Ġwanni Pawlu II f’Toledo

Print Friendly, PDF & Email

 VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
QUDDIESA GĦAL-LAJĊI MPENJATI FL-APOSTOLAT
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Toledo, 4 ta’ Novembru 1982

Sinjur Kardinal,
għeżież ħuti.

1. Fil-kliem tal-Vanġelu li xandarna, Kristu stess jenfasizza fl-istess ħin d-dinjità u r-responsabiltà tan-nisrani. Meta l-Mulej igħid: “Intom il-melħ tal-art” (Mt 5, 13), jenfasizza fl-istess ħin li l-melħ m’għandux jitlef it-togħma jekk irid ikun utli għall-bniedem. U meta jiddikjara: “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5, 14), jindika bħala konsegwenza li dan id-dawl “idawwal lil dawk kollha tad-dar” (Mt 5, 15). U minnufih wara jinsisti: “Hekk jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, sabiex jaraw l-opri tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li huwa fis-smewwiet” (Mt 5, 16).

Huwa diffiċli li ssib metafora evanġelika iktar addattata u sabiħa biex tesprimi d-dinjità tad-dixxiplu ta’ Kristu u r-responsabiltà konsegwenti tiegħu. L-istess Konċilju Vatikan II ispira ruħu minn dan it-test evanġeliku, fid-diskorsi dwar l-apostolat tal-lajċi; jew aħjar, dwar il-missjoni tagħhom li biha jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja u fis-servizz tas-soċjetà (cf. Apostolicam Actuositatem, 6).

Intom il-melħ tal-art!

Intom id-dawl tad-dinja!

“Il-vokazzjoni nisranija hija, min-natura tagħha, vokazzjoni għall-apostolat” (Apostolicam Actuositatem, 2).

2. Fid-dawl ta’ din id-dinjità u responsabiltà, imxandra mill-Vanġelu u mill-Maġisteru tal-Knisja, nixtieq insellem lir-rappreżentanti tal-lajkat kollha ta’ Spanja u, minn din is-sedja primazjali storika ta’ Toledo, nibgħat lilhom messaġġ li jdawwal it-toroq tal-apostolat tal-lajċi f’din is-siegħa ta’ grazzja.

Insellem, qabel kollox, lis-Sinur Kardinal Arċisqof ta’ din id-dijoċesi, kif ukoll lir-Rgħajja u lill-Poplu ta’ Alla kollu ta’ Toledo u tal-Provinċja tiegħu ekkleżjastika hawn preżenti.

Is-sedja ta’ Toledo hija l-post propizju għal din il-laqgħa, minħabba l-fatt li hija marbuta b’mod intimu ma’ waqtiet important tal-fidi u tal-kultura tal-Knisja fi Spanja. Ma nistgħux ninsew il-Konċilji Toledjani li għarfu jsibu formuli adegwati għall-professjoni tal-fidi nisranija fil-kontenuti trinitarji u kristoloġici fundamentali.

Toledo kien ċentru ta’ djalogu u ta’ għixien flimkien fost il-ġnus ta’ oriġni u reliġjonjiet differenti. Kien ukoll salib it-toroq ta’ kulturi li jissuperaw il-fruntieri ta’ Spanja, biex jinfluwixxu b’qawwa kbira fuq il-kultura tal-Ewropa tal-Punent. Din hija belt ta’ tradizzjoni nisranija kbira li tirrifletti ruħha fil-monumenti artistiċi tagħha u fl-espressjoni pittorika ta’ artisti ta’ statura universali bħal El Greco.

Dawn il-valuri tradizzjonali jkomplu jinfluwixxu b’mod pożittiv dwar il-ħajja tal-poplu Toledan li għadu jżomm it-tifkira tar-Rgħajja kbar medjevali, bħal Sat’Ewġenju u Sant’Ildefonsu. Din hija t-tifkira ta’ tradizzjoni li tinfirex fuq bosta ġenerazzjonijiet ta’ nsara li tferrxu mal-Pajjiż kollu, waqt li animaw movimenti missjunarji ġenerużi f’kontinenti oħra.

F’dan ir-rigward, ma nistax nonqos li hawn, f’din il-belt imperjali, insellem lill-komunità eminenti Możarbija, werrieta tal-insara erojċi ta’ seklu ilu, li l-parroċċani tagħha jżommu ħaj, taħt ir-responsabiltà diretta tas-Sinjur Kardinal Primat, il-patrimonju spiritwali tal-liturġija venerabbli tagħhom tal-għana kbir tejoloġiku u pastorali, bla ma ninsew li fil-liturġija postkonċiljari il-kant tal-“Missierna” fi Spanja kollha huwa propju dak tal-liturġija Możarbija.

3. Minn din it-tradizzjoni ħajja li ssostni l-fidi tagħkom u tistimola r-responsabiltà tagħkom ta’ nsara, nerġgħu lura għas-sors tal-Kelma, imxandra f’din iċ-ċelebrazzjoni. Huwa l-istess Appostlu tal-ġnus li jkellimna biex jgħallimna xi tfisser tkun appostlu ta’ Kristu; huwa jisfidana  biex jindikalna dak li jesiġi s-sehem fil-missjoni tal-Knisja.

Pawlu jgħallem b’qawwa speċjali li aħna xhieda ta’ Alla f’Ġesù Kristu, u Kristu “msallab” (1 Kor 2, 1-3). Dak li jagħraf u jistqarr kif il-Mulej huwa taħt il-manifestazzjoni u l-poter tal-Ispirtu (cf. 1 Kor 2, 4).

L-insara kollha huma msejħa biex iġeddu kontinwament l-professjoni ta’ fidi, bil-kelma u bil-ħajja, bħala adeżjoni ma’ Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, msallab għall-fidwa tagħna u rxuxtat bil-poter ta’ Alla.

Tali huwa l-“għerf divin, misterjuż, miżmum moħbi, u li Alla ordna bil-quddiem sa minn qabel is-sekli għall-glorja tagħna” (1 Kor 2, 7). Dan huwa n-nukleju fundamentali tal-Vanġelu li Kristu afda lill-Knisja tiegħu u minnha trażmess fit-tradizzjoni ħajja li l-Maġisteru tas-suċċessjoni apostolika jgħallem, billi hekk jagħni l-patrimonju tal-Poplu ta’ Alla li jippossiedi s-“sens tal-fidi”, taħt l-assistenza pronta tal-Ispirtu Santu.

Hawn jitfà għeruqu n-nukleju tal-aħbar u tax-xhieda tal-fidi nisranija. Għal dan, l-ewwel atteġġjament tax-xhud tal-fidi huwa li jipprofessa din l-istess fidi li jippriedka, waqt li jħalli lilu nnifsu bil-ħlewwa jkun ikkonvertit mill-Ispirtu ta’ Alla u waqt li jassikura ħajtu għal dan l-għerf divin.

4. Ladarba xhieda ta’ Alla, aħna propjetarj li jistgħu jiddisponu kif iridu mill-bxara li rċivejna; aħna responsabbli ta’ don li jeħtieġ nittrażmettu b’fedeltà, b’biżà u trigħid minħabba d-dgħufija tiegħu, l-appostlu jafda fil-manifestazzjoni tal-Ispirtu, fil-qawwa perswassiva tal-“poter ta’ Alla” (1 Kor 2, 4-5).

Din mhix li naddattaw il-Vanġelu għall-għerf tad-dinja. Bi kliem li jistà jittraduċi l-esperjenza ta’ Pawlu, illum nistgħu niddikjaraw: mhumiex l-analisi tar-realtà, jew l-użu tax-xjenzi soċjali, jew l-impieg ta’ statistiċi, jew l-perfezzjoni ta’ metodi u tekniki organizzattivi – mezzi utli u strumenti validi, kultant – li jiddeterminaw il-kontenuti tal-Vanġelu riċevut u pprofessat. U wisq inqas se tkun il-kompliċità mal-idejoloġiji sekularizzati li se jiftħu l-qlub għall-bxara tas-salvazzjoni. L-Appostlu linqas m’għandu jħalli lilu nnifsu jiġi sedott mill-għerf pretenzjuż tal-“prinċipji ta’ dan is-seklu” (1 Kor 2, 6), ibbażat fuq il-poter, il-għana u l-pjaċiri li, waqt li jipproponu l-illużjoni ta’ feliċità umana, iwasslu fil-fatt għal qerda totali ta’ dawk li jaqgħu għall-kult tagħha.

Kristu biss! Dan inxandruh rikonoxxenti u mgħaġġba. Fih hemm diġa l-milja ta’ dak li “Alla ħejja għal dawk li jħobbuh” (1 Cor 2, 9). Din hija l-bxara li l-Knisja tafda lil dawk kollha msejħa biex ixandru, jiċċelebraw, jikkomunikaw u jgħixu l-Imħabba infinita tal-Għerf divin. Din hija x-xjenza sublimi li tippreserva t-togħma tal-melħ sabiex ma jsirx insipidu, li żżomm ħaj id-dawl tal-lampa sabiex iddawwal il-profondità tal-qalb umana u jiggwida l-aspirazzjonijiet sigrieti tagħha, ir-riċerki tagħha, it-tamiet tagħha.

5. Il-Papa jħeġġeġ lil-laċi kollha biex jassumu b’konsistenza u qawwa d-dinjità u r-responsabiltà tagħhom. Il-Papa jafda fil-lajċi Spanjoli, u jistenna ħwejjeġ kbar minnhom ilkoll għall-glorja ta’ Alla u għas-servizz tal-bniedem! Iva, bħalma diġa fakkart, il-vokazzjoni nisranija hija essenzjalment apostolika; f’din id-dimensjon ta’ servizz għall-Vanġelu biss in-nisrani se jiltaqà mal-milja tad-dinjità u r-responsabiltà propja.

Infatti il-lajċi “inkorporati ma’ Kristu bil-magħmudija u magħmula Poplu ta’ Alla u, skont il-qies tagħhom. Magħmula parteċipi mill-uffiċċju saċerdotali, profetiku u rjali ta’ Kristu” (Lumen Gentium, 31), huma msejħa għall-qdusija u huma mibgħuta biex ixandru u jwettqu s-Saltna ta’ Kristu sakemm Hu jerġà jiġi.

Jekk tridu tkunu fidili lejn din id-dinjità mhuwiex biżżejjed li nilqgħu b’mod passiv ir-rikkezzi tal-fidi mgħoddija lilkom mit-tradizzjoni u l-kultura tagħkom. Dawn joffrulkom teżor, dawn joffrulkom talenti li jridu jkunu aċċettati b’responsabiltà sabiex jagħmlu frott b’abbundanza.

Il-grazzja tal-magħmudija u tal-griżma li l-Ewkaristija ġġedded u l-penitenza tirrestawra, tippossiedi enerġiji ħajjin biex jirrivitalizzaw il-fidi u biex jorjentaw, bid-dinamiżmu ħallieq tal-Ispirtu Santu, l-attività tal-membri tal-Ġisem Mistiku. Il-lajċi wkoll huma msejħin għal dan it-tkabbir spiritwali ntern li jwassal għall-qdusija, u għal din id-dedikazzjoni apostolika ħallieqa, li tirrendihom kollaboraturi tal-Ispirtu Santu, li bid-doni tiegħu jġedded, jirriġovanixxi u jwassal għall-perfezzjoni l-opra ta Kristu (cf. Lumen Gentium, 4).

6. Se jkun meħtieg li nikkonfermaw, mill-ġdid għal darb’oħra, li t-tkabbir fid-dikjarazzjoni tal-identità nisranija tal-lajk ma tnaqqasx jew tillimita r-responsabiltajiet tiegħu; anzi tiddefinixxi, tissuplixxi u tqawwi din il-preżenza u din l-attività speċifika u oriġinali afdata mill-Knisja lil uliedha fid-diversi oqsma tal-attività personali, professjonali, soċjali?

L-istess Vanġelu jimbuttana biex naqsmu kull sitwazzjoni u kondizzjoni tal-bniedem, bi mħabba entużjasta għal dak kollu li jikkonċerna d-dinjità tiegħu u d-drittijiet tiegħu, ibbażati fuq il-kondizzjoni tiegħu ta’ krejatura ta’ Alla, “magħmul xbiha u xebħ tiegħu” (Ġen 1, 26), parteċipi tal-filjolanza divina minħabba l-grazzja ta’ Kristu.

Il-Konċilju Vatikan II ġustament enfasizza li d-dmir ewlieni tal-lajċi kattoliċi huwa dak li jimpenjaw u jittrasformaw it-tessut kollu tal-għixien flimkien uman bil-valuri tal-Vanġelu (cf. Lumen Gentium, 36) bil-bxara ta’ antropoloġija nisranija li toħroġ minn dawn il-valuri.

Pawlu VI, fl-eżortazzjoni apostolika Evangelii Nuntiandi jispeċifika b’dan il-mod dawn l-oqsma tal-apostolat tal-lajċi: “It-triq propja tal-attività evanġelatriċi tagħhom hija id-dinja wiesgħa u kumplessa tal-politika, tas-soċjali, tal-ekonomija, imma wkoll tal-kultura, tax-xjenzi, tal-arti, tal-ħajja internazzjonali, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, kif ukoll realtajiet oħra miftuħin għall-evanġelizzazzjoni, bħall-imħabba, il-familja, l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, ix-xogħol professjonali, it-tbatija…” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 70). M’hemm ebda attività umana li hija barranija għad-dmir evanġelizzatur responsabbli tal-lajċi.

7. Fost l-impenji l-iktar urġenti tal-apostolat tal-lajċi nixtieq li niġbed l-attenzjoni dwar uħud ta’ mportanza maġġuri.

B’mod konkret naħseb dwar ix-xhieda ta’ ħajja u għall-isforz evanġelizzatur li tinħtieġ il-familja nisrnija: dwar il-fatt li l-miżżewġin insara jgħixu s-sagrament taż-żwieġ bħala sehem fl-għaqda fertili u ndissolubli bejn Kristu u l-Knisja: li jkunu l-fundaturi u l-animaturi tal-knisja domestika, il-familja b’impenn ta’ edukazzjoni ntegrali, etika u reliġjuża tal-ulied; li jiftħu għaż-żgħażagħ l-orizzonti tal-vokazzjonijiet insara differenti, bħala sfida ta’ totalità għall-alternattivi tal-konsumiżmu edonista jew tal-materjaliżmu ateju.

Nitfa ħarsti fuq il-qasam wiesà tal-apostolat lajk fid-dinja tax-xogħol, mheżżeż minn kriżijiet qawwija u milqut b’mod nobbli minn aspirazzjonijiet ta’ dinjità, solidarjeta, fraternita, li huma msejħa, mill-innegabbli u kultant inkonxji għeruq insara tagħhom, biex jagħtu frott ta’ ġustizzja u ta’ żvilupp awtentikament uman.

Qiegħed nara wkoll miftuħ għal-lajk kattoliku il-qasam tal-politika, li fih bi frekwenza jittieħdu d-deċiżjonijiet l-iktar delikati rigward il-problemi tal-ħajja, tal-edukazzjoni, tal-ekonomija; u għalhekk, tad-dinjità u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġustizzja u tal-għixien flimkien paċifiku fis-soċjetà. In-nisrani jaf li minn tagħlim imdawwal tal-Knisja, u mingħajr ħtieġa li jsegwi formula politika deċiża jew ta’ partit, jikkontribwixxi għall-formazzjoni ta’ soċjetà iktar denja u rispettuża tad-drittijiet umani, ibbażata fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u tal-paċi.

Naħseb, fl-aħħarnett, għad-dinja tal-kultura. Il-lajċi kattoliċi, f’xogħlhom ta’ intellettwali jew ta’ xjenzati, ta’ edukaturi u ta’ artisti, huma msejħa biex mill-ġdid joħolqu, mill-għana mmensa kulturali tal-popli ta’ Spanja, kultura awtentika tal-verità u tal-ġid, tas-sbuħija u tal-progress, li tistà tikkontribwixxi għad-djalogu fertili bejn xjenza u fidi, kultura nisranija u ċiviltà universali.

8. Ebda nisrani mhu eżentat mir responsabiltà evanġelizzatriċi tiegħu. Ħadd ma jistà jkun sostitwit fl-esiġenzi tal-apostolat personali tiegħu. Kull lajk għandu qasam ta’ apostolat fl-esperjenza personali propja.

Il-Konċilju Vatikan II b’mod vivaċi rrakkomanda l-forom assoċjattivi tal-apostolat ta-lajċi (cf. Apostolicam Actuositatem, 18-20).

L-apostolat assoċjattiv jirriżulta fundamentali biex jgħaqqad u jesprimi l-enerġiji kollha inerenti fil-vokazzjoni nisranija, biex iqajjem mill-ġdid u jqawwi l-preżenza u x-xhieda tal-ħajja nisranija fid-diversi ambjenti u postijiet tas-soċjetà. Dan l-apostolat assoċjattiv għandu d-dmir li jissensibilizza u li jeduka l-enerġiji ħajjin kollha, għonja b’fidi u reliġjosità, li jinsabu fir-ruħ u fil-kultura tal-poplu tagħkom.

Naf li qegħdin jiġu megħluba fostkom sitwazzjonijiet kritiċi ta’ identità assoċjattiva. Waslet is-siegħa li negħlbu definittivament dawn is-sitwazzjonijiet b’analiżi ċara li tippermetti li nindividwaw il-kawżi, u fuq kollox inwarrbu l-iżbalji li setgħu infiltraw fostkom. Madankollu jiena nemmen li huma ħafna iktar qawwija l-fedeltà u l-entużjażmi mġedda tal-assoċjazzjonijiet tagħkom, li l-Papa llum irid jinkuraġġixxi bil-preżenza tiegħu, b’imħabbtu u b’talbu.

9. Illum huma numerużi u varji l-gruppi preżenti. Sinjal tal-vitalità u l-fertilità tal-fidi ta’ din l-art ta’ Spanja. Hija preżenti l-Azzjoni Kattolika fil-fergħat differenti tagħha; huma rappreżentati il-movimenti ta’ spiritwalità, il-gruppi familjari, dawk ġovanili… Panorama wiesgħa li tarrikkixxi l-vitalità tal-Ġisem ta’ Kristu. Insellem lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda tal-movimenti u tal-assoċjazzjonijiet rappreżentati.

U, quddiem l-impossibiltà li tingħad kelma speċifika lil kull wieħed u waħda, nixtieq noffrilkom xi riflessjonijiet ċentrati fuq dak li jikkaratterizzakom u fl-istess ħin jgħaqqadkom: l-ekkleżjalità tagħkom.

Intom Knisja! Minn din il-karatteristika fundamentali jitnisslu l-karatteristiċi ta’ ħajja, ta’ imħabba, ta’ servizz u ta’ preżenza li għandhom ikunu b’mod awtentiku ekkleżjali. Minn hawn il-ħtieġa ta’ komunjoni mingħajr xquq mal-komunjoni tal-Knisja, ta’ ħajja mitmugħa mis-sorsi tas-sagramenti, ta’ ubbidjenza iffertilizzata bl-imħabba u responsabbli lejn ir-rgħajja tal-Knisja.

Intom Knisja! Tridu turuh ukoll b’komunjoni u kollaborazzjoni miftuħa bejn il-kariżmi differenti tagħkom, il-forom differenti ta’ apostolat u ta’ servizz, billi tippromwovu l-integrazzjoni tagħkom fil-Knejjes partikolari u fil-komunitajiet parrokkjali, fejn tiltaqà u tinġabar viżibilment il-familja ta’ Alla.

Is-saċerdoti, li lilhom afdat d-dmir ta’ animazzjoni spiritwali tal-gruppi u tal-movimenti, għanfhom jirrapreżentaw fostkom din il-garanzija ta’ ekkleżjalità u ta’  komunjoni.

Kunsillieri u assistenti tal-apostolat lajk, għeżież saċerdoti li taħdmu f’komunjoni fraterna mal-lajċi, lilkom ngħidilkom: ħossukom għal kollox identifikati mal-assoċazzjoni jew il-grupp li ġie afdat lilkom; ħudu sehem fl-ansjetajiet u l-preokkupazzjonijiet tagħhom, kunu sinjal ta’ għaqda u ta’ komunjoni ekkleżjali, edukaturi tal-fidi, animaturi tal-ispirtu awtentiku apostoliku u missjunarju tal-Knisja.

10. Nixtieq nispiċċa b’rakkomandazzjoni speċjali li nafda lill-qalb nisranija tal-lajċi kollha ta’ Spanja.

Ma jeżisti, linqas jistà jeżisti ebda apostolat (la għas-saċerdoti u linqas għal-lajċi) mingħajr ħajja nterna, mingħajr talb, mingħajr tensjoni perseveranti lejn il-qdusija. Din il-qdusija, skont il-kliem li xandarna f’din iċ-ċelebrazzjoni, hija d-don tal-Għerf, li għan-nisrani huwa attwazzjoni partikolari tal-Ispirtu Santu riċevut fil-magħmudija u fil-griżma: “Alla jippermettili li skont għarfien / li naħseb b’mod dehen tad-doni riċevuti, / għaliex hu gwida tal-għerf u l-għaqlin jirċievu mingħandu orjentament. / Fil-poter tiegħu ninsabu aħna u kliemna, / kull intelliġenza u kull ħila tagħna” (Għerf 7, 15-16).

Intom ilkoll imsejħa għall-qdusija! Hekk kif iffjorixxew xhidiet tal-għaġeb ta’ qdusija fi Spanja tas-Seklu tad-Deheb għar-Riforma kattolika u l-Konċilju ta’ Trentu, hekk iffjorixxew, fl-epoka tat-tiġdid ekkleżjali tal-Vatikan II, xhidiet ġodda ta’ qdusija, b’mod speċjali fost il-lajċi ta’ Spanja. Għandkom bżonn tal-abbundanza tal-Ispirtu Santu biex twettqu bl-Għerf tiegħu id-dmir ġdid u oriġinali tal-apostolat lajk! Għal dan hemm bżonn li tkunu magħqudin ma’ Kristu, biex tieħdu sehem fil-funzjoni saċerdotali, profetika u rjali tiegħu, fiċ-ċirkustanzi diffiċli u meraviljużi tal-Knisja u tad-dinja tallum.

11. Iva. Hemm bżonn li nkunu f’idejh biex inkunu nistgħu nwettqu l-vokazzjoni nisranija tagħna!

F’idejh biex inwasslu lil kulħadd għand Alla!

F’idejn il-Għerf etern biex nieħdu sehem b’mod fruttuż tal-missjoni tal-istess Kristu!

F’idejn Alla biex nibnu s-saltna tiegħu fir-realtà temporali ta’ din id-dinja!

Għeżież ħuti.

Illum nitlob lill-Mulej, għalikom ilkoll, għal-lajċi kollha, qdusija li tiffjorixxi f’apostolat oriġinali u krejattiv, mimli b’għerf divin.

Nitlobkom permezz tal-interċessjoni tal-Verġni, li hawn f’Toledo, fost l-invokazzjonijiet l-oħra, għandha it-titlu sabiħ evanġeliku ta’ Sidtna tal-Paċi, sabiex tkunu fid-dinja bennejja tal-paċi ta’ Kristu.

Flimkien miegħu infakkarkom d-dinjità tagħkom u r-responsabultà tagħkom:

Intom il-melħ tal-art!

Intom id-dawl tad-dinja!

Qabel ma nispiċċa, irrid nistedinkom biex tgħollu talbkom għall-aħħar vittma u għall-vittmi kollha tat-terroriżmu fi Spanja, sabiex in-nazzjon, li jħossu ferut fl-aspirazzjonijiet tal-paċi u l-ftehim profondi, jikseb mingħand il-Mulej li jkun meħlus mill-fenomenu mnikket tat-terroriżmu u li kulħadd jifhem li l-vjolenza mhijiex triq ta’ soluzzjoni għall-problemi umani, minbarra li hija dejjem antikristjana. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading