Il-palata l-aktar li kelli bżonn

Print Friendly, PDF & Email

Kelli inċident tat-traffiku.  Spiċċajt billi tlift id-dawl t’għajnejja.  Ħadtha bi kbira ħafna.  Għall-ewwel waħħalt fija nnifsi: “Żgur li Alla kkastigani ta’ kemm għamilt dnubiet” bdejt nhewden bejni u bejn ruħi.  Iżda mbagħad bdejt naħseb f’tant nies li kienu u għadhom qed jagħmlu dnubiet bl-addoċċ, u li ma ġralhomx bħali.  Barra minn hekk, darba kont qrajt x’imkien li Alla huwa Missier ħanin, u ma jikkastigax, iżda huma aħna stess li nġibu l-kastigi fuqna skond l-imġieba tagħna.  Bhal dak in-nhar fil-ġnien tal-Eden.  Adam u Eva kienu jafu x’qegħdin jagħmlu, u kienu jafu wkoll il-kastigi li se jġiebu fuqhom, fuq uliedhom u fuq ulied uliedhom. U xorta għażlu d-dnub.

Wara ftit bdejt imwaħħal f’Alla.  “Mulej, għax jien? Jien x’għamilt agħar minn oħrajn?” bdejt nirraġuna.

Il-moral tiegħi kien baxx ħafna, u naħseb kont f’xifer ta’ xi dipressjoni qawwija.  Kienu bosta dawk il-qraba u ħbieb li bdew jagħmluli kuraġġ, l-aktar marti u wliedi.  “U isa, Jack, il-Mulej jeħodlok ħaġa u jtik oħra, jekk mhux ħafna aktar,” kienu ta’ sikwit jgħiduli.

Bil-mod il-mod, bdejt niskopri talenti ġodda li kienu moħbija fija.  Kulma kelli bżonn kien li nitħarreġ fihom.  Sibt għajnuna kbira mill-għalliema u voluntiera tal-għaqda ġdida li dħalt fiha.

Fost dawn it-talenti ġodda, l-aktar tnejn li kelli għall-qalbi kienu il-mużika u x-xoghol bl-arkett. Bdejt nitgħallem il-keyboards u sibt li kelli udit tajjeb ħafna, u malajr bdejt insib in-noti tal-kanzunetti favoriti tiegħi b’idi l-leminija.  Ix-xellugija kellha bżonn aktar tahriġ u paċenzja biex nagħmel l-akkumpanjament meħtieġ.

Il-moral beda tiela’ xi ftit, iżda kienu jiġu mumenti fejn kont inkun għall-kwiet u li mingħajr ma ridt kont noqgħod naħseb fuq l-inċident.

Il-palata l-aktar li kelli bżonn biex ngħolli l-moral waħda sew ġiet minn inħawi li qatt ma kont nobsor – it-tifla tiegħi.  Rebecca kellha ħdax-il sena dak iż-żmien. Kont qiegħed fil-garaxx mehdi fuq ix-xogħol tal-arkett. “Pa, agħmilli teleskopju!” Ħasditni. Kif se naqbad nispjega lil tifla ta’ ħdax-il sena li …..iżda stenna ftit. Ftakart meta fl-aħħar Karnival kont ħadtha l-Belt biex tara l-isfilata. Ġew in-nies quddiemna u kelli nerfagħha biex tara.  Mara ħdejna kellha bhal speċi ta’ tromba forma ta’ Z.  “Dik x’inhi, Pa?” kienet saqsietni Rebecca.  Ma kontx naf x’jgħidulha eżatt, għalhekk użajt l-aktar kelma qrib.  “Dak teleskopju, binti. Fejn qed tħares il-mara, minn-naħa t’isfel, hemm mera.  Fil-biċċa ta’ fuq tat-tromba hemm mera oħra tħares kontra. B’hekk meta tgħolliha ‘l fuq tkun tista’ tara.”

Mid-dehra kont impressjonajtha bl-ispjega tiegħi.  “Teleskopju, jiġifieri  bħal dak li kellha dik il-mara fil-Karnival?” staqsejtha.

“Iva, Pa.  Bħal dak eżatt.  Tahseb li tista’ taghmilli wieħed?” staqsietni ħerqana.

Qatt nahseb ftit, u mbagħad għidtilha: “Ghid il-mama halli ssibli żewġ biċċiet tal-mera ndaqs. Tmisshomx inti, taf, li ma tmurx taqta’ idek.”
”Kollox sew, Pa. Sejra.”

Ladarba kelli l-qies tal-merja, qtajt it-triplaj bl-arkett.  Bnejt it-tromba billi waħħalt il-ġnub bil-kolla u b’tejp kannella; u f’kemm ili ngħidlek it-teleskopju kien lest.

Rebecca riedet ittir bil-ferħ.  Mill-ewwel marret fil-ġnien ta’ quddiem id-dar biex tippruvah. Wara ftit ħareġ Samwel, it-tifel tal-ġar.  Dak il-ħin jien kont fis-salott, bit-tieqa miftuħa. Għalhekk kont qed nisma’ kollox.

“Rebecca, hemm x’għandek? Dik x’inhi?” staqsiha Samwel.

“Dak teleskopju.  Bih nara ħafna affarijiet li jkunu ‘l fuq, għax jien għadni zgħira u qasira.”

“Sellifuli, ħa nara ftit jien!” talabha Samwel.

“Hawn ha.  Ara ma tkissrux, taf, għax dak għamiluli d-daddy,” weġbitu kuntenta Rebecca.

“X ..x…x’inhu?” laqlaq Samwel. “Id-d ..d.. daddy?  Id-daddy tiegħek?”

Hawn jien ftaħt par widnejn daqshiex.  Min jaf biex kienet hierġa Rebecca.

“Iva, mela.  Id-daddy tiegħi. La trid tkun taf,  id-daddy tiegħi mhux għama f’idejh.”

Jack Weller

%d bloggers like this: