VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
QUDDIESA FIL-PARROĊĊA TA’ SAN BARTOLOMÉ DI ORCASITAS
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Madrid, 3 ta’ Novembru 1982
Sinjur Kardinal,
ħuti fl-Episkopat,
Għeżież ħuti.
1. “Il-ġebla li warrbu l-bennejja hija issa l-ġebla tax-xewka . . .” (Mk 12, 10).
B’dan il-kliem inkoraġġanti meħud mis-Salm (Sal 118 [119], 1), li San Mark iqiegħed fuq xuftejn Ġesù, il-komunità nisranija primittiva ċċelebrat ferrieħa l-glorja tal-Irxoxt, ferħ disseminat ta’ dawk li jħossuhom salvi u kuntenti fil-kostruzzjoni l-ġdida ta’ Alla: il-Knisja.
Il-ġebla, jgħid San Pawl (1 Kor 10, 4b), “kien Kristu”. U jżid (1 Kor 3, 11): “rigward is-sies, ħadd ma jistà jqiegħed ieħor differenti minn dak li diġa kien hemm, li huwa Ġesù Kristu”.
Ġesù Kristu, huwa, mela, il-ġebla fondamentali tat-tempju l-ġdid ta’ Alla (cf. Ef 2, 20). Imwarrab, skartat, abbandunat, mogħti bħala mejjet – dak iż-żmien u issa – il-Missier qegħdu u jqiegħedu għal dejjem bħala bażi solida u li ma tiċċaqlaqx tal-binja l-ġdida. U jirrendih tali minħabba l-qawmien mill-imwiet glorjuż tiegħu. “Din hija l-opra ta’ Jahwé, tal-għaġeb għal għajnejna”.
“Fuqu, għall-fidi fil-qawmien mill-imwiet tiegħu, huma mibnija l-insara. Hekk jgħallem l-Appostlu Pietru, fl-ewwel ittra tiegħu: “Iggranfati miegħu, ġebla ħajja, mwarrba mill-bnedmin, imma magħżula u prezzjuża quddiem Alla, intom ukoll tiġu wżati bħala ġebel ħaj għall-bini ta’ bini spiritwali, għal saċerdozju qaddis . . .” (1 Pt 2, 4-5).
It-tempju l-ġdid, ġisem ta’ Kristu (cf.Ġw 2, 21), spiritwali, inviżibbli, huwa mibni minn kulħadd u minn kull wieħed mill-imgħammdin, fuq il-“ġebla tax-xewka” ħajja, Kristu (Ef 2, 20), bil-qies li bih jingħaqdu u fih jikbru, sal-“milja ta’ Kristu (Ef 2, 13). F’dan it-tempju u permezz tiegħu, “għamara ta’ Alla permezz tal-Ispirtu” (Ef 2, 21 b), huwa gglorifikat bis-saħħa tas-“saċerdozju qaddis”, li joffri “sagrifiċċji spiritwali” (1 Pt 2, 5), u s-Saltna tiegħu tistabilixxi ruħha fid-dinja.
Il-quċċata ta’ dan it-tempju ġdid tippenetra fis sema, waqt li fuq l-art, Kristu, il-ġebla tax-xewka, issostnih permezz tas-sies tal-Appostli u tal-Profeti” (Ef 2, 20), u dawk li jiġu warajhom, jiġifieri, fl-ewwel post, il-Kulleġġ tal-Isqfijiet, u l-“ġebla” li hija Pietru (Mt 16, 18).
Ta’ din r-realtà ekkleżjali splendida mimlija b’lezzjonijiet u sinifikati għal kull nisrani, huwa simbolu kull tempju viżibbli, bħal dan li quddiemu ninsabu, u li jiġbor fih il-membri tal-wirt ta’ Kristu li jikkostitwixxu parroċċa, fi Knisja lokali.
2. Għaddew ħafna sekli miż-żminijiet ta’ Kristu. Il-wirt ta’ Alla kompla jikber b’mod meraviljuż – mhux mingħajr li jtennu ruħhom ir-rifjuti, n-nuqqas ta’ fehim u l-ġlied – fuq il-ġebla tax-xewka: Kristu li miet u rxoxta. Kuljum huma l-bnedmin u l-popli li jaċċettawh b’fidi u bi mħabba, li jfittxu fih is-sies solidu biex jibni dinja aħjar u iktar magħquda, fejn iħossuhom sikuri taħt il-ħarsien ta’ tjieba ta’ Alla wieħed u Missier. Fost dawn il-popli kollha li ma jwarrbux, imma li jagħmlu mill-fidi f’Ġesù iċ-ċentru tal-istorja tagħhom, hemm il-maħbuba Spanja, profondament nisranija; fost dawn il-bnedmin, werrieta ta’ Alla permezz tal-magħmudija li tirrendihom simili għall-iben mejjet u rxuxtat, hemm ukoll intom, ħuti ta’ din il-parroċċa Madrilena ta’ Orcasitas, miġburin madwar l-altar tal-istess Kristu. Inħosskom ilkoll qrib tiegħi u nilqagħkom bħala membri l-iktar maħbubin tal-Knisja tiegħu.
Din il-laqgħa timlieni bi pjaċir intimu, għaliex iġġegħlni nerġà hawn ngħix iż-żjajjar perjodiċi fil-parroċċi ta’ Ruma, dijoċesi tas-suċċessur ta’ Pietru; parroċċi li spiss jinsabu, bħal din tagħkom, fiż-żoni periferiċi tal-belt jew ta’ kostruzzjonijiet ġodda. Mhux b’ċerta nostalġija niftakar ukoll ix-xogħol ministerjali tiegħi fil-parroċċi ta’ art twelidi, bħala saċerdot, u mbagħad iż-żjajjar pastorali bħala Arċisqof ta’ Krakovja.
3. Naf li din il-parroċċa nbniet gradwalment b’abitanti li ġew minn postijiet differenti. Naf ukoll sewwa t-tbatijiet tagħkom ta’ ħaddiema. Ix-xewqa kbira tiegħi hija li tikber ukoll ħajjitkom ta’ ċittadini u li jsiru realtà x-xewqat li mbuttawkom biex tiġu u t-titjib li għalih taspiraw u li għalih għandkom dritt sħiħ. Fl-istess ħin nieħu r-responsabiltà tal-problemi numerużi u gravi li jinqalgħu fi kwartier ġdid, u kważi dejjem b’konsegwenzi preokkupanti mhux biss ta’ ordni lavorattiva, imma wkoll familjari, reliġjużi u morali. Dawn huma problemi umani, imqanqla l-biċċa l-kbira minħabba l-urbanizzazzjoni mgħaġġla u l-bidu iebes ta’ popolazzjonijiet periferiċi invażivi, li bosta drabi jiddisturbaw ir-ritmu trankwill tal-okkupazzjonijiet abitwali, waqt li jikkondizzjonaw notevolment il-ħajja ta’ kuljum, billi forsi jċajpru d-drawwiet reliġjużi, saħansitra dawk l-iktar radikati.
Il-Knisja, wirt ta’ Alla solidali max-xorti tal-bniedem f’kull waqt storiku, ma tqisx kondizzjonamenti bħal dawn bħala ostakoli nsuperabbli biex twassal għal tmiemha l-missjoni tagħha; bil-maqlub, tara fihom l-inċitament biex tipprogressa b’sagrifiċċju u dedikazzjoni, skont il-bżonn, sabiex l-opra redentriċi ta’ Kristu ma ġġarrab ebda xkiel. Dan it-tempju ġdid jistedinkom b’żelu biex tagħtu xhieda, bħala persuni u bħala komunità parrokkjali, tal-fatt li intom magħqudin fi Kristu fl-istess fidi u fl-istess tama. Dan it-tempju se jkun sinjal tal-bini permanenti tas-Saltna ta’ Alla fikom u f’Pajjiżkom. Din hija d-dar ta’ Alla u tagħkom. Qisuh, mela, bħala post fejn tiltaqgħu mal-Missier komuni. Nieħu gost li naf li taħt l-impuls tas-Sinjur Kardinal Arċisqof qiegħed jiżviluppa ruħu f’Madrid programm vast ta’ kostruzzjoni ta’ Knejjes parrokkjali. Nieħu gost b’dawk li qegħdin jieħdu sehem f’dan l-impenn ekkleżjali.
Impermettuli li nieqaf ftit issa fuq xi punti li, minħabba li jiena Ragħaj u responsabbli tal-Knisja universali, inqis ta’ mportanza partikolari sabiex ikompli jikber, għall-ġid tagħkom u tal-familja ekkleżjali kollha, il-bini spiritwali ta’ din il-komunità.
4. Ma ninsabx hawn magħkom sempliċement quddiem tempju, imma f’parroċċa u, f’din intom imsejħa biex tiffurmaw ħaġa waħda biss fi Kristu, u mbuttati biex tixhdu l-vokazzjoni komunitarja tagħkom.
Fil-fatt, parroċċa hija, komunità ta’ bnedmin li, minħabba l-magħmudija, huma personalment u soċjalment marbutin mas-saċerdozju ta’ Kristu: Għad-dedikazzjoni sħiħa li Kristu għamel minnu stess għall-kult u għat-tifħir ta’ Alla, Ħallieq u Missier. Intom parroċċa, l-ewwel u qabel kollox, grazzi għall-fatt li Kristu huwa hawn: f’nofskom, magħkom u fikom. Intom parroċċa, għaliex intom magħqudin ma’ Kristu, b’mod speċjali grazzi għall-memorjal tas-Sagrifiċċju uniku offrut fil-Ġisem u d-Demm tiegħu fuq is-Salib: li jirrendi ruħu preżenti u jiġġedded fil-Knisja bħala s-sagrifiċċju sagramentali tal-ħobż u tal-inbid. Dan is-sagrificcju ewkaristiku jimmarka r-ritmu kostanti tal-ħajja tal-Knisja u wkoll tal-parroċċa tagħkom. Iċċentraw l-attivitajiet parrokkjali tagħkom fuq is-Sagra Ewkaristija, fil-laqgħa personali ma’ Kristu, Mistieden perenni tagħna! Nixtieq, b’mod speċjali, infakkarkom il-bżonn li nieħdu sehem fil-Quddiesa mqaddsa fil-ħdud u fil-jiem festivi.
L-għaqda ma’ Ġesù fl-Ewkaristija taffettwa f’ħajjitkom u tagħni l-parroċċa tagħkom, sabiex il-komunità nisranija tikber u tissaħħah grazzi għax-xhieda ta’ ħajja li l-membri tagħha jafu joffru. F’dan ir-rigward, huwa fundamentali li l-ġenituri jagħtu fil-familji tagħhom eżempju ta’ ħajja konsistenti, u li l-membri tad-diversi gruppi u assoċjazzjonijiet ikunu jafu jkunu dixxipli tajbin ta’ Kristu, ġenerużi ma’ kulħadd, inklużi dawk li għadhom juru ruħhom indifferenti għall-messaġġ nisrani.
Partikolari mportanza għandu l-impenn ta’ karità lejn dawk li, għal mottiv jew għal ieħor, jinsabu fil-bżonn. Il-fqar, il-morda, l-anzjani, l-invalidi. Jirrapreżentaw “appelli” ugwali li bihom Alla jħabbat il-bieb ta’ qlubkom. Itolbu lilu l-ġenerożità meħtieġa biex twieġbu b’dedikazzjoni, skont il-forma adegwata għal kull każ.
5. “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda” (Ef 4, 5), kantaw ta’ spiss, ferrieħa quddiem il-misteru tal-għaqda tal-Knisja universali.
Dmir ipprivileġġjat tal-parroċċa huwa li żżomm u tirrendi viżibbli din l-għaqda. Din għandha tkun akkoljenti għal kulħadd, billi tikkollabora “mal-għaqda tal-ġeneru uman kollu”. Ħadd fostkom m’għandu jħossu barrani. Irriflettu, fil-manifestazzjonijiet kollha tal-ħajja parrokkjali, li, billi intom parti mill-Knisja, intom strument ta’ għaqda ma’ Alla u ta’ għaqda fost il-bnedmin.
Mhemmx għajr Knisja waħda ta’ Ġesù Kristu, li hija bħal siġra kbira li fiha sibna l-bejta tagħna. Din hija għaqda profonda, vitali, li hija don ta’ Alla. Din mhijiex biss, linqas fuq kollox, għaqda esterna; din hija misteru u don.
Ikun impenn inutli u nġust li wieħed jippretendi l-għaqda fil-livell ta’ komunità żgħira jekk fiha tkun ittraskurata l-għaqda profonda fil-fidi, fis-sagramenti tal-fidi, fil-karità. Huwa fi Kristu, Kap tal-Knisja, fid-duttrina tiegħu, fis-sagramenti tiegħu, fil-mibgħutin tiegħu, fil-għaqda ma’ Kristu li twettaq lilha nfisha u tbaqbaql-għaqda.
Il-grazzja ta’ Kristu tkompli tasal bla ma taqtà permezz tal-Knisja viżibbli. Ftakru sewwa kif il-Mulej jindika lill-Appostli tiegħu: “Min jismà lilkom jismà lili” (Lq 10, 16), u jagħti lil Pietru u lill-Appostli s-setgħa li jħollu u jorbtu (cf. Mt 16, 18; 18, 18).
L-għaqda turi ruħha, mela,madwar dak li, f’kull dijoċesi, jiġi maħtur bħala Ragħaj; l-Isqof. U l-għaqda sħiħa tal-Knisja turi ruħha madwar il-Papa, suċċessur ta’ Pietru, “bidu u sies perpetwu u viżibbli tal-għaqda kemm tal-Isqfijiet kif ukoll tal-massa tal-fidili” (Lumen Gentium, 23). Mod differenti ta’ proċediment, kemm personalment kif ukoll fi grupp, kwalunkwè mod ieħor ma jwassalx għajr għall-firda mill-ħajja (cf. Gv 15, 1-6).
Intom parroċċa żagħżugħa, għadha kemm twieldet, għad għandha bżonn tant affarijiet. Madankollu tridu taħsbu mhux biss għalikom infuskom, imma wkoll għall-oħrajn. Hemm bżonn tibnu bit-talb tagħkom u bl-impenn tagħkom l-iżvilupp tal-Kristjaneżmu f’din il-belt u fid-dinja kollha. Itolbu b’żelu li fost iż-żgħażagħ tagħkom jitwieldu vokazzjonijiet saċerdotali, li jistgħu jwasslu l-leħen ta’ Kristu lill-parroċċi oħra u – għaliex le? – ukoll lil artijiet u nazzjonijiet oħra.
6. Fi tmiem il-laqgħa tagħna, irrid inbierek minn qalbi din l-opra u lill-Knejjes l-oħra li qegħdin jinbnew jew se jinbnew f’din iż-żona, fil-kwartieri l-iktar ippopolati tal-arċidijoċesi Madrilena u tal-bliet l-oħra ta’ Spanja.
Ħafna minnkom hawn preżenti għexu d-diffikultajiet tal-bini ta’ dan it-tempju, u ħadu sehem mela fil-ferħ tal-bini tiegħu, tad-dedikazzjoni tiegħu għall-kult ta’ Alla. U llum qegħdin jieħdu sehem miegħi fil-ferħ ta’ din il-laqgħa. Hekk jiġri wkoll għall-bini ta’ dan it-tempju ta’ Alla li huwa kull wieħed u waħda minna. Iqum biex nibnuh, għaliex dan il-bini jirrikjedi is-superament tal-egoiżmu, tar-rabja, jesiġi sabar, fedeltà, kastità, żmien u rettitudni. Iżda fi tmiem dan l-isforz, jistenniena l-ferħ li jakkumpanja lil dawk li huma wlied tajbin ta’ Alla.
La tinsewx: il-parroċċa mhijiex biss post li fih jiġu ċċelebrati xi ċerimonji u jiġi mgħallem il-katekiżmu; hija wkoll l-ambjent ħaj li fih il-katekiżmu għandu jattwa ruħu. Il-ġebel materjali jew l-istruttura esterna tal-Knisja għandhom dejjem ifakkrukom li intom “ġebel ħaj”, li għandkom tinbnew kostantament fi Kristu, skont il-qies u l-eżempju ta’ Kristu, fid-dimensjoni personali, familjari u soċjali. Dan il-bini huwa diġa mibni. Ibnu issa ħajjitkom skont ir-rieda ta’ Alla.
Minħabba dan, intom dejjem qrib l-Imqaddsa Verġni. Hija iġġenerat fi ħdanha lil Sidna u Salvatur tagħna. Se tiġġenera ugwalment l-erwieħ tagħkom jekk titolbu b’mod fiduċjuż l-għajnuna tagħha. Jinterċiedi wkoll għalikom San Bartilmew. Patrun tagħkom. Hekk ikun.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb