“Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

 “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”

Fl-Aħħar Ċena mal-appostli Tiegħu,Ġesù bierek il-Ħobż u l-Inbid,radd il-ħajr,iddikjarhom bħala Ġismu u Demmu,u għaddiehom lill-appostli biex jieklu u jixorbu minnhom filwaqt li  qalilhom:“Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi.” (Luqa 22,19; Matt.26,26-28; Mk.14,22,24).

Normalment,kull meta nitkellmu dwar xi tifkira naħsbu u niftakru f’xi ġrajja/iet jew persuna/i f’termini ta’ bħallikieku “qed insejħuhom f’moħħna”,naħsbu fihom u nagħmluhom preżenti mentalment f’moħħna. Lapidi, monumenti, statwi, jew servizzi kommemorattivi jfakkruna  f’ġrajjiet sinifikanti fl-Istorja u f’dawk li kienu involuti fihom. L-istess…ritratti,santi,jew tifkiriet oħra tal-maħbubin tagħna li mietu,jew li jgħixu ‘l bogħod minna jgħinuna biex niftakru fihom.

Il-Quddiesa hija wkoll tifkira! Madanakollu,mhijiex tifkira fl-istess sens u mod bħall-eżempji li għadna kemm semmejna. Il-Quddiesa u ċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jagħmlu wisq aktar minn hekk!…ma jillimitawx  ruħhom sempliċiment biex iġibu f’moħħna u niftakru fil-Misteru tal-Għid: il-Passjoni,il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu. Li kieku l-Quddiesa hija biss tifkira fl-użu komuni tat-terminu,allura hija biss preżentazzjoni drammatika teatrali,pageant fuq palk jew saħansitra anki fil-knisja,bħalma  nistgħu naraw ħafna minnhom issa matul daż-żmien tar-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira. Dawn huma tabilħaqq preżentazzjonijiet sbieħ u meħtieġa għax jagħmlu preżenti f’moħħna,permezz tas-sensi tagħna,il-ġrajjiet li seħħew fl-Aħħar Ikla,il-Passjoni,il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu.

IMMA l-Quddiesa u l-Ewkaristija mhumiex dat-tip ta’ preżentazzjoni simbolika u teatrali imma huma ATTWAZZJONI vera u reali tat-Twaqqif tal-Ewkaristija,tal-Passjoni,tal-Mewt u l-Qawmien ta’  Kristu. Dak li seħħ fiċ-Ċenaklu,fuq il-Kalvarju u fil-Qabar ta’ Kristu aktar minn elfejn sena ilu qegħdin jerġgħu jitwettqu,illum fi żmienna, realment quddiemna fil-quddiesa…..imma din id-darba mhumiex is-sensi  li jgħinuna biex naraw u nifhmu dan imma hi biss il-Fidi sħiħa tagħna fi Kristu u fi Kliemu,bil-Qawwa u l-Intervent Sopranaturali u Spiritwali tat-Tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa.

Biex naslu biex nifhmu xi tkun qed tfisser il-Knisja meta tirreferi għall-Quddiesa u l-Ewkaristija bħala tifkira tas-Sagrifiċċju ta’ Kristu rridu nifhmu l-fehim u l-ħsieb Skritturali ta’ din l-istqarrija.Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jispjega dan b’dal-mod:“Fis-sens tal-Iskrittura Mqaddsa t-tifkira mhix sempliċiment il-ġabra ta’ ġrajjiet tal-imgħoddi,imma tħabbira tal-għeġubijiet li Alla għamel mal-bnedmin.(Eż.13,3).Fiċ-Ċelebrazzjoni Liturġika ta’ dawn il-ġrajjiet,dawn b’xi mod isiru preżenti u attwali. (KKK.1363).

Fit-Testment il-Ġdid it-tifkira tieħu tifsira ġdida u aktar profonda. Dan,il-Katekiżmu jispjegah eżattament hekk:”It-tifkira tieħu tifsira ġdida fit-Testment il-Ġdid.Meta l-Knisja tiċċelebra l-Ewkaristija,hija tagħmel t-tifkira tal-Għid tal-Mulej u dan iseħħ:is-sagrifiċċju li  Kristu offra  darba għal dejjem fuq is-Salib jibqa’ dejjem ta’ llum” ( Lq.7,25-27). “Kull darba li s-sagrifiċċju tas-Salib,li bih Kristu l-Għid tagħna ġie ssagrifikat,jiġi ċċelebrat fuq l-artal l-Opra tal-Fidwa tagħna sseħħ”. (Silta mid-Dokument tal-Konċilju Vatikan II, Lumen Gentium,3).(KKK.1364)

Il-Quddiesa bħala sagrifiċċju hija l-preżentazzjoni mill-ġdid u t-tifkira tas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-Salib.Il-Katekiżmu jirreferi għall-Ewkaristija bħala t-”tifkira sagrifiċċjali” (bil-Latin: memoriale Sacrificium) ta’ Kristu u jispega li l-quddiesa hija sagrifiċċju għax hija t-tifkira tal-Għid ta’ Kristu.”Il-karattru sagrifiċċjali tal-Ewkaristija,jidher mill-kliem stess tal-istituzzjoni:”Dan hu Ġismi li jingħatha għalikom” u “Dan il-Kalċi hu l-Patt il-Ġdid b’Demmi,id-Demm li jixxerred għalikom”(Lq.22,19-21).Fl-Ewkaristija Kristu jagħti l-istess Ġisem li ngħata għalina fuq is-Salib,l-istess Demm “li xxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet” (Mt.26,28).(KKK. 1365).

L-Ewkaristija hija tifkira mhux sempliċiment għax hi memorja li tfakkarna u tagħmel preżenti f’moħħna dak li wettaq Kristu fl-aħħar Ċena,imma għax iċ-Ċelebrazzjoni Liturġika tal-Ewkaristija tagħmel din il-Ġrajja tassew preżenti u reali fostna u għalina. Fi kliem ieħor, meta aħna qegħdin nirċievu l-Ewkaristija mhux qed nirrepetu l-azzjoni ta’ Ġesù tal-passat, imma qed nidħlu fl-istess azzjoni ta’ Ġesù f’dak il-mument stess. Dan ifisser li qed nagħmlu bl-aktar mod  mirakoluż l-azzjoni li wettaq Ġesù fil-Passat preżenti fina stess.

Qed jitwettaq  Miraklu Ewkaristiku ieħor fina stess. Għaldaqstant, fil-verità, ma għandniex għax nistagħġbu bil-Mirakli Ewkaristiċi kollha li qed nitkellmu dwarhom f’din is-sensiela.

Ġesù espressament qal:”Dan hu Ġismi u Demmi: Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi.” u hawn Huwa afferma kategorament u espliċitament il-Preżenza Reali Tiegħu fl-Ewkaristija.

Il-Miraklu Ewkaristiku f”Faverney, Franza

Fis-seklu 17,il-Protestantiżmu u l-Kalviniżmu nfirxu malajr fi Franza permezz tal-ħafna benefiċċji materjali mogħtija minn dawn il-denominazzjonijiet reliġjużi mhux Kattoliċi lill-membri tal-nobbiltà Franċiża,lill-kleru Kattoliku,u b’xi mod ukoll lill-poplu.Dan minbarra d-duttrini mhux Kattoliċi li bdew jipprietkaw u jxerrdu fil-pajjiż.Dan poġġa f’riskju l-Fidi Kattolika ta’ ħafna nies u ħoloq inċertezza reliġjuża fil-komunità Kattolika,saħansitra anki fost il-kleru u r-reliġjużi fil-monasterji.

Fid-belt ta’ Faverney kien hemm Abbazija Benedittina li l-monaċi tagħha kienu wkoll bdew  jillaxkaw sew mill-osservanza tar-regoli monastiċi tal-Fundatur tagħhom. Huma kellhom biss devozzjoni u qima kbira lejn il-Madonna ta’ Notre Dame la Blanche, magħrufa ħafna fiż-żona kollha għal ħafna mirakli bl-interċessjoni tagħha, fosthom anki r-ritorn għall-ħajja ta’ żewġ trabi li kienu għadhom ma tgħammdux.  Fil-velja tal-Festa ta’ Pentekoste,bejn il-23 u l-25 ta’ Mejju 1608, il-monaċi ddeċidew li iħejju artal proviżorju għall-Espożizzjoni u l-Adorazzjoni pubblika tas-Santissimu Sagrament.Peress li l-lunetta  tal-Ostensorju kienet kbira  ddeċidew li jpoġġu żewġ Ostji kkonsagrati.Meta spiċċa l-Għasar il-monaċi ħallew l-Ostensorju Espost fuq l-artal b’żewġ lampi taż-żejt mixgħula quddiemu.

L-għada filgħodu s-sagristan Don Garnier meta fetaħ il-knisja sabha mimlija dħaħen u fjammi telgħin minn kull naħa tal-artal, u bl-artal spiċċa kollu irmied. Beda jgħajjat u jsejjaħ  lill-patrijiet li dawn flimkien ma’ xi nies  mill-ewwel ingħaqdu fl-isforzi tiegħu biex ineħħu l-irmied bit-tama li jsibu xi parti mill-Ostersorju bl-Ewkaristija fih u   jsalva ukoll il-knisja minn dawk in-nirien. Hekk kif bdew jintfew il-fjammi n-novizz Hudelot innota xi ħaġa straordinarja!  L-Ostensorju kien sospiż fl-arja mingħajr ebda appoġġ; jegħleb kemxejn  lejn il-gradilja fuq wara tal-artal mingħajr ma jmiss jew jistrieħ magħha..

L-aħbar inxterdet malajr.Il-knisja ma ma damitx ma mtliet bir-raħħala u qassisin mill-inħawi kollha tal-madwar flimkien mal-patrijiet Kapuċċini ta’ Vesoul biex jaraw did-dehra Ewkaristika tabilħaqq straordinarja. Ħafna niżlu għarkobbtejhom waqt li x-xettiċi resqu jeżaminaw b’reqqa u interess kbir dak li kien qiegħed  iseħħ quddiem għajnejhom. Ir-reliġjużi tħawdu u ma setgħux jieħdu deċizjoni x’jaqbdu jagħmlu, għalhekk  talbu l-pariri tal-patrijiet Kapuċċini ta’ Vesoul,li dawn mill-ewwel ħejjew artal ġdid fuq dak maħruq biex titqaddes quddiesa li kienet iċċelebrata minn Patri Nicholas Aubry. Waqt il-Konsagrazzjoni, l-Ostensorju, li kien ilu sospiż fl-arja niżel waħdu bil-mod fuq l-artal il-ġdid fil-preżenza tal-kleru u l-poplu. L-Ostji kkonsagrati fih baqgħu intatti.

L-Arċisqof ta’  Besançon, Ferdinand de Rye, ġie mgħarraf  minnufih b’ dan il-Miraklu Ewkaristiku li ordna biex minnufih  jinbeda proċess kanoniku biex jiġi studjat u mistħarreġ dal-Miraklu.  Kien hemm 54 dikjarazzjoni ġuramentata ta’ xhieda li raw dal-Miraklu. Meta fl-10 ta’ Lulju ntemm il-proċess,l-Arċisqof iddikjara l-Miraklu bħala awtentiku,u fit-13 ta’ Settembru, l-Arċisqof ta’ Rodi, li kien in-Nunzju Appostoliku f’Brussell għarraf lill-Papa Pawlu V b’dal-miraklu li ppubblika Bolla Pontifiċja taIndulġenzi.

Tpoġġiet lapida tal-irħam fil-post fejn saret is-sospensjoni tal-Ostensorju,li fuqha ġew imnaqqxa  l-kelmiet “Lieu Du Miracle” li jfissru “Il-Post tal-Miraklu”.

Dal-Miraklu ġedded il-Fidi Kattolika ta’ ħafna fi Franza. Fis-sena 1862,il-Kongregazzjoni tar-Riti tal-Vatikan awtorizzat iċ-Ċelebrazzjoni tal-Miraklu.Fl-1908 ġie mfakkar Solennement it-Tielet Ċentinarju ta’ dal-Miraklu b’Kungress Ewkaristiku Nazzjonali. Anke llum għadu possibbli li wieħed jara u jqim r-relikwja li fiha hemm waħda miż-żewġ Ostji li baqgħu intatti.Sfortunatament,l-Ostja l-oħra wara li ngħatat lill-knisja ta’ Dole,inqerdet mir-rivoluzzjonarji Franċiżi fis-sena 1794.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading