It-teżor ta’ Margerita

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 24 ta’ Lulju 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ Santa Margerita. Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Sannat.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-santa-margerita-sannat-il-hadd-24-ta-lulju-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Naħseb li lkoll kemm aħna nħobbuha lil Santa Margerita. Xi tgħidu? … Tgħid kieku jkollok tifla ta’ 15-il sena kif kienet hi, bħalma ħafna minnkom għandkom, tkun tixtieqha bħal Santa Margerita?

Allura ngħid jien il-Festa x’sens tagħmel? Jekk qed nagħmlu Festa lil Santa Margerita, imma ma nixtiqux – jew ħa nkunu aktar ottimisti: kważi ma nixtiqux – li l-adolexxenti tagħna jkunu bħalha, mela l-Festa għalfejn qed nagħmluha? Naħseb li hija domanda serja! Biex ma nibqgħux nilagħbu. Għax il-ħajja tagħna ħafna drabi tispiċċa reċta kontinwa. Jistax ikun li aħna lkoll għadna nħaffru fl-għalqa, ħsiebna biex niżirgħu u nħawlu, u għadna ma ndunajniex li fl-għalqa hemm teżor? Jistax ikun li aħna wkoll, bħal dak ir-raġel tal-Vanġelu, għandna xi ftit ħaġar prezzjuż, u allura kuntenti bih, u m’hemmx għalfejn infittxu l-aktar ħaġra prezzjuża, il-margerita!

Is-sena l-oħra, jekk tiftakru, konna tkellimna fuq il-margerita, fuq il-perla. Jistax ikun li din il-perla aħna ngħaddu mingħajrha! Il-Vanġelu tal-lum (Mt 13:44-52) jagħmlilna ħafna kuraġġ, għax Ġesù, li kien raġel b’saqajh mal-art, jispiċċa dawn it-tliet parabboli tal-lum b’parabbola importanti ħafna. Jgħidilna li s-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil xibka mitfugħa l-baħar, li fiha tiġbor… interessanti, għax il-Vanġelu ma jgħidx ħut tajjeb u ħażin, imma San Mattew joqgħod attent biex jgħid li tiġbor fiha t-tajjeb u l-ħażin. U dan it-tajjeb u l-ħażin mhux qiegħed wieħed fuq naħa u l-ieħor fuq oħra, imma qiegħed kollu f’moħħna, f’kull wieħed u f’kull waħda minna. U Ġesù, li jirrispetta l-persuna tagħna, jixtieqna nfittxu l-perla, il-margerita li hemm fina, dik ix-xi ħaġa sabiħa li kull wieħed u kull waħda minna għandu, u li tisbieħ, li ssib il-qofol tagħha, li tirrealizza lilha nfisha, li tkun tassew ġawhra meta tiltaqa’ mal-Vanġelu ta’ Ġesù, meta tiltaqa’ mal-Kelma ta’ Ġesù! It-tajjeb li hemm fik, it-tajjeb li hemm fija, it-tajjeb li hemm f’kull wieħed u f’kull waħda minna, jista’ jikber u jitwessa’, u bil-mod il-mod jiddissolvi, jherri, iwarrab fil-ġenb il-ħażin fina, meta t-tajjeb li hemm fina jiltaqa’ mal-kelma ta’ Ġesù.

U bir-raġun li forsi aħna m’aħniex konvinti illi l-istorja ta’ Santa Margerita hija l-ideal tal-ħajja tal-bniedem, għall-ħajja tal-adolexxenti tigħek! Għax ilkoll kemm aħna għadna nitħabtu u nfittxu biex niskopru s-sabiħ tat-teżor u s-sabiħ ta’ din il-perla.

Ħa nitilqu bil-maqlub u nippruvaw nirriflettu ftit fuq kemm nagħżqu l-għalqa u nduru mat-teżor u ma nagħtux kasu t-teżor. Fil-ħajja tagħna ħsiebna biex naħdmu u nistinkaw. Għaliex? Eħ, għax l-għalqa trid taħdimha, trid tistinka biex tagħmel il-frott! Ħa nirriflettu ftit fuq kemm ħsiebna biex niffukaw fuq il-ġawhar, kbir jew żgħir li għandna – id-deheb, il-kontijiet tal-bank, is-suċċess, il-popolarità tiegħek, il-pożizzjoni tiegħek – u kemm minħabba f’hekk m’aħniex nagħtu kas tal-perla, tal-margerita, tal-aktar ħaġa importanti fil-ħajja tagħna. U dan mhux biss aħna, imma b’xorti ħażina qegħdin ngħadduh liż-żgħar tagħna. Aħna ngergru għaż-żgħar tagħna, imma m’għandniex għalfejn. Għax id-dinja taż-żgħar tagħna min għamilha, min ivvintaha? Min tahielhom din id-dinja? Mhux jien? Mhux int? Mhux aħna? Mhux aħna qed ngħallmuhom illi fid-dinja t-tbatija ma teżistix? Mhux aħna qed ngħallumhom illi fid-dinja, jekk jista’ jkun, aktar ma ġġib u tiggwadanja malajr, mingħajr ma taħdem, aħjar? Mhux aħna qegħdin ngħallmuhulhom dan?

Jien nista’ nsemmi elf eżempju. Wieħed raġel tal-familja qalli: ‘Isma’, it-tifla tiegħi ma tridx tmur għax-xogħol. Dejjem tieħu l-leave u s-sick leave’. Qed igerger dan! Imbagħad aħna u nitkellmu niskopri li dan imur għax-xogħol fis-7.00am u fit-8.30am ikun id-dar. Inti x’tippretendi mit-tifla tiegħek, x’tistenna mit-tifla tiegħek, li ħa tkun aħjar minnek? Mhux int qed tgħaddilha l-mentalità? Imma aħna kuntenti meta nagħmlu hekk? Hawn xi ħadd minna li hu fil-fond ta’ qalbu kuntent u jgħid: ‘Jien qiegħed sew, fil-paċi verament’, qabel ma jsib lit-teżor ta’ veru, lil Ġesù Kristu? Jew inkella qegħdin nikkuntentaw irwieħna bil-ħmerijiet, bl-affarijiet li jgħaddu?

Is-sinjal li jien qed nikkuntenta ruħi b’dak li jgħaddi tafu liema hu? Li rrid dejjem iżjed. U nispiċċa f’ġirja li taqtagħli nifsi. Araw iż-żgħażagħ! Għax daħħalniehom ukoll f’din il-mentalità. Mhux biżżejjed il-Ġimgħa filgħaxija, is-Sibt, imma matul il-ġimgħa wkoll irridu naraw kif ser nagħmlu biex niddevertu, niddevertu, niddevertu. Il-psikologi jgħidulna xi ħaġa interessanti, li nixtieq ngħaddilkom dalgħodu għax hija verità, kif qal San Mattew fil-Vanġelu. Innutajtu kif jispiċċa l-Vanġelu, kemm hu sabiħ? Jgħid li d-dixxiplu għaqli tas-Saltna jieħu mill-għerf il-qadim u mill-għerf il-ġdid (v. 52). Il-bniedem tas-Saltna, li jimxi wara Kristu, kapaċi jieħu mit-tajjeb – jiġi minn fejn jiġi – mill-għerf il-qadim u mill-għerf il-ġdid. B’xorti ħażina, ħafna drabi aħna jiġrilna li l-għerf il-qadim ta’ missirijietna warrabnieh, tfajnieh fil-ġenb. Insemmuh, iva, b’nostalġija, imma mbagħad… Imma isimgħu x’tgħid il-psikoloġija: meta int u jien u ż-żgħar tagħna kull xewqa li jkollhom jippruvaw jaqtgħuha mill-ewwel, f’din id-dinja li qed ngħixu fiha tiġri xi ħaġa gravi ħafna: il-bniedem jiftaqar fix-xewqat tiegħu, imma mhux biss, jiftaqar fis-sens ta’ ferħ u ta’ pjaċir tiegħu.

Ħa nġibilkom eżempju sempliċi. Jekk jien quddiem bott birra jew quddiem ftit trab m’iniex kapaċi ngħid: ‘Ħa nieqaf u nżomm il-brejkijiet’, imma kull ħaġa li nara tiġbidni u nagħmilha, x’jiġri? Dak il-ħin nieħu gost li jieqaf hemmhekk, imma bil-mod il-mod mingħajr ma ninduna jien qiegħed noqtol ġo fija l-kapaċità li nixtieq. U meta toqtol ġo fik il-kapaċità li tixtieq, x’jibqa’? Ħaġa waħda biss: li ttemm ħajtek. Meta toqtol il-kapaċità li tixtieq, ħaġa waħda biss tibqa’: li ttemm ħajtek; dik li ngħidulha dipressjoni. Ma tibqax tixtieq. Imma din qegħdin inġibuha ħafna drabi b’idejna. Santa Margerita, dik it-tfajla ta’ Antjokja, sabet mara Nisranija li kienet kapaċi tedukaha. L-istorja tagħha hi l-istorja tagħna llum. Aħna wkoll bħal dik il-mara għandna ż-żgħar x’nedukaw u x’niffurmaw. U bħal Santa Margerita, min hu żgħir u żagħżugħ, għandu jkollu nies bħal dik il-mara lejn min iħares u minn min jisma’ biex tagħtih l-aħjar pariri biex jikber umanament u spiritwalment kif għandu jikber.

Ħa nġibilkom eżempju ieħor, biex niftiehmu dejjem aktar. Jekk aħna fil-ħajja tagħna kull bżonn li jkollna, kull xewqa li għandna, irridu naqtgħuha, tiġrilna xi ħaġa gravi ħafna. Għax mhux biss indgħajfu l-kapaċità li nixtiequ, imma ndgħafju wkoll kapaċità oħra importanti: dik tal-frustrazzjoni… il-kapaċità li naffaċċjaw sitwazzjonijiet li ma jogħġbuniex. Jekk jien, meta ibni kull ħaġa li jitlobni, nagħtihielu… U tgħidli: ‘Imma jekk ma nagħtihilux, dan ser jibda jgħajjat u jibqa’ jgħajjat, imbagħad nagħtihielu u jieqaf’. Żomm, żomm, bil-mod. Dak jgħajjat għax jaf, għax int għallimtu u darrejtu illi jekk jgħajjat, ser tagħtihielu. Jekk jgħajjat u ma tagħtihilux, ma jibqax jgħajjat. Allura meta jien lil ibni tajtu kulma jixtieq jew kulma tixtieq, inkun dgħajjiftlu l-kapaċità li jixtieq fil-ħajja u fit-tul, li jifraħ tassew, meta bil-mod il-mod, bis-sagrifiċċji kbar jew żgħar li jagħmel, jakkwista xi ħaġa.

Ħafna mill-adolexxenti rċivew ir-riżultati tal-eżamijiet dan l-aħħar. Għax tkun kuntent b’riżultat, sintendi jekk tgħaddi? Għax bil-mod il-mod tkun għamilt sagrifiċċju, wieħed wara l-ieħor. Ma ssodisfajtx kontinwament il-bżonn tal-pjaċir ta’ dak il-mument. Kieku int issodisfajt il-bżonn tal-pjaċir ta’ dak il-ħin, li toħroġ mal-ħbieb, jew li toqgħod tilgħab fuq il-playstation, jew bil-mowbajl, jew bit-tablet, kont tieħu pjaċir tilgħab, imma l-ferħ u l-pjaċir li ġie wara meta int iggwadanjajt xi ħaġa, akkwistajt xi ħaġa b’sagrifiċċju, kien wisq aktar u wisq aqwa minn dak li kieku int kont tesperjenza kieku qgħadt tilgħab bil-mowbajl, bit-tablet u l-bqija. Araw kif ir-realtà hija l-verità li tgħallimna.

Dan hu t-teżor illi aħna, bħal Santa Margerita, irridu nfittxu u nibqgħu nfittxu, u ma neħlux fl-isturdament u fil-pjaċir tal-mument; għax dan li qed jiġrilna, sirna kollha adolexxenti. L-adolexxent ma jippjanax, ma jħarisx ’il quddiem, jgħix il-mument preżenti. Meta jibda jippjana, kultant iħossu fuq nett, fuq il-quċċata tad-dinja, u kultant iħossu l-aħħar wieħed, fit-tarf. Meta aħna nippruvaw bil-mod il-mod inkomplu nfittxu t-teżor veru, dak li tassew jimla l-qalb tagħna, meta aħna niltaqgħu mal-persuna ta’ Ġesù, meta niltaqgħu mal-Vanġelu, mal-Kelma tiegħu, aħna mbagħad nistgħu ngħidu tassew: ‘Qalbi strieħet. Jien inħossni tassew f’posti. Jien inħossni sewwa’.

X’taħsbu intom li kienet il-qawwa li kellha Santa Margerita biex taffaċċja l-persekuzzjoni u t-torturi li ġarrbet? Minn fejn ġabitha din il-qawwa? Ibqgħu ċerti li din ġabitha mill-Kelma ta’ Alla u mill-Ewkaristija. Aħna ngħidu: ‘Le, kieku lit-tfal tagħna ma rriduhomx jgħaddu minn fejn għaddiet Santa Margerita’. Noqogħdu naqra attenti, għax aħna ħafna drabi ngħixu fl-illużjoni. Forsi m’aħniex ser ngħaddu mill-martirju li għaddiet hi, imma kemm minna jgħaddu mill-martirju tal-mard! Mhux martirju bħal tagħha? Kemm minna jgħaddu mil-martirju ta’ nuqqas jew tifrik jew tbatija f’relazzjonijiet! Kemm minna jgħaddu mill-vojt u mid-diffikultà tat-telfa ta’ xi ħadd għażiż! Nistgħu naħarbuhom u nevitawhom dawn? Huma parti mill-esperjenza umana. Tista’ tgħixhom ta’ 15-il sena jew tista’ tgħixhom ta’ 90 sena. Huma l-esperjenza umana! U allura dak li irridu nitgħallmu, ikollna nitgħallmuh kważi kważi bilfors. Tgħallimhulna bilfors il-ħajja!

Kieku jkolli jien nitkellem ma’ persuna fuq is-sodda tal-mewt, li għadha f’sensiha, li għandha ftit sens komun, u nibda niddjaloga magħha, x’joħroġ minn kliemha? Toħroġ ħaġa waħda: il-Vanġelu… bil-mod tagħha. Ippruvaw ftakru ftit: ‘Tiġġildux! Ftiehmu bejnitkom! Aħfru lil xulxin! Tiġġildux fuq il-wirt! Tinsewx lil Alla!’. Tismagħha: ‘Żbaljajt. Inqast hemmhekk. Aħfruli hemmhekk’. Jibda ħiereġ minn fomm din il-persuna l-Vanġelu! Nistgħu ngħixu r-rikkezza u l-kobor ta’ dak il-mument mil-lum, jekk aħna dik il-Kelma tal-Vanġelu mhux biss niġu hawnhekk u nisimgħuha l-Ħadd, imma nipprovaw inpoġġuha fil-prattika fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

U nixtieq ngħid kelma oħra. Illum hemm il-mit illi jekk il-missier u l-omm infirdu, jekk ġrat xi ħaġa fil-familja, inqalgħet marda tal-omm u t-tfal għadhom żgħar, jekk ġrat xi ħaġa kerha, dawn it-tfal ser jispiċċaw ħażin. B’xorti ħażina hemm dan il-mit. U nibdew minn meta għadhom żgħar niddiriġuhom f’dik il-linja, billi nagħtuhom LSE sa minn meta għadhom żgħar. Nagħtuhom l-assistenza, l-appoġġ, għax dak miskin… U nwaħħallu tikketta wara dahru, għadu ta’ sentejn, u jibqa’ tiela’ biha ħajtu kollha. Noqogħdu ftit attenti.

Santa Margerita kienet tfajla li ġiet minn familja mkissra. Qatt irriflettejtu fuqha din? Dik it-tfajla ġiet minn familja mkissra! Missierha qassis tal-allat pagani, kien jobgħodha. Ommha ħallietha ċkejkna. Spiċċat imkeċċija barra mid-dar għand mara oħra. Mhix sitwazzjoni simili għal tagħna? Imma dik it-tfajla s-sitwazzjoni tagħha mhux talli ma ddevjathiex, talli mmaturatha u għamlitha adulta aktar minna kollha kemm aħna, tant illi t-teżor tagħha sabitu. Aħna għadna nfittxuh. Tant illi meta għidtilkom li nixtiequ illi l-adolexxenti tagħna jkunu bħalha, kollha kemm aħna, l-ewwel wieħed jien, bqajna b’ħalqna magħluq. Dik it-teżor sabitu qabli u qablek!

Nixtieq inħeġġiġkom: issa s-sajf, u l-pastorali tieqaf hawn. Il-ħidma fil-parroċċi tieqaf hawn. Imma nixtieq li, jekk Alla jrid, minn Settembru, Ottubru li ġej, meta nerġgħu nibdew, ilkoll kemm aħna, l-Insara kollha tad-Djoċesi – m’hemmx saċerdoti u isqof u nies – ilkoll kemm aħna nagħmlu sforz ta’ veru biex infittxu t-teżor, niltaqgħu mal-persuna ta’ Ġesù fil-Kelma tiegħu. Jiena niggarantilkom li aktar ma niskopru l-Kelma ta’ Ġesù, il-Kelma ta’ Alla, aktar nindunaw li ħajjitna tagħmel sens, aktar nindunaw kemm hu worth it tgħix. U jiġrilna bħal dawk in-nies tal-Vanġelu. Ara taħsbu li dak ir-raġel tal-parabbola tal-Vanġelu li sab it-teżor, mar biegħ kulma kellu b’geddum sal-art! Il-Vanġelu jgħidilna “kollu ferħan” (v. 44). Ifisser li beda jinduna li dak it-teżor hu ħafna aqwa, ħafna akbar minn dak kollu li seta’ jkollu. Ara taħsbu li dak in-negozjant li mar jixtri dik il-perla tiswa ħafna (v. 45), meta ġie biex ibigħ il-ħaġar prezzjuż kollu li kellu, qata’ xi biċċa minnu jew bata xi tbatija kbira. Le, kien jaf li qed jinnegozja fis-sod.

U jalla kull wieħed u kull waħda minna, bħal Santa Margerita li qegħdin niċċelebraw, nidħlu f’din it-tfittxija, f’din il-mixja ta’ veru, ma nikkuntentawx ruħna b’dak li għandna. Aħna msejħin għal affarijiet wisq akbar, għal ferħ wisq akbar, li nistgħu niltaqgħu miegħu u niskopruh fil-milja tiegħu biss meta jkollna kuntatt aktar mill-qrib mal-Kelma ta’ Alla.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading