Mirakli oħra fl-Italja, Spanja u Franza

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Daroca, fi Spanja

Daroca, belt f’Aragona fi Spanja, hi s-sit ta’ Miraklu Ewkaristiku importanti msejjaħ il-Miraklu tal-Korporali.

Sa mis-seklu 8 , il-Musulmani (magħrufa dak iż-żmien  bħala Mori) taħt it-tmexxija tal-Kmandant Seraċin Zaen Moro rebħu u żammew kontroll fuq kważi l-peniżola Iberika kollha.  Eventwalment, wara sekli sħaħ ta’ reżistenza u battalji ħorox li ma rnexxilhomx jiksbu mill-ġdid territorji mitlufa, l-truppi Kristjani minn Daroca, Teruel, Calatayud (fil-Lvant ta’ Spanja) u bnadi oħra nġabru u ftehmu biex flimkien jerġgħu jakkwistaw dawn il-territorji.  Għalhekk, fit-23 ta’ Frar 1239,  dawn it-truppi ħejjew fuq il-Muntanja Codol biex jerġgħu jieħdu l-kastell ta’ Chio, li kien taħt il-kontroll Musulman, fin-nofsinhar ta’ Valencia.

Ftit qabel waħda mill-battalji li kellhom l-Ispanjoli Nsara kontra l-Mori Musulmani,il-kmandanti Nsara talbu lill-Kappillan tal-armata Nisranija, Don Mateo Martinez, biex jiċċelebra quddiesa fl-għalqa tal-battalja, iżda ftit wara l-Konsagrazzjoni, attakk improvizzat mill-għadu ġiegħel lis-saċerdot jieqaf miċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u jaħrab bis-sitt Ostji kkonsagrati imgeżwra f’korporali  li hu mar jaħbihom wara blata fuq muntanja, ‘il bogħod mill-post tal-battalja. Wara l-battalja l-armata tal-għadu kellha tirtira. Il-kmandanti Insara talbu  lill-qassis jekk jistax jagħtihom it-tqarbin bħala att ta’ radd il-ħajr lil Alla għar-rebħa tagħhom. Meta l-qassis ħadhom  fil-post fejn kien ħeba l-Ostji sabu l-korporali mxarrbin bid-Demm. Il-kmandanti interpretaw din il-ġrajja mirakuluża bħala sinjal kbir ta’ predestinazzjoni mingħand Alla. Huma rċevew l-Ewkaristija u l-qassis rabat il-korporali imċappas bid-Demm ma’ arblu biex jagħmluh bħala standard.  B’dan il-mod huma ħadu l-istandard fil-battalja kontra il-Mori u  kisbu mill-ġdid il-kastell ta’ Chio f’Luchente, li qabel kien ġie  mirbuħ mill-għadu. Il-kmandanti Nsara attribwew dir-rebħa tagħhom lill-Miraklu Ewkaristiku. Aktar tard inbniet knisja ddedikat lill-Madonna li fiha tpoġġew il-Korporali imċappas bid-demm, li fuqhom għadhom jidhru t-tbajja’ tad-Demm Mirakuluż ta’ Kristu, kif hu kkonsidrat mill-kleru u n-nies tal-lokal u għadu jiġi vvenerata sal-ġurnata tal-lum. Id-Demm fuq il-korporali ġie analizzat u ġie determinat li hu ta’ oriġini umana. Il-Miraklu ta’ Daroca ġie dokumentat uffiċjalment fis-sena 1340. Daroca hija d-dar ta’ Miraklu Ewkaristiku u hija wkoll is-sit tal-ewwel purċissjoni Ewkaristika fi Spanja, u forsi ukoll fid-dinja.

Il-ġrajja interessanti tal-bagħal: Meta l-battalja intemmet kien hemm xi nuqqas ta’ qbil dwar fejn għandhom immorru l-korporali sagri.Il-kmandanti Nsara kienu kollha minn reġjuni differenti ta’ Spanja, u kull wieħed minnhom ried li l-korporali sagri jmur fil-belt tagħhom biex jiġu onorati fil-Katidral tagħhom. Imma l-kwistjoni damet ma ġiet deċiża, sakemm fl-aħħar iddeċidew li ssir b’ċans, u għalhekk ftehmu li l-korporali sagri jitpoġġew fuq dahar ta’ bagħal Għarbi, li kien maqbud fil-battalja (il-bagħal qatt ma kien mar fuq art Spanjola qabel il-battalja) u jħalluh imur fejn irid hu, sakemm isib post fejn jieqaf – dak  ikun il-post magħżul minn Alla biex jibqgħu l-Korporali. Id-data kienet l-24 ta’ Frar 1239 meta l-bagħal ħalla l-għolja ta’ Codol u beda l-vjaġġ tiegħu, segwit minn suldati u qassisin iġorru xemgħat mixgħula. L-ewwel triq li ħa l-bagħal marret lejn Valencia, iżda qatt ma daħal fil-belt. Il-bagħal kompla triqtu lejn Calatayud għal Manizes,  Segorbe, Jerica u Teruel – iżda ma daħal fl-ebda waħda minn dawn l-bliet. Il-bagħla vvjaġġa għal aktar minn 200 mil fi tnax-il jum qabel għawweġ irkopptejh u waqa’ mejjet quddiem il-knisja ta’ San Marcos, fil-Belt ta’ Daroca.Hemm ħafna tradizzjonijiet u leġġendi madwar il-vjaġġ tal-bagħal lejn Daroca.Jingħad li matul il-vjaġġ ta’ tnax-il jum seħħew ħafna affarijiet mirakolużi – instemgħu l-anġli jkantaw, id-demonji ħallew erwieħ li kienu fil-pussess, u ħafna midinbin ġew konvertiti. M’hemm l-ebda dokumentazzjonijiet ta’ dawn l-avvenimenti, iżda huma tradizzjonijiet qawwija lokali. Hemm, iżda dokumentazzjonijiet tal-Miraklu Ewkaristiku, il-vjaġġ tal-bagħal u l-għażla divina ta’ Daroca bħala l-belt fejn il-korporali Sagri huma meqjuma. Isiru kull sena purċissjonijiet b’dan il-korporali u nies ta’ hemmhekk jieħdu sehem fihom bi ħġarhom b’akbar devozzjoni.  S’intendi mhux ta’ min jinjora din id-devozzjoni qaddisa  komunitarja!

Fl-1261 xi nies minn Daroca marru wkoll Ruma biex jinfurmaw lill-Papa Urbanu IV dwar dal-Miraklu. Dal-Papa kien dak li waqaf il-festa ta’ Corpus Christi, u hu maħsub li l-Papa aċċetta l-aħbar tal-Miraklu ta’ Daroca bħala sinjal mingħand Alla li din il-festa kellha tiġi imwaqqfa. Id-data li l-bagħal wasal f’Daroca kienet is-seba’ ta’ Marzu, li aktar tard kienet issir il-festa ta’ San Tumas ta’ Akwinu, difensur kbira tal-Ewkaristija. Fis-sena tal-Miraklu, 1239, San Tumas kellu biss 14-il sena. Wara mewtu, f’nofs is-seklu erbatax, ġie msemmi u  maħtur bħala l-Protettur tal-Miraklu Ewkaristiku ta’ Daroca.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Santa Klara,f’Assisi   

 Fis-sena 1240 truppi Saraċeni mmexxija minn Federiku II tas-Sweden, magħrufin għas-salvaġġiżmu u  krudeltà tagħhom invadew il-monasterju ta’ San Damjanu, fejn kienu joqogħdu Santa Klara u ħutha s-sorijiet. Is-Saraċeni  daħlu bil-forza  fil-monasteru u fil-klawsura tal-istess sorijiet. Santa Klara, għalkemm debboli u marida, imma mimlija fiduċja f’Ġesù Ewkaristiku b’kuraġġ kbir ħadet is-Santissimu Sagrament u ħarġet bih f’Ostensorju u żammitu għoli quddiem is-Saraċeni, talbet lil Alla biex jeħles il-ħajja ta’ ħutha s-sorijiet u jħares il-belt ta’ Assisi. Il-Mulej sema’ t-talb ħerqan tagħha u mill-ewwel is-Saraċeni, bħallikieku mkeċċija minn forza misterjuża, tbiegħdu mill-monasteru ta’ San Damjanu u telqu mill-belt ta’ Assisi mingħajr ma din il-belt ġarrbet xi ħsara.

Din l-istorja mill-ħajja ta’ Santa Klara, miktuba minn Tommaso da Celano, turina mhux biss id-devozzjoni kbira tagħha lejn l-Ewkaristija u l-fiduċja profonda tagħha fil-ħarsien tal-Mulej, imma turina wkoll il-qawwa tal-Ewkaristija Mqaddsa.

Il-Miraklu  ta’ Santarém, fil-Portugal 1247

F’manuskrittt tas-sena 1346 ikkummissjonat mir-Re Alfonso IV hemm ddokumentat dal-Miraklu Ewkaristiku li seħħ fis-16 ta’ Frar fl-1247, f’Santarém. Mara kienet imnikkta minħabba żewġha  li ma kienx leali lejha, u ddeċidiet li tikkonsulta saħħara.Din qaltilha li l-prezz tas-servizzi tagħha hu Ostja kkonsagrata. Kontra qalbha l-mara aċċettat li  tisraq l-Ewkaristija. Marret il-quddies fil-knisja ta’ San Stiefnu, irċeviet l-Ewkaristija Mqaddsa fuq ilsienha, neħħietha minn ħalqha u geżwritha fil-velu tagħha u marret lejn il-bieb tal-knisja.Iżda qabel ma ħarġet mill-Ostja beda ħiereg id-Demm. Tant beda ħiereġ demm li l-mara għamlitha ta’ birruħha li qatgħet idha. Diversi parruċċjani mħassba marru biex jgħinuha, iżda hekk kif laħquha hi ħarġet tiġri mill-knisja.Malli waslet id-dar poġġiet l-Ostja kkonsagrat imdemmija f’qiegħ ta’ bagoll antik fil-kamra tas-sodda tagħha. Kif kienet id-drawwa tiegħu, żewġha mar lura d-dar tard dakillejl. Matul il-lejl dawl qawwi misterjuż ħareġ mill-bagoll. Il-mara mbeżża’ stqarret kollox ma’ żewġha.Imbagħad it-tnejn niżlu għarkubbtejhom f’adorazzjoni u niedma ta’ għemilhom quddiem dal-Miraklu. L-għada filgħodu l-koppja qalu b’dak li ġara lill-kappilan li mar id-dar tagħhom biex jieħu lura s-Sagrament Imqaddes f’purċissjoni Solenni lejn il-knisja akkumpanjat minn ħafna nies. Kull sena minn mindu seħħ dal-Miraklu fit-Tieni Ħadd ta’ April  jiġi mfakkar dan il-Miraklu b’pellegrinaġġ.

Fis-sena 1684 id-dar tal-koppja saret kappella.  

Kemm il-Papa Piju IV, kif ukoll San Piju V, Piju VI u l-Papa Gregorju XIV taw indulġenzi plenarji għal devozzjonijiet  fir-rigward dal-Miraklu.  Għalkemm l-isem oriġinali tal-knisja kien dak ta’ San Stiefnu issa saret tissejjaħ il-Knisja tal-Miraklu.

Il-Miraklu Ta’ San Ġwann tal-Abbesses, Spanja 1251

Fis-sena 887, il-Konti Vifred waqqaf monasteru fir-reġjun Pirenej Tal-Katalunja, li madwaru żviluppa kważi immedjatament raħal, imsejjaħ anke llum San Ġwann tal-Abbesses ( San Juan tal-Abadesas). Hawnhekk hu ppreservat Kurċifiss b’Ostja kkonsagrata mdaħħla fi ġbin l-istatwa ta’ Ġesù Kristu miżmuma intatta sa mill-1251. F’din is-sena kienu saru xi xogħlijiet artistiċi fl-injam fil-knisja tal-Monasteru, li juru d-depożizzjoni ta’ Ġesù mis-Salib, bil-figuri ta’ Ġesù u Ommu Marija, Ġużeppi ta’ Arimatea, Nikodemu, San Ġwann id-dixxiplu, u ż-żewġ ħallelin. Dawn l-istatwi sbieħ, salvati mill-qerda tal-Gwerra Ċivili Spanjola tal-1936, joħolqu emozzjoni kbira f’ħafna nies minħabba l-espressjoni tagħhom. Ir-ras ta’ Kristu  b’mod speċjali hija tabiħaqq sabiħa u impressjonanti. Meta ġiet maħduma l-istatwa ta’ Kristu Msallab l-artist  naqqax ħofra żgħira tonda  ta’ madwar żewġ pulzieri u nofs dijametru fi ġbin ta’ Ġesù, bil-ħsieb li tinżamm fiha l-Ewkaristija. Eventwalment xi ħadd fl-1251 poġġa Ostja Kkonsagrata ġo din il-ħofra ċkejkna. Biż-żmien din l-azzjoni  ġiet minsija u l-Ewkaristija Imqaddsa baqgħet hemmhekk.

Madanakollu, fis-sena 1426, waqt li kien qiegħed isir xi xogħol ta’ restawrar tal-istatwi, ġiet skoperta l-ħofra  fi ġbin ta’ Ġesù Kurċifiss, issiġilata bi plakka żgħira tal-fidda. Ġewwa, imgeżwra bi drapp abjad tal-għażel instabet l-Ostja Kkonsagrata fl-1251 totalment  intatta. Minn dak in-nhar dik l-Ostja magħrufa bħala “Il-Misterju l-aktar Qaddis ta’ San Ġwann tal-Abbesses” tiġi invistata  u adorata minn bosta pellegrin.

Il-Miraklu ta’ Douai fi Franza

Fil-Jum l-Għid 1254 fil-Knisja ta’ Sant’Amato f’Douai. saċerdot waqt li kien qiegħed iqarben bla ebda ħsieb  Ostja kkonsagrata waqgħet  fl-art. Minnufih is-saċerdot tbaxxa biex jiġbor l-Ewkaristija mill-art iżda l-Ewkaristija b’mod Mirakuluż waħeda għolliet mill-art u marret fuq il-purifikatur. Ftit wara hemmhekk ukoll b’mod misterjuż Tarbija Sabiħa dehret b’mod li n-nies kollha setgħu jarawha u jaduraha. Għalkemm għaddew aktar minn 800 sena minn dal-Miraklu Ewkaristiku anke llum għadu possibbli li wieħed jammira u jadura din l-Ostja tal-Miraklu.  Il-Ħamisijiet kollha tax-xahar fil-knisja ta’ Sant’ Anton ta’  Douai jinġabru ħafna nies għat-talb u l-Adorazzjoni.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading