L-Ewkaristija: Il-Ħaruf ta’ Alla u Mirakli f’diversi pajjiżi oħra.

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

F’kull quddiesa s-saċerdot qabel it-Tqarbin jgħolli l-Ostja Mqaddsa lejn il-miġemgħa filwaqt li   jiddikjara li:“Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla,dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.Henjin dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf.” U l-miġemgħa twieġeb:“Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi,iżda għid kelma waħda, u ruħi tkun imfejqa.”

Tweġiba mimlija Fidi,umiltà  u tama lejn Kristu s-Salvatur tagħna!

Għaldaqstant,meta s-saċerdot ilissen dal-kliem ikun qiegħed b’mod Solenni u ċar jiddikjara li Kristu fl-Ewkaristija hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tal-bnedmin kollha.Iżda,biex nifhmu għala t-titlu “l-Ħaruf  ta’ Alla”  jintuża għal Kristu,jeħtieġ li l-ewwel nifhmu u napprezzaw iċ-Ċelebrazzjoni tal-Qbiż (Passover). Madwar is-sena 1250 qK l-Lhud kienu skjavi fl-Eġittu. Imma  Alla sema’ l-għajta tal-poplu Tiegħu (Eżodu 12,3-29) għall-ħelsien tagħhom mill-jasar u bagħat lil Mosè biex jeħlishom. Huwa qal lil Mosè biex kull familja tieħu ħaruf ta’ sena,raġel u bla difett;joqtol l-ħaruf tal-Għid u troxxu demmu fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien ta’ kull dar fejn tiekol il-laħam tal-ħaruf mixwi  b’ħobż bla ħmira u ħaxix morr.

Għax il-Mulej se jgħaddi biex jidrob l-Eġizzjani;imma meta jara d-demm mal-blata u l-ġnub tal-bieb, il-Mulej jaqbeż lil bwiebkom u ma jħallix lill-qerried jidħol jidrobkom fi djarkom”(Eżodu 12, 23). “Ġara li f’nofs il-lejl il-Mulej darab ‘l ulied il-kbar fl-art tal-Eġittu,mit-tifel il-kbir tal-Fragħun bid-dritt għat-tron sal-kbir tal-ilsir ġewwa l-ħabs, u kull ferħ tal-ewwel tal-bhejjem.”  (Eżodu 12,29).Minħabba dil-qerda kbira,ħtija t-twebbis ta’ qalb il-Fargħun,is-sultan kellu jeħles lill-Poplu ta’ Alla mill-jasar tal-Eġittu.

Il-Profeti użaw din ix-xbieha tal-ħaruf biex jiddeskrivu l-karattru u l-missjoni tal-Messija. Isaija pprofetizza: “Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud  għall-qatla,u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha,ma fetahx fommu“(Isaija 53, 7). Madanakollu ix-xbieha hija doppja:il-Messija jkun kemm il-Ħaruf tas-Sagrifiċċju biex ipatti għad-dnub kif ukoll il-qaddej li jbati u jaqdi.

Fl-Evanġelji,Ġesù huwa identifikat speċifikament bħala “l-Ħaruf taʼ Alla” kemm fis-sens tal-offerta tas-sagrifiċċju għad-dnub kif ukoll tal-qaddej li jbati.Hekk kif Ġwanni l-Għammied kien qed iħabbar il-miġja tal-Messija fix-Xmara Ġordan, ra lil Ġesù u xxandar: “Ara l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!”(Ġwanni 1:29).

Ix-xbihat tal-“Ħaruf ta’ Alla” jidhru ċari fir-rakkonti tal-Passjoni fl-Evanġelji.Pilatu kkundanna lil Ġesù għall-mewt fil-jum tat-tħejjija għall-Għid f’nofsinhar (Ġw 18:28, 19:14),is-siegħa meta l-qassisin bdew ibiċċru l-ħrief tal-Għid fit-tempju.Wara t-tislib,l-Evanġelju rreġistra li ma kissru l-ebda għadam ta’ Ġesù fit-twettiq tal-Iskrittura (Ġwanni 19:36);dir-referenza tikkorrispondi għal Eżodu 12:46 u Numri 9:12 fejn l-ebda għadam tal-ħaruf tal-Qbiż ma kellu jitkisser.Wara l-mewt ta’ Sidna Ġesù, “wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu bil-lanza,u minnufih beda ħiereġ demm u ilma” (Ġw 19:34), dejjem interpretati bħala sinjali tas-Sagramenti li jagħtu l-ħajja spiritwali bis-saħħa tal-Magħmudija u tal-Ewkaristija.

Il-Miraklu f’Turin,l-Italja

Matul l-invażjoni fl-Italja mill-armata Franċiża tal-Konti Harcourt,is-suldati qasmu x-xmara Po, għaddew minn Chieri u Moncalieri u fit-12 ta’ Mejju 1640  waqfu f’Turin.Hemmhekk huma daħlu fil-knisja ta’ Santa Maria del Monte u qatlu kemm sabu nies.Iżda l-ħajja tal-patrijiet Kapuċċini ġiet meħlusa.Suldat Franċiż li ma kienx jemmen fl-Ewkaristija rnexxielu jiftaħ it-tabernaklu li kien fih pissidi b’Ostji Ikkonsagrati. Iżda,hekk kif fetaħ it-tabernaklu fjammi tan-nar ħarġu mit-tabernaklu lejh li ħarqulu wiċċu u ħwejġu. Dak il-ħin is-suldat imwerwer intefa’ fl-art jgħajjat u jitlob maħfra lil Alla. F’dak il-ħin il-knisja imtliet b’ħafna duħħan.Minħabba l-biża’ u l-istagħġib tas-suldati dal-massakru u vandaliżmu waqaf.

Fuq il-bieba tat-tabernaklu għadha tidher sal-lum l-impronta tal-id maħruqa tas-suldat Franċiz.

Il-Miraklu f’Pressac, fi Franza

Dal-Miraklu seħħ nhar Ħamis ix-Xirka 1643. Wara l-quddiesa,is-saċerdot  poġġa l-pissidi bl-Ostja kkonsagrata fir-Repożitorju ħdejn l-artal tal-Verġni Marija.Ir-Repożitarju tqiegħed bejn żewġt xemgħat kbar mixgħula qribu.Il-knisja ngħalqet f’nofs il-jum. Iżda,xi sagħtejn wara,xi nies innutaw li mit-tieqa tal-knisja kien ħiereġ duħħan iswed u dens.Peress li t-tieqa tħalliet miftuħa, xi riħ li daħal minnha  rewwaħ il-fjammi tax-xemgħat li kkawżaw nar kbir. In-nies għajtu biex jinfetaħ il-bieb minnufih biex jitfu n-nirien. Sar kull sforz biex titnaqqas il-ħsara iżda r-Repożitorju ġie meqrud. Parti mill-pissidi kien imdewweb.

L-unika ħaġa li kien fadal mill-pissidi kienet is-sieq tal-pissidi li fuqha  ġiet iffurmata bħal bużżieqa tal-metall li tatha nstabet l-Ostja Sagra kompletament intata.Kien hemm kulur aħmar ċar madwar t-truf tal-Ostja. Dun Simon Sauvage malajr ħa il-pissidi mdewweb fuq l-artal maġġur biex jarawh in-nies. L-għada, nhar il-Ġimgħa l-Kbira l-Ostja Mirakoluża ġiet ikkunsmata mis-saċerdot. L-Abbati Francois du Theil mill-belt ta’ Availles-Limouzine żamm ix-xhieda kollha u wara għaddiehom lill-Isqof ta’ Poitiers,li dan wara li stħarreġ sew il-fatti kollha ddikjara li f’dil-ġrajja seħħ Miraklu Ewkaristiku  u awtorizza l-qima lejn dal-Miraklu.

Hemm ħafna dokumenti jixhdu dan il-Miraklu. Hemm ukoll l-istained glass tat-twieqi tal-Knisja li juru l-fażijiet differenti ta’ dal-Miraklu

Żewġ Mirakli Ewkaristiċi f’Eten, fil-Peru  :

L-ewwel Miraklu: Dal-Miraklu Ewkaristiku fil-belt Peruvjana ta’ Port Eten seħħ fil-lejla tat-2 ta’ Ġunju 1649 waqt l-għasar u ċ-Ċelebrazzjoni  Ewkaristika fl-okkażjoni tal-festa ta’ Corpus Christi. Fi tmiem diċ-Ċelebrazzjoni waqt li l-Patri Franġiskan Jèrome de Silva Manrique kien qed jieħu lura  l-Ostensorju tas-Santissimu Sagrament lejn it-tabernaklu waqaf minnufih mistagħġeb hekk kif fl-Ostja ra x-xbieha ta’ tifel.Il-patri wera dil-Ostja b’dix-xbieha lil dawk kollha preżenti. Ikoll qablu li kienet xbieha ta’ Ġesù Bambin.

It-tieni Miraklu: Dehra oħra ta’ Ġesù fl-Ostja Qaddisa seħħet ix-xahar  ta’ wara,fit-22 ta’ Lulju waqt li kienet qed tiġi ċċelebrata quddiesa f’ġieħ Santa Marija Maddalena, Patruna tal-Belt ta’ Eden.

Did-darba Ġesù Bambin deher fl-Ostja liebes tunika vjola fuq qmis li kienet tgħatti sidru,kif kienet  id-drawwa tan-nies tal-lokal, il-Mochicas. Skont it-testimonjanza ta’ Bro  Marco Lopes, superjur tal-Kunvent ta’ Chiclayo,il-Bambin Ġesù ried jiddentifika ruħu man-nies ta’ Mochican Eten biex juri l-imħabba Tiegħu lejhom. Kull sena dawn id-dehriet jiġu mfakkra b’Ċelebrazzjonijiet  Devozzjonali  bejn it-12 u l-24 ta’ Lulju.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading