Ir-rabta Ewkaristika mal-Qawmien ta’ Kristu, u mirakli oħra

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Ir-Rabta tal-Ewkaristija mal-Qawmien ta’ Kristu mill-Mewt

It-taqsima,bit-titlu It-Tifkira Sagrifiċċjali ta’ Kristu u tal-Ġisem Tiegħu (bil-Latin: Memoriale Sacrificium Christi et Corporis Eius)  tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika tibda b’din l-istqarrija: L-Ewkaristija hi t-tifkira tal-Għid ta’ Kristu, it-tiġdid u l-offerta Sagramentali tas-sagrifiċċju waħdieni Tiegħu, fil-Liturġija tal-Knisja, li hi l-Ġisem Tiegħu. Fit-talbiet Ewkaristiċi kollha nsibu, wara l-kliem tal-istituzzjoni talba msejħa anamnesis jew tifkira” (KKK par. 1362).  Dan il-kunċett hu mtenni diversi drabi f’din it-taqsima u f’taqsimiet oħra tal-Katekiżmu.

Fis-Summa Theologiae  (Q.79 a.1) tiegħu San Tumas ta’ Akwinu jitkellem fuq l-Ewkaristija bħala Sagrament li jġibna fil-preżenza tal-Kristu Paskali: Kristu li miet u Rxoxta għall-Fidwa tagħna. Għalhekk, jispjega kif l-Ewkaristija hi repraesentatio tas-sagrifiċċju tal-Kalvarju – repraesentatio fis-sens li hi “ri-preżentazzjoni” (mhux sempliċi ‘rappreżentazzjoni’) tas-Sagrifiċċju tas-Salib. U dan għax mhijiex sempliċi tifkira ta’ dak is-Sagrifiċċju, iżda hi Ċelebrazzjoni  li tagħmel preżenti dak is-Sagrifiċċju li twettaq darba għal dejjem, iżda li jisboq (jissupera) kull limitu ta’ spazju u żmien. 

L-Ewkaristija hija intrinsikament marbuta mal-Qawmien tal-Ġisem ta’ Ġesù.M’hemmx Ewkaristija Mqaddsa mingħajr il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu. U x’inhu dan il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu jekk mhux għajr dak ta’ Ġesù Irxoxta! Bil-Passjoni u l-Mewt Tiegħu  Kristu tilef ammont kbir ta’ Demm, u ġismu kien ifflaġġellat: ” wiċċu tħassar , donnu ma kienx ta’ bniedem,u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem” (Isaija 52, 14),iżdaissa Ġismu mill-ġdid kiseb is-sura ta’ bniedem – u glorjuż – bil-Qawmien Tiegħu.Għalhekk meta nirċievu l-Ewkaristija qed nirċievu lil Kristu Irxoxtat- bil-Ġisem, Demm, Ruħ u Divinità Tiegħu. Dan tfisser il-Knisja meta fil-Katekiżmu tagħha tistqarr:“Fis-Sagrament Imqaddes tal-Ewkaristija hemm verament,realment u sostanzjalment il-Ġisem u d-Demm  flimkien mar-Ruħ u d-Divinità ta’ Sidna Ġesù Kristu, u għalhekk hemm Kristu kollu kemm hu” (KKK par.1374).

Kristu Irxoxtat huwa preżenti għall-Knisja Tiegħu f’ħafna modi, iżda b’mod speċjali permezz tas-Sagrament tal-Ewkaristija.                                                                                 

Il-Miraklu Ewkaristiku f”Ruma

Għadu possibbli sal-lum li wieħed jara l-impronta u t-tbajja’ tad-Demm Mirakoluż tal-Ostja kkonsagrata  fuq it-taraġ tal-Kappella Caetani fil-Knisja ta’ Santa Pudenziana,li hi waħda mill-eqdem knejjes Kattoliċi f’Ruma. Fil-fatt dil-knisja,li hija mżejna b’bosta mużajk Ruman mill-era Kristjana bikrija,inbniet fis-sena 145 wK fuq il-sit fejn kien hemm id-dar tas-senatur Ruman Pudente,fuq ix-xewqa ta’ uliedu l-bniet Santa Pudenziana u oħtha Prassede.Skont dokumenti ta’ bosta storiċi s-senatur Pudenti kien laqa’ f’daru lil San Pietru meta kien Ruma.

L-impronta u t-tbajja’ tad-Demm fuq it-taraġ saru meta fis-sena 1610 l-Ostja kkonsagrata waqgħet minn idejn saċerdot  li waqt li kien qiegħed jiċċelebra l-quddiesa beda jiddubita mill-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija, u immedjatament wara l-Konsagrazzjoni involontarjament l-Ostja kkonsagrata waqgħet minn idejh, u ġiet fuq it-taraġ tal-artal, inqasmet u ħareġ minnha d-Demm u b’mod mirakoluż ħalliet l-impronta u tbajja’ tad-Demm fuq it-taraġ. 

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Canosio, l-Italja 

Dal-Miraklu Ewkaristiku hu kkaratterizzat bil-ħidma tal-Kappillan Patri Antonio Reinardi li l-fidi profonda tiegħu fl-Ewkaristija kienet responsabbli biex isalva lir-raħal ta’ Canosio mill-għar torrenzjali tax-xmara Maira bis-saħħa tal-Barka Sagramentali.

Canosio hu raħal żgħir fir-reġjun ta’ Val Maira,fid-djoċesi ta’ Saluzzo, l-Italja. Fis-sena 1630, in-nies ta’ dar-raħal kienu qed jitbiegħdu mill-osservanza reliġjuża Kattolika tagħhom minħabba t-tixrid tal-ereżija Kalvinista.L-għada tal-Festa ta’ Corpus Christi,ix-xmara f’Maira faret minħabba xita torrenzjali. L-ilmijiet tal-għargħar kienu tant vjolenti u qawwija li  ġebel kbir inqala’ mill-muntanji qrib u valangi niżlu fuq ir-raħal b’periklu kbir li jeqirdu  r-raħal u ċ-ċittadini tiegħu. Patri Reinardi ġabar in-nies tar-raħal bid-daqq tal-qniepen tal-knisja u ħeġġeġ lin-nies biex jitolbu biex il-Mulej iwaqqaf l-għargħar. Huwa wiegħed lil Alla li jekk ir-raħal jiġi meħlus mill-qerda tal-għargħar, in-nies tar-raħal jibdew jiċċelebraw għal dejjem il-festa ta’ Corpus kull sena. Patri Reinardi imbagħad poġġa s-Sagrament fl-Ostensorju u mar f’puċissjoni lejn ix-xmara ma’ xi whud mill-fidili hekk kif  bdew jirreċitaw is-Salm 51 “Miserere”. Wara li l-Kappillan bierek l-ilmijiet qalila, ix-xita waqfet mill-ewwel u l-ilmijiet li kienu diġà laħqu l-ogħla livell reġgħu lura għal-livell normali tagħhom. Dal-Miraklu qanqal il-fidi tan-nies tar-raħal ta’ Canosio li sal-lum għadhom josservaw b’akbar devozzjoni l-wegħda li saret. Sfortunatament, ħafna mid-dokumenti li jixhdu dal-miraklu u li kienu ppreservati fl-arkivji parrokkjali sa mis-seklu 17 inħarqu waqt il-gwerra bejn Franza u Spanja. Dak li għadu jeżisti, hija kopja li tiddeskrivi l-ġrajjiet u li tħalliet mill-kappillan.

Il-Miraklu Ewkaritiku f’Dronero, L-Italja

Wara nofsinhar tal-Ħadd 3 ta’ Awwissu 1631 seħħ nar qawwi fid-distrett kummerċjali ta’ Saluzzo fil-belt ta’ Dronero. Żagħżugħa tar-razzett b’imġiba belha qabdet nar bil-ħaxix niexef f’mument  li r-riħ kien qiegħed jiżviluppa f’riefnu qawwi. Il-fjammi malajr infirxu fil-belt. In-nies  ippruvaw jitfu in-nar,imma l-isforzi kollha tagħhom kienu għalxejn hekk kif in-nar żviluppa aktar. Patri Maurice da Ceva, Kapuċċin, kien ispirat biex jirrikorri għall-qawwa tal-Mulej fis-Santissimu Sagrament. Minnufih organizza purċissjoni bl-Ewkaristija – segwit min-nies kollha tal-belt sal-post tan-nirien. Malli wasal is-Sagrament il-fjammi battew u mirakolużament intfew kollha.  Dil-grajja mirakoluża hija deskritta fid-dettal fuq lapida tal-irħam fil-knisja zġħir ta’ Santa Briġida. Fil-festa ta’ Corpus, iċ-ċittadini ta’ Dronero jżommu ħajja t-tifkira ta’ dal-Miraklu b’purċissjoni Solenni ta’ kull sena bis-Santissimu Sagrament.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading