It-Transustanzjazzjoni u Mirakli oħra

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

S’issa f’dis-sensiela tkellimna dwar uħud mill-aktar Mirakli Ewkaristiċi magħrufin li seħħew sas-seklu Tlettax. Qabel inkomplu nitkellmu dwar tant Mirakli Ewkaristiċi oħra li seħħew fis-sekli ta’ wara  nitkellmu ftit dwar it-terminu Ewkaristiku Transustanzjazzjoni li kien diġà jintuża fil-Knisja Kattolika Rumana sa mis-sekli Ħdax, Tnax u Tlettax.  

1. It-Transustanzjazzjoni Ewkaristika

Tifsira: Il-kelma (jew terminu) transustanzjazzjoni hi magħmula minn kliem ta’ nisel Latin: il-prefiss trans li jfisser bidla fi, jew lilhinn minn,  (eż.transformazzjoni) u l-kelma substantia (bil-Malti: sustanza). Għalhekk bażikament transustanzjazzjoni tfisser bidla fis-sustanza. F’sens filosofiku sustanza tfisser essenza.Għalhekk is-sustanza ta’ xi ħaġa  hija n-natura essenzjali tagħha. Għaldaqstant meta l-Knisja Kattolika tuża dan it-terminu transustanzjazzjoni tkun qiegħda tirreferi għall-bidla li sseħħ waqt il-Konsagrazzjoni tal-Ħobż u l-Inbid fil-quddiesa, fl-Ewkaristija. Din il-bidla tinvolvi li s-sustanza kollha tal-ħobż u l-inbid jinbidlu b’mod Mirakoluż u bil-qawwa ta’ Alla, li xejn mhu impossibbli Għalih, fis-sustanza kollha tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu nnifsu. Matul il-Quddiesa,meta l-ispeċi Ewkaristiċi – tal-ħobż u l-inbid- jiġu kkonsagrati mis-saċerdot ordnat mill-Knisja Kattolika huma jiġu mibdula,transformati, fil-Ġisem u d-Demm attwali u reali ta’ Ġesù Kristu, filwaqt li jżommu biss il-kwalitajiet esterni  ( alias l-aċċidenti ) tagħhom: dehra,riħa, togħma eċċ. tal-ħobz u l-inbid.

Tagħrif storiku dwar termini Ewkaristiċi, u dwar t-Transustanzjazzjoni Ewkaristika

Perijodu Patristiku

Kittieba Kristjani tal-bidu rriferew għall-ispeċi Ewkaristiċi bħala l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Hekk, id-dokument qasir Didache, li jista’ jkun l-ewwel dokument Kristjan barra mit-Testment il-Ġdid, jitkellem dwar l-Ewkaristija. Dan id-dokument jinkludi struzzjonijiet għall-Magħmudija u l-Ewkaristija. Il-biċċa l-kbira tal-istudjużi  jiddataw dan id-dokument  lejn l-aħħar tal-ewwel seklu u jiddistingwu  fih żewġ tradizzjonijiet Ewkaristiċi separati, it-tradizzjoni  f’Kapitlu 9 u f’Kapitlu 10, b’waħda ta’ qabel issa titqiegħed fit-tieni post. L-Ewkaristija terġa’ tissemma f’Kapitlu 14 :  art.1Imma f’kull Jum il-Mulej, intom tinġabru flimkien, taqsmu l-ħobż,  u troddu ħajr wara li tkunu stqarrejtu n-nuqqasijiet tagħkom”:  art 2imma ħadd li hu f’nuqqas ta’ ftehim ma’ sieħbu , ma jiġi magħkom, qabelma jkun irranġa miegħu, biex hekk is-sagrifiċċju tagħkom ma jkunx pprofanat“  art.3 : “Għax dan hu dak li qal il-Mulej: Fkull post u żmien offruli sagrifiċċju safi, għax jien Sultan kbir, jgħid il-Mulej, u Ismi hu tal-għaġeb fost il-ġnus”.

F’parti oħra ta’ dan id-dokument insibu ukoll miktub: “Ħadd ma għandu jiekol jew jixrob mill-Ewkaristija tiegħek, mingħajr ma jkun mgħammed f’isem il-Mulej, għax dwar dan ukoll il-Mulej qal: Tagħtux  dak li hu qaddis lill-klieb.”

Injazju ta’ Antijokja li jikteb madwar is-sena 106 AD lill-insara Rumani jgħid: “Jien nixtieq il-Ħobż ta’ Alla, il-Ħobż tas-sema, il-Ħobż tal-Ħajja, li hu l-Laħam ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, li sar wara in-nisel ta’ David u Abraham;  u nixtieq ix-xarba ta’ Alla, jiġifieri Demmu, li hu Mħabba li ma titħassarx u l-Ħajja ta’ dejjem.’’

Fl-istess sena Injazju ta’ Antikoja jikteb lill-Insara ta’ Smirna u jwissihom biex :“ joqogħdu ’l bogħod minn dawn l-eretiċi” għax dawn fost raġunijiet oħra ‘’jastienu mill-Ewkaristija u mit-talb, għax jistqarru li l-Ewkaristija mhijiex Laħam tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu li bata għal dnubietna, u li l-Missier mit-tjubija Tiegħu qajjem mill-ġdid.”

Madwar is-sena 150, San Ġustin Martri , b’referenza għall-Ewkaristija kiteb fl-ewwel Apoloġija tiegħu : “Mhux bħal ħobż u xorb komuni nirċievu dawn; imma bl-istess mod kif Ġesù Kristu is-Salvatur, filwaqt li sar Laħam mill-Verb ta’ Alla, hekk ukoll sar Laħam u Demm għas-salvazzjoni tagħna, hekk bl-istess mod aħna ġejna mgħallma  li l-ikel li hu mbierek bit-talb tal-Kelma Tiegħu, u li minnu d-demm tagħna u l-laħam tagħna jiġu nutrieti bit-transmutazzjoni, huwa l-Laħam u d-Demm ta’ dak  Ġesù li sar Laħam.” 

Ta’ min jinnota li hawnhekk  Ġustin Martri filwaqt li qiegħed jitkellem dwar l-Ewkaristija qiegħed jitkellem ukoll u b’mod speċjali  dwar l-Inkarnazzjoni ta’ Ġesù Kristu li bis-saħħa tagħha Kristu sar bniedem bħalna:  IL-VERB SAR BNIEDEM. Verbum Dei Caro Factum Est, il-Kelma ta’ Alla saret Bniedem, kif nistqarru b’vuċi għolja fit-Twemmin, fil-Kredu, tagħna. 

Aktar tard,  ukoll sa mill-ewwel sekli, il-Knisja Kattolika Rumana tkellmet dwar l-elementi (il-Ħobż u l-Inbid) użati fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija bħala li jinbidlu fil-Ġisem u Demm ta’ Kristu. It-termini użati minn xi Missirijiet bikrin  tal-Knisja  biex jitkellmu dwar dal-Miraklu Ewkaristiku kienu jinkludu “bidla” (eż. San Ċirillu ta’ Ġerusalemm 313-386 AD); “transelementazzjoni” (eż. San Girgor ta’ Nazjanzu 329-390 AD); “transformazzjoni” (eż.San Ġwann Griżostmu c.347-407AD); “transpożizzjoni” (eż. San Ġirillu ta’ Lixandra 376-444 AD) u “alterazzjoni” (eż. San Ġwann Damexxenu c.675 – 749 AD ).

 Kien jingħad li l-ħobż u l-inbid “isiru”, “mibdula fi” il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Hekk, Santu Wistin ta’ Ippona (354-430 AD) jiddikjara li l-ħobż ikkonsagrat fl-Ewkaristija fil-fatt “jsir” (bil-Latin, fit) il-Ġisem ta’ Kristu. Ikompli jgħid: “Il-fidili jafu x’qed ngħid; jafu lil Kristu fil-Qsim tal-ħobż. Ara, mhux kull ħobża, imma dik li tirċievi l-Barka ta’ Kristu, li ssir il-Ġisem ta’ Kristu.”  

Hu magħruf li l-Arċisqof Hilderbert de Lavardin ta’ Tours (1056-1133) kien dak li għall-ewwel darba beda juża t-terminu transustanzjazzjoni fis-seklu Ħdax u Tnax. Huwa jirreferi għalih bħala l-aħjar deskrizzjoni  u spjegazzjoni tat-transformazzjoni li sseħħ waqt il-kliem tal-Konsagrazzjoni tal-Ewkaristija, meta l-ħobż u l-inbid jinbidlu tabilħaqq fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Madanakollu, kien biss fis-seklu Tlettax li dat-terminu ntuża b’mod estensiv. Kien fil-11 ta’ Novembru 1215, waqt ir-Raba’  Konċilju tal-Lateran, Ruma, (ritratt) li saret l-ispjegazzjoni formali ta’ dal-Misteru fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Skont il-Konċilju,dawn il-bidliet Mirakolużi jsiru possibli bis-saħħa tal-Qawwa ta’ Alla:

“Hemm Knisja Universali Waħda tal-fidili, li barra minnha m’hemm assolutament l-ebda Salvazzjoni. Fiha hemm l-istess Saċerdot u Sagrifiċċju: Ġesù Kristu, li l-Ġisem u d-Demm Tiegħu jinsabu tassew fis-Sagrament tal-artal taħt il-forom tal-Ħobż u l-Inbid; il-ħobż qed jinbidel (transsubstantiatio), bil-Qawwa Divina fil-Ġisem, u l-inbid fid-Demm, biex nirrealizzaw il-Misteru tal-Għaqda nirċievu Minnu dak li rċieva minna.  U dan is-Sagrament ħadd ma jista’ jwettqu ħlief is-Saċerdot li ġie ordnat kif suppost skont l-Imfietaħ tal-Knisja, li Ġesù Kristu nnifsu ta lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom.” (Il-Kanoni tar-Raba’ Konċilju Lateran,  Kanoni 1, par.3).

Ta’ min jinnota wkoll hawnhekk li l-Konċilju tal-Lateran barra li jitkellem dwar l-Ewkaristija jagħmel referenza wkoll għall-Inkarnazzjoni ta’ Kristu: nirċievu Minnu dak li rċieva minna (bil-Latin: ab illo accipiamus quod a nobis accepit): i.e.  L-umanità tagħna.

Snin wara fl-1551, il-Konċilju ta’  Trentu, fil-11 ta’ Ottubru 1551, iddikjara li d-Duttrina tat-Transustanzjazzjoni hija Domma tal-Fidi. Diġà fit-tieni artiklu ta’dis-sensiela konna kkwotajna par.1376 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, fejn rajna x’jgħid dal-Konċilju ta’ Trentu dwar id-Duttrina tat-Transustanzjazzjoni, iżda hawnhekk tajjeb  wkoll  naraw x’jiddikjara eżattament dal-Konċilju fit-Tlettax-il sessjoni tiegħu dwar did-duttrina Ewkaristika tant importanti:  

“Jekk xi ħadd jgħid, li fis-Sagrament Sagru u Qaddis tal-Ewkaristija, is-sustanza tal-ħobż u l-inbid tibqa’ flimkien mal-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù  Kristu, u jiċħad dik il-konverżjoni mill-isbaħ u singolari tas-sustanza sħiħa tal-ħobż fil-Ġisem, u tas-sustanza kollha tal-inbid fid-Demm  – jifdal biss l-ispeċi   tal-ħobż u l-inbid  – il-konverżjoni tabilħaqq il-Knisja Kattolika bl-aktar mod xieraq issejjaħ Transustanzjazzjoni; ħallih ikun anatema” ( Sessjoni 13, Kanoni 2)

 B’hekk,dal-Konċilju approva uffiċjalment l-użu tat-terminu “transustanzjazzjoni” biex jesprimi t-tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar il-bidla tal-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija, bil-għan li tiġi mħarsa l-Preżenza ta’ Kristu bħala verità letterali, filwaqt li jenfasizza l-fatt li m’hemmx tibdil fid-dehriet empiriċi tal-ħobż u l-inbid.

2. Il-Mirakli Ewkaristiċi matul is-Seklu Erbatax:

Il-Miraklu ta’ O’Cebreiro, fi Spanja

F’Jum xitwi kiesaħ fis-sena 1300 patri Benedittin kien qiegħed jiċċelebra l-quddiesa f’kappella ħdejn il-knisja tal-Monasterju tiegħu f’O’Cebreiro. Il-patri ħaseb li ħadd ma kien se jazzarda jiġi għall-quddies f’dik il-kesħa. Madanakollu, Juan Santin, bidwi minn Barxamaior li kien devot ħafna tal-Ewkaristija mar għall-quddiesa. Jingħad li l-patri, li kien jiddubita fil-Preżenza reali ta’ Kristu fis-Sagrament tal-Ewkaristija, malli ra lill-bidwi quddiemu f’qalbu ddisprezza l-Fidi u l-qdusija tal-bidwi.  Kompla jiċċelebra l-quddies,iżda hekk kif qal il-kliem tal-Konsagrazzjoni, l-Ostja kkonsagrata nbidlet f’Laħam u l-inbid inbidel f’Demm, li beda ħiereġ mill-kalċi u tebba’ l-korporali. F’dak il-mument stess, deher li anki ir-ras tal-istatwa tal-injam tal-Madonna inklinat f’adorazzjoni. In-nies tal-post illum isejħulha: ‘’Il-Madonna tal-Miraklu Sagru.”(ritratt)

 Għal kważi mitejn sena l-Ostja mibdula f’Laħam tħalliet fuq patena sakemm ir-Re Kattolika Ferdinandu u r-Reġina Isabella saru jafu dwar il-Miraklu meta kienu għaddejjin minn O’Cebreiro waqt li kienu f’pellegrinaġġ  lejn Santiago de Compostela. Skont it-tradizzjoni popolari, id-devozzjoni tar-Reġina Isabella tant kienet impressjonata profondament bl-istorja tal-miraklu li ddeċidiet li tieħu ir-relikwja ta’ valur daqstant kbir f’post aktar xieraq mill-monasterju sempliċi fuq passaġġ remot, iżolat  u fqir. Immedjatament,  ordnata relikwarju tal-kristall magħmul apposta biex fih jinżammu l-Laħam tal-Ostja Mirakoluża, il-kalċi u l-patena. Waqt li l-koppja Rjali kienu fil-vjaġġ tagħhom lejn il-post li riedu jieħdu r-Relikwarju seħħet ġrajja stramba! Bilkemm kienu imxew ftit kilometri meta ż-żwiemel tagħhom waqfu, u irrifjutaw li jivvjaġġaw aktar. Maqbuda bil-biża’ u r-reverenza, l-entourage Rjali, kellhom jinżlu minn fuq iż-żwiemel tagħhom u jmorru lura lejn il-knisja u l-monasterju bil-mixi. Fid-dawl ta’ dil-ġrajja kurjuża ġie deċiż, mill-Papa Innoċenzu VIII, il-koppja Rjali u l-patrijiet Benedittin li r-Relikwarju  jinżamm fil-knisja ta’ O’Cebreiro fejn għadu miżmum b’akbar għozza u meqjum sal-ġurnata tal-lum.

Il-fdalijiet tal-patri u tal-bidwi Juan Santin huma midfuna ġewwa l-knisja, il-mowsolewi modest tagħhom jinsabu fuq artal tal-ġenb bejn xbieha tal-Verġni u l-Bambin fuq il-ħajt tal-knisja u r-relikwarju ssiġillat li fih ir-relikwi tal-Miraklu Ewkaristiku, u l-kalċi u l-patena wżati fil-quddiesa waqt il-miraklu.

Kull sena fil-festa ta’ Corpus,u fil-jiem 15 ta’ Awwissu u 8 ta’ Settembru, ir-relikwi jittieħdu f’purċissjoni flimkien mal-istatwa tal-Madonna.Fost l-aktar testimonjanzi dokumentati tal-Miraklu hemm il-Bolla tal-Papa Innoċenzu VIII tal-1487 u dik tal-Papa Alessandru VI tal-1496, u r-rakkont ta’ Fray Antonio de Yepes, patri u kronista Benedittin Spanjol li għex lejn l-aħħar tas-seklu ħmistax u l-bidu tas-seklu sittax li nkludieh fil-Kronika Ġenerali tiegħu tal-Ordni ta’ San Benedittu.

L-Immaġini tal-Ostja kkonsagrata, il-kalċi u l-patena ġiet inkorporata fl-istemma tal-Galicia, li għadha tifforma parti mill-reġjun illum (ritratt)

Dan il-monasterju Benedittin u l-knisja ta’ O’Cebreiro għadhom u jibqgħu postijiet ta’ devozzjoni kbira li lejhom isiru kull sena ħafna pellegrinaġġi mill-Ewropa kollha . Għall-pellegrini tas-seklu wieħed u għoxrin il-Miraklu ta’ O’Cebreiro jibqa’ xhieda dejjiema u qawwija tal-Preżenza reali ta’ Kristu Rxoxt – Ġisem, Demm, Ruħ u Divinità – fis-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija      

Il-Miraklu ta’ Breda- Niervaart, fl-Olanda

Dal-Miraklu seħħ fl-24 ta’ Ġunju 1300. F’dak iż-żmien l-Olanda kienet okkupata minn truppi tal-armata Spanjola. Waqt sakkeġġ suldat seraq Ostja kkonsagrata minn knisja, li nstabet ftit wara mill-bidwi Jan Bautoen  li kien qiegħed ineħħi l-ħaxix ħażin mill-għalqa tiegħu. Hekk kif qalleb tuba ħamrija sab  l-Ostja Sagra  moħbija taħt biċċa ħmieġ.

Madanakollu,baqgħet f’kundizzjoni perfetta. Jan għadda l-Ewkaristija lill-kappillan li poġġieha f’relikwarju tal-kristall, u minkejja li għaddew ħafna snin,l-Ostja kkonsagrata baqgħet intatta.Fl-1449 l-Ewkaristija ttieħdet fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Sidtna Marija ta’ Breda fejn tqegħdet fi sfera artistika mill-isbaħ għall-qima tal-poplu (ritratt).

Waqt kunflitti reliġjużi, l-Ostja Mirakoluża ntilfet iżda in-nies ta’ hemmhekk baqgħu jemmnu  fiha u komplew bid-devozzjonijiet lejn il-Miraklu u żammew l-ġrajja ħajja. Kull sena, iqimu l-Miraklu fil-festa ta’ Corpus Christi kemm fil-purċissjonijiet kif ukoll fit-talb pubbliku.  

Wieħed mill-aktar dokumenti awtorevoli u sħiħ li jiddeskrivi l-ġrajjiet konnessi ma’ dan il-Miraklu huwa l-investigazzjoni mmexxija mill-Isqof ta’ Link. Pitturi li għadhom jidhru fil-knisja u diversi  dokumenti oħra  huma evidenza ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku.   

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading