Ir-rabta tal-Ewkaristija mal-Qawmien ta’ Kristu u tagħna mill-imwiet

Print Friendly, PDF & Email

minn  Manwel Cutajar

Kif nafu, l-ikel li aħna nieklu u x-xorb li nixorbu kuljum isiru parti minna. Aħna nassimilawhom fil-ġisem tagħna u b’hekk ngħixu u nikbru. Imma meta nikkunsmaw il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fit-Tqarbin, jiġri eżattament il-kuntrarju. Minflok aħna nassimilaw lil Ġesù f’ġisimna, huwa Hu li jassimilana f’Ġismu. Hu ma jsirx parti minn ġisimna, imma aħna nsiru parti mill-Ġisem Tiegħu. Santu Wistin jgħinna nifhmu din id-dinamika tat-Tqarbin meta rrefera għal speċi ta’ dehra li kellu li fiha Ġesù qallu: Jien l-ikel tal-maturi.M’intix inti li tbiddilni fik kif jagħmel ikel ieħor,iżda jien inbiddlek Fija” (Confessiones,VII, par.18)

 F’dan il-kuntest nikkwota dak li qal il-Papa Emeritu  Benedittu XVI: ….Għalhekk, filwaqt li l-ikel tal-ġisem jiġi assimilat mill-ġisem u jikkontribwixxi għall-manteniment tiegħu,l-Ewkaristija hija ħobż u ikel differenti: ma nassimilawhx,imma jassimilana hu għalih innifsu,sabiex insiru konformi ma’ Ġesù Kristu u l-membri tal-Ġisem Tiegħu,wieħed miegħu.Dan hu passaġġ deċiżiv! Tabilħaqq,proprju għax hu Kristu li, fil-Komunjoni Ewkaristika, jibdilna fiH, l-individwalità tagħna, f’din il-laqgħa,tinfetaħ,tinħeles mill-egoċentriżmu tagħha u titqiegħed fil-Persuna ta’ Ġesù,li min-naħa tagħha hija immersa fil-Komunjoni Trinitarja. Għalhekk,filwaqt li l-Ewkaristija tgħaqqadna ma’ Kristu, niftħu lilna nfusna għall-oħrajn u tagħmilna membri ta’ xulxin: m’għadniex maqsumin, imma ħaġa waħda fiH.

Il-Komunjoni Ewkaristika tgħaqqadni mhux biss mal-persuna ta’ ħdejja, u li miegħu forsi lanqas ikolli relazzjoni tajba, imma wkoll ma’ ħuti li huma ‘l bogħod, f’kull rokna tad-dinja.Għalhekk is-sens profond ta’ preżenza soċjali tal-Knisja ġej mill-Ewkaristija.Dawk li jagħrfu lil Ġesù fis-Sagrament Imqaddes, jagħrfu lil ħuhom li jbati, li hu bil-ġuħ u l-għatx, li hu barrani, għarwien,marid,il-ħabs,u huma attenti għal kull persuna, jimpenjaw ruħhom, b’mod konkret, għal dawk. li huma fil-bżonn.Għalhekk mid-don tal-Imħabba ta’ Kristu toħroġ ir-responsabbiltà speċjali tagħna bħala Nsara fil-bini ta’ soċjetà koeżiva, ġusta u fraterna. Speċjalment fi żmienna meta l-globalizzazzjoni tagħmilna dejjem aktar dipendenti fuq xulxin, il-Kristjaneżmu jista’ u jrid jiżgura li din l-għaqda ma tinbeniex mingħajr Alla, mingħajr Imħabba vera…..nidentifikaw lilna nfusna bħala membri tal-istess Ġisem,il-Ġisem ta’ Kristu….. (Silta mill-Omelija li l-PapaBenedittu XVI għamel fl-24 ta’Ġunju 2011, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Corpus Christi fil-Bażilka San Ġwann,Lateran, Ruma).

Permezz tal-Ewkaristija il-ġisem mortali tagħna jiġi gglorifikat u rxoxtat fl-Ġisem ta’ Kristu

Huwa permezz ta’ din il-qawwa u dinamiżmu misterjuż u qaddis ta’ grazzja li l-Ewkaristija ssir il-kawza strumentali tal-qawmien tagħna mill-imwiet.Hija taħdem f’ruħna bħala ikel kif ukoll bħala duwa,titmana bil-ħajja spiritwali,tfejjaq lil ruħna mġarrba u ħatja  bil-ħtijiet u n-nuqqasijiet tagħna,żgħar u kbar,u jum wara l-ieħor tagħmilna qaddisin.Hija l-Ewkaristija li ssostni r-ruħ tagħna u ssaħħaħ l-impenn tagħna biex ngħixu ħajja ta’ grazzja u tgħaqqadna flimkien fil-twemmin billi tiffurmana b’mod korporattiv fil-Ġisem ta’ Kristu. Fl-aħħarnett, hija l-Ewkaristija li tagħti lill-ġisem mortali tagħna l-kapaċità u l-possibiltà  li jiġi gglorifikat u rxoxtat fil-Ġisem ta’ Kristu.Kif jgħallimna l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Hi ż-żerriegħa tal-ħajja ta’ dejjem u l-qawwa għall-qawmien mill-imwiet, skont kliem il-Mulej: ‘Min jiekol Ġismi  u jixrob Demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum'(Ġw.6,54).L-Ewkaristija,is-Sagrament ta’ Kristu mejjet u Rxoxtat, hawn hi is-sagrament tal-mogħdija mill-mewt għall-ħajja, minn din id-dinja għal għand il-Missier (Ġw.13,1)” KKK 1524

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Cava De’ Terreni,l-Italja

F’Mejju tal-1656,epidemija qawwija tal-pesta ħakmet il-belt ta’ Napli bħala riżultat tal-invażjoni tat-truppi Spanjoli minn Sardinja. Il-pesta tant infirxet malajr fl-irħula ġirien li ma damitx ma waslet fil-belt ta’ Cava De’ Terreni,fil-provinċja ta’ Salerno. Il-vittmi kienu eluf kemm fl-irħula kif ukoll fiċ-ċentri urbani. Fr. Paolo Franco kien wieħed mis-saċerdoti li ġew meħlusa minn dil-epidemija. Minkejja l-periklu li jittieħed bil-pesta huwa kien ispirat biex imexxi lin-nies f’Purċissjoni Ewkaristika mill-Kastell tal-Lunzjata sal-quċċata tal-muntanja Castello minn fejn bierek  il-belt bis-Santissimu Sagrament. Minn dakinhar l-epidemija waqfet b’mod mirakoluż. Sal-lum in-nies tal-belt għadhom ifakkru f’Ġunju ta’ kull sena dal-Miraklu Ewkaristiku b’purċissjoni  Solenni,magħrufa bħala ”La Festa del  Castello”

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Montserrat,Spanja

Fl-1657,fil-Monasteru tal-Madonna ta’ Montserrat,l-Ewkaristija Mqaddsa salvat ruħ mill-Purgatorju. Kien hemm li tifla żgħira, li kienet  ma’ ommha, talbet lill-Abbati Don Millán de Mirando biex jiċċelebra tliet Quddisiet b’tifkira ta’ missierha, għax kienet temmen li l-Quddies kienu se jeħilsu ruħu mill-Purgatorju.Imqanqal għad-dmugħ mill-Fidi u l-Imħabba tat-tifla,l-għada ċċelebra l-ewwel Quddiesa.Waqt il-Konsagrazzjoni tal-Ewkaristija,it-tifla rat lil missierha għarkobbtejh,fost il-fjammi, fit-tarġa tal-artal. Meta mitluba tpoġġi tissue ħdejn il-fjammi li hi biss setgħet tara,it-tissue bdiet tinħaraq.

Fit-tieni quddiesa,it-tifla rat lil missierha,liebes libsa kkulurita,bilwieqfa ħdejn id-djaknu.U fit-tielet Quddiesa, ratu liebes libsa bajda jgħajjat.Fi tmiem il-Quddiesa,it-tifla għajtet:”Hemm missieri sejjer u tiela’ fis-sema!” Kif qalilha missierha biex tagħmel,hija rringrazzjat lill-patrijiet fil-monasteru talli ħelsu lil missierha mill-Purgatorju.

Preżenti għal dil-ġrajja kien hemm Il-Patri Ġeneral tal-Ordni Benedittin fi Spanja Don Bernardo de Ontevieros, u l-Isqof ta’ Astorga u bosta nies preżenti għall-quddies fil-knisja.

Dal-Miraklu hu deskritt b’mod dettaljat ħafna fil-ktieb New History of the Sanctuary and Monastery of Our Lady of Monserrat minn Patri  Francio de Paula Crusellas,Benedittin.

Dan il-Miraklu Ewkaristiku iwassalna biex nirriflettu dwar ir-realtà tal-Purgatorju, u jfakkarna li kull quddiesa għandha valur infinit.  

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Les Ulmes,Franza

Fit-2 ta’ Ġunju 1668,is-Sibt tal-Ottava ta’ Corpus il-Kappillan Patri Nicolas Nezan waqt li kien qiegħed jinċensa l-Ostensorju bl-Ewkaristija fih fuq l-artal u waqt li kien qed jitkanta l-innu Pange Lingua,hekk kif waslet l-istrofa “Verbum caro Panem verum” minflok l-Ostja Kkonsagrata fl-Ostersorju dehret xbieha ta’ raġel b’xagħar kannella ċar twil nieżel wara rasu fuq dahru,b’dija qawwija ta’ dawl madwar wiċċu,b’idejh imsallbin waħda fuq l-oħra u ġismu mgħotti b’tunika bajda .

Did-dehra damet għal madwar kwarta quddiem il-nies kollha miġbura fil-knisja.Patri Nezan minnufih għarraf lill-Isqof Henry Arnauld b’din id-dehra li dan mill-ewwel ordna li tinbeda investigazzjoni kanonika.Wara li ġiet ivverifikat l-awtentiċità tal-Miraklu l-isqof awtorizza id-devozzjoni pubblika lejn dal-Miraklu Ewkaristiku. 

Dal-Miraklu jinsab deskritt b’mod dettaljat fil-VIII volum tal-ktieb tal-patri dumnikan Jean Bapiste Gonet Clypeus Theologiae,ippubblikat għall-ewwel darba fis-sena 1669 mill-publikatur Franċiż Bertier. Barra minn hekk, l-isqof  ried li dal-Miraklu ikun imxandra u jsir magħruf ħafna, għalhekk  immedjatament ikkummissjona li jsiru inċisjonijiet li jippreżentaw dal-Miraklu Ewkaristiku, waħda ta’ Edelynck li għadha f’Pariġi f’kundizzjoni tajba ħafna, oħra ta’ Jean Bidault di Saumur u l-oħra tal-editur Ernoudi Parigi. 

Wara 130 sena,is-Sagrament kien ġie kkunsmat mill-Vigarju ta’ Puy Notre Dame,minħabba l-biża’ li jiġi pprofanat matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża.

Fis-sena 1901 il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali ta’ Angers kien ċċelebrat f’din il-belt, u f’Lulju 1933 matul il-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali sessjoni sħiħa kienet iddedikat għall-istudju dwar dal-Miraklu Ewkaristiku.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading