Il-Misteru tal-aktar dubju Qaddis

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu Ewkaristiku, fi Brussell, fil-Belġju

Fil-Katidral ta’ Brussell hemm ħafna testimonjanzi artistiċi tal-Miraklu Ewkaristiku li seħħ fis-sena 1370. Hemm ukoll ħafna relikwarji ta’ epoki differenti li kienu jintużaw biex fihom jitqiegħdu l-Ostji Mirakolużi tal-Miraklu Ewkaristiku. Dawn inżammu sal-lum fil-Mużew qrib il-Katidral antika tas-Santissimu Sagrament. Hemm arazzi tas-seklu tmintax li juru din il-ġrajja Mirakoluża. Il-ħames twieqi bi ħġieg ikkulurit (stained glass) li jsebbħu n-navi tal-ġnub tal-Katidral juru u jsegwu d-diversi stadji ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku.

Dawn ġew installati f’diversi żminijiet  sa mill-1436 sal-1870. Filwaqt li s-Slaten tal-Belġju, Leopoldu I u Leopoldu II, ippreżentaw u rregalaw  l-ewwel twieqi fil-livell ta’ isfel, diversi familji nobbli tal-pajjiż irrigalaw il-bqija tat-twieqi l-oħra kollha.  L-ewwel għaxar twieqi jippreżentaw l-ġrajja kollha tal-Miraklu Ewkaristiku.

Dan hu r-rakkont ta’ din il-ġrajja:

Fis-sena 1369 negozjant għani minn Enghien li kien jobgħod ir-reliġjon Kattolika ppjana biex jisraq l-Ewkaristija. Ħalliel mikri minnu, żagħżugħ minn Louvain, f’nofs ta’ lejl,daħal fi knisja u seraq 16-il Ostja kkonsagrata mit-tabernaklu. Ħadhom għand in-negozjant li żammhom f’daru għal xi żmien.Fil-Ġimgħa l-Kbira tas-sena 1370 il-negozjant stieden xi ħbieb għandu bi skieken,ħareġ l-Ostji, u hu u sħabu bdew jagħtu daqqiet fuqhom bis-skieken.

Dan għamluh b’dispress u ribelljoni kontra Alla, l-Ewkaristija, ir-Reliġjon Kattolika u l-Kattoliċi kollha.Ħin bla waqt beda ħiereġ fluss ta’  Demm ħaj mill-Ostji milquta.In-negozjant u ħbiebu tant twerwru li ħadu l-Ostji għand negozjant Kattoliku li kienu jafu,li dan ħa l-Ostji għand il-Kurat tal-knisja ta’ Notre Dame. Il-Kurat ħa l-Ostji kkonsagrati u l-profanaturi ġew ikkundannati għall-mewt mid-Duka ta’ Brabant. L-Ostji ġew meħuda proċessjonament fil-Katidral ta’ Santa Gadula. Dal-Miraklu baqa’ miżmum bħala parti importanti mit-tradizzjonijiet ta’ Brussell u huwa simbolu Nazzjonali.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Cimballa, fi Spanja

Don Tomás, kappillan  f’raħal żgħir  f’Zaragoza, fl-Aragona, għal ħafna xhur kien itturmentat b’dubji dwar il-Preżenza Reali tal-Ġisem u d-Demm fl-Ewkaristija. Fit-12 ta’ Settembru 1370, hekk kif kien qiegħed iqaddes fil-knisja iddedikata lill-Purifikazzjoni tal-Madonna (il-Preżentazzjoni fit-Tempju) ,u qal il-kliem tal-Konsagrazzjoni, id-Demm beda ħiereġ mill-Ostja kkonsagrata u tebba’ il-korporal u t-terħa ta’ fuq l-artal.

B’dal-Miraklu Don Tomás saħħaħ il-fidi tiegħu fl-Ewkaristija u b’penitenza irtira f’monasteru u ddedika ruħu bħala eremita għall-ħajja ta’ penitenza u talb. L-Isqof ta’ Zaragoza, Pedro Perez Calvillo, poġġa l-Ostja Mirakoluża u d-drapp tal-artal imtebba’ bid-Demm Sagru fit-Tabernaklu biex in-nies tar-raħal iqimuhom. Minħabba l-gwerer kontinwi bejn Aragona u Castile, l-Ostja Mirakoluża ġiet ttrasferita fil-kappella Rjali tal-Palazz ta’ Zaragoza (Aljaferia). Iżda  fuq talba persistenti tal-poplu  ta’ Cimballa r-relikwi tad-Drapp  reġgħu ttieħdu lura u baqgħu f’Cimballa.

Minn dak iż-żmien ’il hawn ħafna mirakli ġew attribwiti lil dan id-Drapp imċappas bid-Demm Sagru. Fis-seklu tmintax inbniet knisja akbar fejn fuq ix-xellug tal-artal Maġġur hemm kappella ddedikata lill-Misteru tal-Aktar Dubju qaddis (kif jissejjaħ min-nies ta’ hemm) fejn jinżammir-Relikwarju li sar fis-sena 1594 li fih jinżamm id-Drapp Sagru.Ta’ kull sena fit-12 ta’ Settembru,fl-Anniversarju tal-Miraklu, ir-Relikwarju jinħareġ f’purċissjoni Ewkaristika f’dar-raħal.

Il- Miraklu Ewkaristiku f’Middleburg-Lovanio, fil-Belġju:

 F’dil-belt  kienet tgħix mara nobbli magħrufa minn kulħadd għall-Fidi u d-devozzjoni kbira tagħha. Kienet attenta ħafna għall-formazzjoni spiritwali tal-familja u tal-ħaddiema tagħha. Kif kienet tagħmel kull sena, matul ir-Randan tas-sena 1374, bdiet tagħmel penitenza bi tħejjija għall-Għid. Ftit jiem qabel, ġie impjegat fid-dar tagħha Jean de Cologne, qaddej ġdid. Dan  kien ilu  snin ma jqerr u jitqarben, minħabba l-ħajja kemxejn xellerata li kien jgħix. Is-sinjura stiednet lill-familja u ħaddiema kollha tad-dar biex imorru l-Quddiesa. Jean ma xtaqx jiddiżappuntaha. Għalhekk mar għall-quddies, fil-knisja ta’ San Pietru, f’Middleburg, u meta wasal il-ħin tat-tqarbin huwa resaq lejn l-artal b’mod superfiċjali.

Hekk kif irċieva l-Ostja Imqaddsa fuq ilsienu s-Sagrament inbidel f’Laħam Imdemmi. Jean immedjatament ħareġ l-Ostja minn ħalqu, id-Demm niżel mil-Laħam Sagru fuq id-drapp li jgħatti l-poġġaman tal-presbiterju (il-mejda tat-tqarbin) fejn kienu jinġabru n-nies quddiemu għarkopptejhom biex jitqarbnu, kif kienet il-prattika tat-Tqarbin fiż-żminijiet medjovali. Il-qassis induna mill-ewwel x’kien qed jiġri, u b’emozzjoni kbira, poġġa bir-reqqa kollha l-Ostja Mirakoluża f’reċipjent ġewwa t-tabernaklu. Jingħad li Jean de Cologne kien ikkastigat għal dan is-sagrileġġ billi f’daqqa waħda tilef id-dawl ta’ għajnejh.Hu ddispjaċieh ta’ dak li għamel u nidem, niżel għarkobbtejh quddiem il-qassis  u stqarr id-dnub tiegħu quddiem kulħadd. Bid-dispjaċir sinċier li kellu reġa’ ġie jara u minn dakinhar għex ħajja eżemplari u beda jkollu devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. L-awtoritajiet  reliġjużi u ċivili  tal-belt ġew infurmati bil-ġrajja u wara investigazzjoni intensiva l-Arċisqof awtorizza l-kult ta’ dil-ġrajja Mirakuluża.

Parti mill-Ostja għadha tinżamm sal-ġurnata tal-lum f’Louvain mill-patrijiet Agostjani. Il-Patri Jean de Cheest, konfessur tal-Arċisqof, kien talab parti mill-Ostja biex tinżamm fil-kunvent tiegħu għall-qima tan-nies u tal-patrijiet. Il-parti l-oħra tinsab fil-knisja ta’ San Pietru f’Middleburg, fejn hawn teżisti ħafna dokumentazzjoni dwar dal-Miraklu Ewkaristiku. 

Barra minn hekk, f’monografija intitolata Le Sacrement du Miracle de Louvain miktuba fl-1905 mill-istoriku Joseph Wils, professur tal-Università Kattolika ta’ Louvain, hemm dokumentazzjoni sħiħa u diversi testimonjanzi dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Seefeld, L-Awstrija: 

Fid-djoċesi ta’ Innsbruck qalb il-muntanja tal-provinċja ta’ Tyrol fil-punent tal-Awstrija hemm ir-raħal ta’ Seefeld u l-knisja ta’ San Oswald li fiha seħħ dal-Miraklu Ewkaristiku:

Propju, fil-25 ta’ Marzu 1384, Jum Ħamis ix-Xirka,il-Kavallier Oswald Mülser, sid kburi tal-kastell ta’ Schlosberg,iddeċieda li jmur bis-suldati tiegħu fil-knisja ta’ San Oswald u bl-akbar arroganza ħareġ ix-xabla u ordna lill-qassis biex iqarbnu bilwieqfa bl-Ostja kkonsagrata l-kbira u mhux biż-żgħar għax għalih dawn kienu komuni wisq. Il-qassis imbeżża’ obda. Hekk kif il-kavallier ardit tqarben, ċediet bih l-art ta’ taħtu.

Hekk kif kien nieżel, Mülser nofsu mdeffes fl-art ipprova jiggranfa mal-altar  imma ħass l-altar jikwi taħt subgħajh. Imwerwer u umiljat, il-profanatur beda jgħajjat iddisprat lejn Alla għall-ħniena.Il-qassis skantat b’dak li kien qiegħed jiġri neħħa mal-ewwel l-Ostja minn ħalq Müsler u f’daqqa waħda l-art taħtu saret stabbli mill-ġdid. Ħafna nies fil-knisja raw kif l-Ostja kkonsagrat saret Laħam tqattar id-Demm. Sogħbien ħafna u niedem minn  għemilu, wara l-kavallier daħal fil-monasteru fil-qrib fi Stams (Tirol) fejn għamel sentejn penitenza severa għal dnubietu. 

Wara dal-Miraklu, l-Ostja tpoġġiet għall-qima ta’ tant pellegrin li kienu u għadhom imorru jqimuha. Il-Kavallier Parzifal von Weineck ta’ Zeil irregala Ostensarju indurat bil-fidda ta’ stil Gotiku li  fih tinżamm l-Ostja Mirakoluża sal-lum. Bejn  is-snin 1423- 1431, id-Duka Federiku IV tal-Awstrija li kien devot ħafna tal-Ewkaristija, billi ra li l-knisja kienet żgħira wisq kkummissjona l-bini ta’ knisja ġdida. Din wara saret il-post l-aktar favorit tal-pellegrinaġġi tal-Imperatur Ruman Massimiljan I u l-Arċiduka Ferdinandu II tal-Awstrija li kkummissjonaw aktar tard il-kappella speċjali (imsejħa l-“Heiligenblutkappelle” – il-Kappella tad-Demm Qaddis) biex tilqa’ l-Ostja mtebba’ bid-Demm ta’ Kristu. Madanakollu, il-knisja ż-żgħira ta’ San Oswald li għadha f’Seefeld baqgħet  waħda mid-destinazzjonijiet tal-pellegrinaġġ l-aktar popolari fl-Awstrija. Il-marki  ta’ subgħajn Müsler fuq l-artal u l-ħofra li hu beda nieżel fiha, issa mgħottija bi gradilja, għadhom jidhru hemmhekk sal-lum.

Fl-1984 fil-Knisja ta’ San Oswald ġie ċċelebrat b’solennità kbira s-600 Anniversarju ta’ dan il-Miraklu li  seħħ f’din il-knisja.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Moncada Spanja:

Moncada hija muniċipalità Spanjola li tinsab fl-Provinċja ta’ Valencia. Fl-aħħar tas-seklu erbatax il-knisja Kattolika kienet għaddejja minn perijodu diffiċli  ħafna, perijodu ta’ inċerteżża u konfuzjoni kbira. Dan għaliex il-Kardinali Franċiżi bdew jikkontestaw l-elezzjoni tal-Papa Urbanu VI li kienet seħħet fit-18 ta’ April 1378. Riedu li jitneħħa.  Għaldaqstant, fl-20 ta’ Settembru 1378 huma eleġġu antipapa – Klement VII. B’hekk huma ttamaw li l-Papa l-ġdid, filfatt l-antipapa, jittrasferixxi s-Sede Papali f’Avignon, Franza. Il-Kardinali xiżmatiċi mill-ewwel ippruvaw jaħtfu Ruma, iżda ġew megħluba, u għalhekk kellhom jirtiraw lejn Avignon fejn Klement VII kien jaġixxi bħallikieku kien  il-Papa leġittimu.

Din is-sitwazzjoni rriżultat fi klima ta’ ħsara kbira lill-Knisja u ħafna saċerdoti bdew jiddubitaw mill-validità tal-Ordinazzjoni Saċerdotali tagħhom. Qabelxejn ta’ min jgħid hawnhekk li din il-ġrajja hi   ddokumentata fl-“Anales Eclesiasticos” ta’ Patri Odorico Raynaldi u f’dokumenti oħra miżmuma fl-Arkivji Muniċipali ta’ Moncada.

U kien f’dan il-perjodu ta’ inċertezza kbira li seħħ il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Moncada.

Is-saċerdot ta’ Moncada, Mosèn Jaime Carrós, kien itturmentat b’mod partikulari; kien kontinwament jistaqsi jekk l-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu kinitx valida jew le, peress li kien ordnat minn isqof maħtur mill-antipapa Klement. Kull darba li kien jiċċelebra il-quddiesa kien attakkat mhux biss minn dan id-dubju  imma wkoll  mid-diqa li jqarraq bil-fidili tiegħu u jqassam Ostji mhux verament ikkonsagrati.Beża’ wkoll li s-Sagramenti l-oħra li jamministra kienu invalidi. Konsegwentement, is-saċerdot twajjeb , imma dejjem aktar itturmentata, talb lill-Mulej biex jagħtih sinjal li jkun jaf il-verità u jneħħi d-dubji tiegħu darba għal dejjem.

Is-saċerdot Mosèn irċieva t-tweġiba tiegħu propju f’Jum il-Milied 1392. Dakinhar s-sinjura aristokratika Angela Alpicat marret għall-quddies u magħha ħadet lil bintha ta’ ħames snin Ines (il-futura Santa Ines ta’ Moncada). Kif spiċċat il-quddies it-tifla ma riditx toħroġ mill-knisja u talbet lil ommha biex tibqa’ hemm biex tilgħab mat-tarbija ħelwa li s-saċerdot kien qiegħed iżomm f’idejh waqt il-quddiesa.  

L-għada, 26 ta’ Diċembru, Angela reġgħet marret għall-quddies maċ-ċkejna Ines. Meta s-saċerdot għolla l-Ostja, wara l-Konsagrazzjoni, Ines reġgħet rat lit-tarbija  f’idejn is-saċerdot. Għalhekk, wara l-quddiesa is-Sinjura Angela qalet lis-saċerdot  bid-dehra li kellha bintha waqt il-quddies. Is-saċerdot Mosèn  mal-ewwel beda isaqsi xi domandi lit-tifla li din wieġbet kollox mingħajr diffikultà, anki dawk dawk l-aktar diffiċli. Madanakollu, Fr Mosèn  ried ipoġġi lit-tifla għall-prova, għalhekk qal lill ommha biex l-għada terġa iġġib lil bintha għall-quddies. L-għada s-saċerdot għall-quddies ħa miegħu żewġ Ostji kbar, imma kkonsagra waħda biss.  Waqt il-quddiesa huwa ħa l-Ostja kkonsagrata u staqsa lit-tifla ċkejkna x’kienet  qiegħda tara f’idejh. It-tifla mal-ewwel qaltu “Qiegħda nara lil Gesu Bambin”. Wara Fr Mosèn ħa f’idejh l-ostja l-oħra li ma kenitx ikkonsagrata u mill-ġdid staqsieha x’kienet qed tara f’idejn “ Qiegħda nara xi ħaġa tonda bajda”.  Għal dik it-tweġiba tat-tifla is-saċerdot ried itir bil-ferħ għax  b’hekk neħħa kull dubju  li l-Ordinazzjoni tiegħu kienet invalida. L-istess ferħu in-nies li kienu preżenti għal dan il-Miraklu Ewkaristiku kbir. Għalkemm kien l-antipapa Klement li ordna l-isqof li dan min-naħa tiegħu ordna lil Fr Mosen  saċerdot, madanakollu is-suċċessjoni apostolika ta’ Klement bħala li hu kien isqof kienet valida.  

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Poznan, fil-Polonja:

Fl-1399, fil-belt ta’ Poznan, xi profanaturi  b’mibegħda u disprezz lejn il-Fidi Nisranija ħallsu tfajla  biex tisraq tliet Ostji kkonsagrati mill-knisja Dumnikana ( illum Ġiżwita).  Malli tathom l-Ostji, il-profanaturi poġġew l-Ostji fuq mejda u bdew  inifdu l-Ostji bi strumenti bil-ponta. F’daqqa waħda ammont kbir ta’ Demm beda ħiereġ mill-Ostji. Il-profanaturi beżgħana ppruvaw jeqirdu l-Ostji iżda ma rnexxilhomx. Bl-ebda mod ma setgħu jeħilsu minnhom.Iddeċidew li jeħduhom barra mill-belt u jitfgħuhom f’bassasa qrib ix-Xmara Warta. Ragħaj żagħżugħ li nzerta kien għaddej minn  ħdejn il-bassata ra t-tliet Ostji mtella’  fl-arja u minnhom ħerġin raġġi qawwija ta’ dawl. Iz-żagħżugħ mar rrakkonta kollox lil missieru u lill-awtoritajiet lokali. Il-burgomastru għall-bidu kien indifferenti għal dak li qal iż-żagħżugħ, u tefgħu l-ħabs imma ż-żagħżugħ b’mod misterjuż irnexxielu jaħrab. Mill-ġdid mar għand il-burgomastru li dan fl-aħħar rrapporta kollox lill-Isqof Wojciech Jastrzebiec. L-isqof  wara li talab ħafna lil Alla mar fil-post fejn kien hemm il-bassata u ħa miegħu patena li żammha f’idejh, u l-Ostji nieżlu fil-patena. Immedjatament l-Isqof ħa l-Ostji ħadhom fil-Knisja ta’ Marija Madalena u wara fil-knisja ta’ Corpus Christi f’Poznan fejn n-nies  jistgħu jqimuhom sal-lum.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading