Ġwanni Pawlu II f’Viżta Pastorali f’Bologna u Emilia Romagna

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI F’BOLOGNA U FL-EMILIA ROMAGNA
QUDDIES FIL-PJAZZA VIII AGOSTO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bologna, 18 ta’ April 1982

1. “Din hija r-reebħa li għelbet lid-dinja: il-fidi tagħna” (1 Ġw 5, 4).

Fl-liturġija tal-Ottava tal-Għid tallum ikellimna fuq kollox l-Evanġelista Ġwanni, appostlu u xhud. Xhud okulari tal-Irxoxt.

U tiegħu huwa l-kliem ippronunzjat fil-bidu rigward il-fidi bħala rebħa li tegħleb lid-dinja.

Waqt li nirriflettu attentament dwar ir-rabta tat-testi liturġiċi ta’ dan il-Ħadd, nistgħu nerġgħu insibu għalina bħal “arranġament” ta’ dan il-kliem, qawwi u deċiżiv.

2. Hawn hu, Ġwanni, bħall-appostli kollha, parteċipi fil- ġrajjiet paskwali li seħħew f’Ġerusalem bejn Ħamis ix-Xirka u l-jum “ta’ wara s-Sibt”. Huwa hu xhud okulari tal-mewt ta’ Kristu: l-uniku fost l-Appostli li sab ruħu maġemb Omm Ġesù, flimkien ma’ xi nisa oħra taċ-ċirku tal-Imgħallem. Huwa xhud tal-mewt u tad-difna.

Huwa hu wkoll wieħed mill-ewwel xhieda tal-qabar vojt. Meta Marija Maddalena ġriet biex tagħti l-aħbar lill-Appostli, hu, ma’ Pietru, mar l-ewwel wieħed ħdejn il-qabar. U allura jikteb: “U ra u emmen” (Gv 20, 8), waqt li minnufih iżid: “Infatti kien għadna ma fhimniex l-Iskrittura, li hu jiġifieri kellu jqum mill-imwiet” (Ġw 20, 9).

Huwa jaf dwar il-qawmien mill-imwiet mhux biss mill-Iskrittura, imma wkoll mid-dehra diretta. Kien xhud okulari. Jum wieħed kellu jikteb fl-ewwel ittra tiegħu dwar dak li l-Appostli, hu inkluż, kienu semgħu, kienu raw b’għajnejhom, kienu kkuntemplaw u kienu missew b’idejhom (1 Ġw 1, 1).

3. Ġwanni, imbagħad, huwa xhud tal-ewwel miġja ta’ Kristu fost l-Appostli wara l-qawmien mill-imwiet.

B’dan il-mod ix-xbiha, li huwa jġorr f’moħħu, hija sħiħa. Waqt li nirreferu għas-Salm tal-liturġija tallum, jistà jirreferi għal Kristu l-kliem: “Imbuttawni bil-qawwi biex iwaqqgħuni, / imma l-Mulej kien l-għajnuna tiegħi” (Sal 117 [118], 13).

Ġwanni kien xhud ta’ dan il-fatt u l-ieħor: u mill-waqt li fih l-Imgħallem tiegħu kien “imbuttat bil-qawwi” fl-abbiss tal-mewt, u, wara, fil-waqt li fih “il-Mulej kien l-għajnuna tiegħu” permezz tal-“qawmien mill-imwiet”, Il-misteru kollu tal-Għid seħħ taħt għajnejn Ġwanni, Appostlu u Evanġelista.

Il-Misteru tal-Għid irrivela ruħu lil għajnejh bħala “r-rebħa li għelbet lid-dinja”.

Għelbet lid-dinja bir-realtà oġġettiva tagħha.

U reġgħet ġabet ir-rebħa wkoll fl-intelletti u fil-qlub tal-bnedmin. L-ewwel ta’ dawk l-iktar qribu, li – wkoll bħalu – “ma kinux… fehmu l-iskrittura”, jiġifieri dak kollu li fit-Testment il-Qadim kien ħabbar bil-quddiem il-qawmien mill-imwiet. L-elokwenza tal-mewt ta’ Kristu – fuq kollox ta’ dik il-mewt terribbli fuq is-salib – kienet hekk wkoll skjaċċanti, hekk umanament “konvinċenti” u unika, li tirrendi lilhom diffiċli li jaċċettaw din ir-realtà ġdida u bla preċedent: l-ewwel il-qabar vojt, u mbagħad Kristu fost il-ħajjin, “inter mortuos Vivens”.

4. Ġwanni kien xhud tal-ewwel miġja tal-Irxoxt fiċ-Ċenaklu, “filgħaxija ta’ dak l-istess jum, l-ewwel wieħed wara s-Sibt”. Kien ukoll xhud tan-nuqqas ta’ twemmin ta’ Tumas. Tumas ma kienx mal-Appostli fiċ-Ċenaklu fl-ewwel għaxija. Meta l-oħrajn qalulu: “Rajna l-Mulej!” (Ġw 20, 25), irrejaġixxa b’mod aktarx sinifikattiv. Hawn hu l-kliem magħruf tiegħu: “Jekk ma narax f’idejh is-sinjali tal-imsiemer u ma ndaħħalx sebgħi fit-toqob tal-imsiemer, u nqiegħed idi fil-kustat tiegħu, ma nemminx” (Ġw 20, 25).

Tmint ijiem wara, Ġwanni kien xhud tal-ġrajja li ġiet deskritta minnu b’mod tassew dettaljat. Kristu reġà ġie għal darb’oħra fiċ-Ċenaklu bil-bibien magħluqin, u, wara li sellem lill-Appostli, dar b’mod dirett lejn Tumas. Dar lejh bħal donnu kien jaf bir-rejazzoni tiegħu ta’ tmint ijiem qabel u bħallikieku kien semà l-kliem li dakinhar kien ippronunzja Tumas. “Qiegħed” qallu Ġesù, “sebgħek u ħares lejn idejja, oħroġ idek, qiegħda fil-kustat tiegħi; u tibqax dubjuż imma emmen!” (Ġw 20, 27).

Ġwanni ra dan kollu b’għajnejh stess. U semà b’widnejh ukoll it-tweġiba ta’ Tumas: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20, 28), stqarrija ta’ fidi fid-Divinità ta’ Kristu, li hija forsi iktar minn dik ta’ Ċesarija ta’ Filippu!

U fl-aħħarnett il-kliem tal-Mulej: “Għaliex rajtni, emmint: Imberkin dawk li minkejja li ma jkunux raw jemmnu!” (Ġw 20, 29).

Propju a bażi ta’ tali esperjenzi, Ġwanni kellu jiskopri l-ħsibijiet u l-kliem, miktubin imbagħad fl-ewwel ittra tiegħu: “Din hija r-rebħa li għelbet lid-dinja: il-fidi tagħna”, Tali tidher li hi l-ewwel “Ġenaloġija” ta’ dan il-kliem ta’ Ġwanni, Appostlu u Evanġelista, li nerġgħu naqraw fil-Liturġija tallum.

5. “Dak kollu li twieled minn Alla jirbaħ id-dinja; u din hija r-rebħa li għelbet id-dinja: il-fidi tagħna. U min li jirbaħ id-dinja jekk mhux min jemmen li Kristu huwa l-Iben ta’ Alla?” (1 Ġw 5, 4-5).

Il-bnieden kontemporanju jistà jasal li jistaqsi lilu nnifsu: Huwa tassew meħtieġ li negħleb lid-dinja? Din mhix biss u b’mod esklussiv li “nissistemaw id-dinja”, u “biex nissistemaw ruħna fid-dinja”?

Jistà jkun li l-bniedem kontemporanju ma jagħmilx lilu nnifsu din il-mistoqsija? Iva, huwa hekk jaħseb. Anzi din il-mistoqsija jqisha fundamentali u definittiva. Ejjew mela nagħmluha aħna issa stess, biex naraw kemm jasal ‘il bogħod is-sens ġust tagħha.

Meta wieħed iqis li l-Ħallieq qal lill-esseri uman, raġel u mara : Aħkmu l-art (cf. Ġen 1, 28), allura, bla ebda dubju, id-dmir tal-bniedem u tan-nisrani huwa li “jissistemizza d-dinja”.

It-tagħlim tal-aħħar Konċilju huwa mimli ħsibijiet awtentikament insara għal dan il-għan.

Fil-liturġija tallum ukoll, l-ewwel qari, meħud mill-Atti tal-Appostli, jurina kif l-ewwel ġenerazzjoni tad-dixxipli ta’ Kristu diġa f’Ġerusalem, kellhom kristjanament f’moħħhom li “jissistemaw ruħhom fid-dinja”: “Ħadd minnhom ma kien isejjaħ propjetà tiegħu dak li kien tiegħu, imma kull ħaġa kienet komuni bejniethom…

Ħadd monnhom infatti ma kien fil-bżonn. Għaliex dawk li kienu jippossiedu għelieqi u djar kien jbigħuhom, u dak li kienu jdaħħlu minn dak li kienu jbigħu kienu jiddisponu minnu f’riġlejn l-Appostli; u mbagħad kien jiġi mqassam lil kull wieħed u waħda skont il-bżonn” (At 4, 32.34-35).

B’dan il-mod kienu jfittxu li “jissistemaw lid-dinja tagħhom” dawk, li f’nofshom l-Appostli stess b’qawwa kbira “kienu jirrendu xhieda tal-qawmien mill-imwiet tal-Mulej Ġesù u kollha kienu jgawdu minn stima kbira” (At 4, 33).

Huwa magħruf li minn żminijiet remot ħafna, tibqà fil-Knisja l-konvinzjoni soda dwar id-destinazzjoni tal-ġid materjali għall-“utilità komuni”, dwar  is-subordinazzjoni tagħhom għall-ġid komuni: argument, li dejjem, imma b’mod speċjali fl-aħħar seklu, reġà feġġ b’mod tant vitali.

U huwa wkoll magħruf, per eżempju mill-ittri ta’ San Pawl, kif kien apprezzat u kif kien meqjus ix-xogħol. L-istess ħaġa tgħodd fejn kien jidħol iż-żwieġ, il-ħajja familjari. Huma kollha elementi umani, li jistu jkunu meqjusa bħala tweġiba konkreta għall-mistoqsija dwar kif “tiġi ssistimizzata d-dinja” u dwar kif “tissistemizza ruħha l-ħajja umana fid-dinja”.

6. F’tali kondizzjonijiet, l-ewwel l-Appostli u mbagħad is-suċċessuri tagħhom, minn ġenerazzjoni għal oħra, bla jaqtgħu u “b’qawwa kbira rrendew xhieda tal-qawmien mill-imwiet tal-Mulej Ġesù”; xhieda li, fl-istess ħin, ma taqtax li tkun sfida li takkumpanja r-rebħa li tegħleb lid-dinja (cf. 1 Ġw 5, 4).

Din ir-rebħa hija xi ħaġa iktar minn “sistemazzjoni tad-dinja”, jiġifierli taċċettaha bħala ġid li ħarġet minn idejn il-Ħallieq, li kienet ikkonfermata u mill-ġdid mogħtija lill-bniedem minn Dak li ħabb u “feda d-dinja”.

Il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu – u l-fidi mnissla minnu, kif jikteb b’mod meraviljuż l-Appostlu Ġwanni – kien fl-istess ħin l-konferma li l-bniedem ma jistax jirriduċi ruhu biss biex “jissistemizza ħajtu fid-dinja”.

Il-bniedem ma jistax jikkunsinna għal kollox u b’mod definittiv lilu nnifsu u l-essenza propja tiegħu lid-dinja, ukoll jekk iqis li, meta jagħmel hekk, huwa jerġa jikseb lilu nnifsu b’mod esklussiv u pussess sħiħ. Din hija illużjoni kbira tal-ħsieb mataerjalistiku kontemporanju.

Infatti d-dinja, fl-aħħar minn l-aħħar, tittradixxi l-bniedem. Ma teżisti fl-aħħar minn l-aħħar ebda kelma oħra għall-esseri uman, jekk mhux biss il-kelma “mewt” – ir-realtà tal-mewt.

Ir-realtà tal-mewt hija tema kbira tal-eżistenza umana, Hija waħda minn dawk it-temi-muftieħ, li bihom ninħtieġu niftħu l-enigma tal-essenza tal-bniedem. Xi orejentamenti tal-ħsieb kontemporanju, mhux neċessarjament insara, isibu mill-ġdid dan il-muftieħ.

U wkoll kull wieħed u waħda minna nsibuha mill-ġdid kuljum u dejjem mill-ġdid, ukoll jekk mhux dejjem jagħraf li din hija wkoll jl-muftieħ tal-għerf: il-muftieħ tal-mistoqsija dwar il-bniedem, dwar l-essenza stess tal-bniedem u tad-dinjità tiegħu.

Kultant il-mewt tiġi għalina bħal konfużjoni kbira. Hekk, per eżempju, seħħ f’din il-Belt, kważi sentejn ilu jew iktar, meta jdejn assassini splodew ġemb tal-istazzjon ferrovjarju u preċedentement, ikkawżaw l-istraġi tal-ferrovija “Italicus”, biex ma nsemmux dik iktar qabel ta’ Marzabotto. F’tali każijiet inħossuna mħawda, nitkellmu dwar katastrofi, dramm kbir . . . u dan ġustament. Huwa hekk. L-element essenzjali tad-drammatiċità tal-eżistenza umana fid-dinja hija l-mewt.

F’dan il-kaz, jew b’mod ieħor, id-dinja tieqaf li tkun id-dimensjoni adegwata tal-eżistenza umana. Il-bniedem jinqatà minnha. Id-dinja, id-dinja viżibbli, tobżqu minn fuq wiċċha. Wieħed jistà jgħid: “tikseb fuqu, fuq il-bniedem, ir-rebħa tagħha”. Jekk inhu minnu li l-esseri uman jappartieni għal kollox lid-dinja, f’dak il-każ id-dinja, permezz tal-mewt, tissomettih kompletament għaliha, terġà tikseb fuqu r-rebħa tagħha.

Jistà, mela, dan iseħħ biss mill-fatt li l-bniedem “jissistema ruħu fid-dinja?”

7. Meta l-Appostlu u Evanġelista Ġwanni jikteb: “Ir-rebħa li għelbet lid-dinja: il-fidi tagħna” (1 Ġw 5, 4), isostni b’dan il-kliem li l-esseri uman ma jappartinix għal kollox lid-dinja: jappartieni lil Alla. Il-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu irrikonfermat din il-verità fundamentali dwar il-bniedem. Kienu meħtieġa l-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù sabiex il-bniedem jagħraf is-sens definittiv tat-traxxendenza tiegħu. Sabiex jifhem li għandu “jissistemizza d-dinja” u jistà wkoll (u għandu) “jissistema ruħu fid-dinja”, mingħajr iżda ma jagħtiha għal kollox l-essenza propja tiegħu. Mingħajr ma jabbandunalha lilu nnifsu. Il-bniedem jistà jafda lilu nnifsu biss lil Alla.

Bħalma għamel Ġesù Kristu.

Il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu huma sfida li ma taqtà xejn għall-bniedem fl-essenza umana tiegħu, fl-umanità tiegħu. U fir-rapport tiegħu mad-dinja, fl-istil tal-ħajja tiegħu.

Kif qegħdin tgħixu intom, għeżież ħuti? Ix-xefaq ta’ ħajjitna ma jingħalaqx biss fix-xewqa li “nissistimaw ruħna fid-dinja? Ma nagħtux għalli jistà jkun kompletament lil din id-dinja l-essenza umana tagħna?

Il-mewt ta’ kull bniedem hija sfida għall-oħrajn. Il-mewt vjolenti ta’ tant ħutna, li mietu minħabba l-isplużjoni fl-istazzjon ta’ Bologna, kien sfida għall-belt kollha, għas-soċjetà Taljana, għall-oħrajn . . .

U l-mewt ta’ Kristu, flimkien mal-qawmien mill-imwiet tiegħu, hija sfida u fl-istess ħin sejħa.

Hawn hi, ir-“rebħa li tegħleb lid-dinja”.

8. Il-kristjaniżmu mhuwiex “kollezzjoni tal-mużew”. Ma jistax jitqies bħala tradizzjoni tollerabbli li kultant ma jevitax li “nissistemaw ruħna f’din id-dinja”. Mhuwiex, mhuwiex affattu!

Għall-kuntrarju huwa realtà kbira: huwa r-realtà ta’ Ġesù Kristu għal kull bniedem. Huwa r-realtà li tmiss dejjem u b’mod kontinwu l-problema tal-bniedem. Tmissu propju fil-punt, li bosta iżda jevitaw. Is-sistemi tal-ħsieb u l-ideoloġiji jaħarbuh b’mod sistematiku, waqt li fl-istess ħin jasserixxu li jirrapreżentaw il-progress.

U Ġesù Kristu, kontinwament – permezz tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu –, iqiegħed quddiem il-bniedem u l-umanità l-problema tar-“rebħa li għelbet id-dinja”. U l-bniedem irid jagħżel: jew jeżisti f’din id-dinja bħala dak li se jkun fl-aħħar minn l-aħħar ir-rebbieħ, jew inkella bħala dak li fl-aħħar minn l-aħħar se jkun mirbuħ mid-dinja  .

Din hija l-għażla l-iktar important għall-ġejjieni tal-bniedem. Ukoll għall-paċi u l-gwerra. Ukoll għall-ġustizzja soċjali. U fuq kollox, hija l-għażla fundamentali għall-moral, għall-kultura u għad-dinjità tal-bniedem.

9. “Kull min jemmen li Ġesù huwa l-Kristu, huwa mwieled minn Alla” (1 Ġw 5, 1). Il-bniedem għandu l-ġenejoloġija kbira tiegħu, li Kristu reġà wettaq bil-Vanġelu u ssiġilla bil-mewt u l-qawmien mill-imwiet.

Il-bniedem għandu l-ġenejoloġija kbira tiegħu, li f’isimha ma jistax jgħaddi lid-dinja l-essenza kollha tiegħu. Ma jistax jafda biss lill-“materja kożmika” din ix-xbiha u x-xebħ ma’ Alla, li jġorr ġo fih.

Il-bniedem għandu l-ġenejoloġija kbira tiegħu li aħna niffesteġġjaw kull sena, b’mod partikolari meta niċċelebraw il-misteru paskwali ta’ Kristu.

F’isem din il-ġenejoloġija – kull min iħobb lil dak li ġġenera, iħobb ukoll lil dak li minnu ġie iġġenerat” (1 Ġw 5, 1).

Huwa hekk tassew? Inħobbu lil kulmin ġie ġġenerat minn Alla?Lil kulmin kien ikkonċepit fil-ġuf tal-omm?

10. Illum, fil-liturġija jitkellem b’mod speċjali Ġwanni; xhud ta’ Kristu rxoxt. Hawn hu l-kliem tiegħu: “Min dan nagħrfu li nħobbu lil ulied Alla: jekk inħobbu lil Alla u nosservaw il-kmandamenti, għaliex f’dan tikkonsisti l-imħabba ta’ Alla, fl-osservanza tal-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex ħorox” (1 Ġw 5, 2-3).

Hekk jikteb Ġwanni, xhud tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Il-qawmien mill-imwiet jirrendi xhieda lill-imħabba – ix-xhieda tal-qawmien mill-imwiet titwettaq permezz tal-imħabba: l-imħabba ta’ Alla u tal-bniedem.

Ir-rebħa li tirbaħ lid-dinja tinkiseb fl-aħħar minn l-aħħar, permezz tal-imħabba. Il-fidi, infatti, twassal għall-imħabba u tgħix grazzi għall-imħabba. Grazzi għall-imħabba hija tieħu n-nifs bin-nifs tal-Ispirtu. “Huwa l-Ispirtu li jirrendi xhieda, għaliex l-Ispirtu huwa verità” (1 Ġw 5, 6).

L-imħabba tikkostitwixxi wkoll il-qawwa insostitwibbli tal-kostruzzjoni ta’ kultura fil-kostruzzjoni tad-dinja, li fiha l-bniedem jgħix akkomodat mid-dinjità vera tiegħu. Hekk, mela, dik ir-“rebħa li tegħleb lid-dinja” tirrigwarda fl-istess ħin lid-dinja: dinja dejjem “iktar aħjar”, li fiha l-ħajja umana hija wkoll iktar umana.

Dwar dan kienu jafu Dante Alighieri u Nikola Copernico, li l-uċuh tagħhom iħarsu lejna mill-vestibolu tal-antikissma Università ta’ Bologna.

Dwar dan kien jaħseb Pawlu VI, meta kien ipproklama ċ-“ċiviltà tal-imħabba” bħala programm għad-dinja kontemporanja.

11. Għeżież ħuti! Ulied maskili u femminili ta’ din il-belt venerabbli, li minnha għaddew, minbarra Dante u Koperniku, il-qaddisin Vitale u Agricola, Petronju u Domenico, u bosta Papiet, li fosthom niftakar fuq kollox lil Benedittu XIV.

Illum is-suċċessur ta’ Pietru qiegħed jiċċelebra flimkien magħkom l-Ottava tal-Għid.

Illum ukoll, flimkien mas-Salmista, ejjew inkantaw il-kliem: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja / saret il-ġebla tax-xewka. / Dan huwa l-jum magħmul mill-Mulej / ejjew nifirħu u nithennew fih” (Sal 117 [118], 22.24).

Il-ġebla tax-xewka hija Kristu: mislub u rxuxtat, “Pascha nostrum”!

U għalhekk ejjew nagħmlu l-mistoqsija. Nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom, li hawn “tissistemaw id-dinja” u “tissistemaw ħajjitkom umana f’din id-dinja”: lesti nibnu aħna fuq din il-ġebla tax-xewka?

Jew minflok se niskartaw aħna din il-ġebla tax-xewka?

Darba waħda, f’għaxija simili għal dik tallum, fl-Ottava tal-jum paskwali, ġie Kristu mill-ġdid fiċ-ċenaklu, fejn kienu miġburin l-Appostli, u qal lil Tumas:
“Noli esse incredulus, sed fidelis”.

Wieġbu Tumas: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġw 20, 28).

Minn dak il-waqt Kristu sar il-ġebla tax-xewka għal ħajtu.

Jalla kull wieħed u waħda minna naraw li jitwettaq fina l-kliem migħud minn Kristu lil Tumas: “Imberkin dawk, li minkejja li ma jarawx, jemmnu” (Ġw 20, 29).

Jalla intom ilkoll, “waqt li temmnu, ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw 20, 21).

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: