lil Nikodemu, li kien “għalliem f’Iżrael”, spjega fiex jikkonsisti dan il-ġudizzju, li tiegħu s-Salib huwa wkoll is-sinjal.

“U l-ġudizzju huwa dan: id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ippreferew id-dlamijiet għad-dawl, għaliex l-opri tagħhom kienu ħżiena. Infatti kull min jagħmel il-ħażin, jobgħod id-dawl u ma jiġix fid-dawl sabiex ma jkunux mikxufa l-opri tiegħu. Imma min jopra l-verità jiġi fid-dawl, sabiex jidher biċ-ċar li l-opri tiegħu huma magħmula f’Alla” (Ġw 3,19-21).

Iva. Is-Salib huwa sinjal tal-ġudizzju. U l-ġudizzju għandu biċċa xogħol doppja: jiddistingwi it-tajjeb mill-ħażin u joħroġ sentenza.

Skont il-kliem ta’ Kristu lil Nikodemu. Dak li joħroġ is-sentenza, iżda, huwa qabel kollox il-bniedem innifsu. Il-bniedem permezz tal-opri tiegħu – tajbin jew ħżiena. Is-sentenza tinħareġ qabel kollox fil-kuxjenza.

Is-Salib ta’ Kristu huwa xhud ta’ dak il-ġudizzju u ta’ dik is-sentenza. Xhud mutu? Le! Xhud elokwenti. Tagħha jagħti xhieda Dak li l-Missier “bagħat fid-dinja”, sabiex id-dinja ssalva permezz tiegħu: Xhud u Salvatur, U aħna, meta jmissna, niġu “maħluqa fi Kristu Ġesù għall-opri tajba”.

Jekk, mela, ma niġux salvati, jekk nikkundannaw lilna nfusna permezz tal-opri tal-ħażin, dan hu għaliex “ma ġejniex għad-dawl”: għal dan id-dawl, li huwa propju s-Salib ta’ Kristu. Ma “operajniex il-verità”. Ma fittixniex “li l-opri tagħna jkunu mwettqa f’Alla”: jiġifieri mwettqa f’dan id-Dawl li jiġi mill-“verità” tal-kliem ta’ Kristu u mis-Salib tiegħu. Dawn ir-realtajiet, infatti, jixhdu l-imħabba ta’ Alla, li hija s-sors, il-qies u l-ispirazzjoni ta’ kull opra tajba, hekk bħalma hu l-iskop tagħha u t-twettiq definittiv tagħha.

5. Ilqgħu, għeżież ħuti, din il-meditazzjoni. Din tirrigwarda l-problemi ta’ kull bniedem, il-problemi l-iktar profondi, u timponi quddiem għajnejna l-Misteru tas-Salib ta’ Kristu fid-dawl divin tiegħu. Iż-żjara tiegħi fil-parroċċa tagħkom taħbat fir-rabà Ħadd tar-Randan; u lil-Liturġija ta’ dan il-Ħadd nafu l-Kelma ta’ Alla, li saret il-kwadru tar-riflessjoni preżenti.

Nixtieq fl-istess ħin insellem lil dawk kollha preżenti għal din il-Liturġija, nibda mill-Kardinal Vigarju, l-Iaqof taż-żona Clemente Riva, is-Sur Kappillan u l-Kollaboraturi l-iktar diretti tiegħu, inkluża il-Komunità Franġiskana li tmexxi l-kurja ta’ din il-Bażilika u tal-Katakombi  li jagħmlu parti minnha.

B’mod partikolari irrid insellem lill-qawwiet kollha ħajjin tal-parroċċa ta’ San Bastjan: il-Familji reliġjużi numerużi hawn preżenti u operanti, id-diversi gruppi lajkali impenjati pastoralment, bħall-Azzjoni Kattolika, is-soċi voluntarji tal-Unitalsi, il-grupp tal-Vanġelu u dak żagħżugħ ta’ wara-l-Griżma.

Irrid b’mod speċjali nenfasizza l-importanza tal-Katekeżi parrokkjali fid-diversi livelli u fid-diversi waqtiet tal-ħajja sagramentali tal-Komunità, u għalhekk irrid infaħħar u ninkuraġġixxi lil dawk li b’ġenerożità u kompetenza jiddedikaw ruħhom għaliha: b’mod speċjali l-Katekist, imma wkoll lill-Ġenituri, li nistieden biex jieħdu dejjem iktar sehem b’mod responsabblii l-edukazzjoni fil-fidi taż-żgħażagħ.

Propju liż-żgħażagħ nindirizza kelmti li nħoss b’mod partikolari, sabiex ikunu jafu jiskopru dejjem iktar lil Kristu s-sens ta’ ħajjithom u mbagħad jixhduh lid-dinja b’ferħ u b’deċiżjoni. Insellem, ukoll, b’effett speċjali lill-morda u nassikurahom it-talb tiegħi għall-fejqan tagħhom u sabiex ikunu dejjem iktar qawwija fil-fidi.

Intom ilkoll, għeżież parruċċani ta’ San Bastjan għandkom post f’qalbi, u nitlob lill-Mulej li jassistikom dejjem fil-ħajja tagħkom familjari u professjonali; u li jagħmel iktar mill-parroċċa tagħkom komunità nisranija awtentika, li tgħix fil-fond il-Vanġelu u li tkun taf tippreżentah lill-oħrajn b’mod imdawwal.

6. Għeżież ħuti!

Jalla ma jabbandonakom qatt is-Salib ta’ Kristu bħala sors ta’ ċertezza li “Alla fih ħabb lid-dinja”: li ħabb lill-bniedem “.

Jalla ma tabbandonakom qatt it-tama tal-ħajja eterna.

La tieqfu qatt timmiraw għaliha, waqt li tħobbu d-dawl – u tavviċinaw dejjem lejh. Lejn dan id-dawl li huwa s-Salib ta’ Krisdtu. U l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu. Lejn id-dawl li huwa Kristu stess  (Ġw 8,12).

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading