Mirakli f’San Mauro la Bruca u l-Venezuela

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu Ewkaristiku f’San Mauro la Bruca, l-Italja

Fil-lejl tal-25 ta’ Lulju 1969,xi ħallelin daħlu bil-moħbi fil-knisja parrokkjali ta’ San Mauro la Bruca,fir-reġjun tal-Campania fil-Lbiċ tal-Italja, u serqu oġġetti Sagri u prezzużi. Irnexxielhom ukoll jiftħu t-tabernaklu u ħarġu minnu l-pissidi li kien fih diversi Ostji kkonsagrati. Irmew l-Ostji f’passaġġ ta’ triq.

L-għada filgħodu  t-tfajjel Geraldo Amato kien għaddej minn dik it-triq u ra l-Ostji. Minnufih  ġabarhom u ħadhom għand il-kappillan Don Pasquale Allegro li dan informa lill-isqof tad-djoċesi. Kien biss fl-1994,wara 25 sena ta’ analiżi xjentifiċi u kimiċi fuq l-Ostji,Mons.Biagio D’Agostino,isqof ta’ Vallo della Lucania ddikjara li l-Ostji kienu mirakolużi u awtorizza l-qima lejhom.Dan għax,taħt ċirkostanzi normali, prodotti magħmula minn dqiq tal-qamħ  normalment wara sitt xhur jiddeterjora b’mod sinifikanti, jsiru ġelatinużi  u finalment isiru trab.

Iżda,dawn l-Ostji kkonsagrati Mirakolużament għadhom intatti u sħaħ sal-ġurnata tal-lum sa mis-sena 1969.

Il-Miraklu ta’ Betania,Venezwela

Dal-Miraklu Ewkaristiku seħħ waqt il-Quddiesa ta’ nofs il-lejl tat-8 ta’ Diċembru1991,fis-Santwarju Marjan ta’ Finca Betania f’Cúa,il-Venezwela.Fr.Otty Ossa Aristizàbal,il-Kappillan tas-Santwarju, jirrakkonta dil-ġrajja hekk: “Wara li kkunsmajt waħda mill-biċċiet tal-Ostja l-kbira li kont qsamt f’4 partijiet,erġajt poġġejthom lura fuq il-patena.Ftit wara ħarist ‘l isfel lejn il-patena u ma stajtx nemmen dak li rajt:waħda mill-partijiet tal-Ostja kienet turi dabra ħamra u minnha bdiet toħroġ sustanza ħamra,simili għall-mod kif id-demm,joħroġ minn ferita.Wara l-quddiesa,ħadt l-Ostja u ppreservajtha sew fis-sagristija. L-għada,fis-6 ta’ filgħodu,mort nara l-Ostja u rajt li kien baqa’ ħiereġ ftit demm li ftit wara beda jinxef.Madanakollu,sal-lum,id-demm jidher frisk.Il-ħaġa stramba hija li d-demm ħareġ biss min-naħa waħda tal-Ostja,mingħajr ma tebba’ l-bqija tal-Ostji l-oħra.

Mill-istħarriġ li sar wara,sar magħruf li waqt il-Quddiesa kien hemm bosta pellegrini li kollha ddikjaraw li s-saċerdot ma kellux ġrieħi li minnhom seta’ joħroġ id-demm li kien preżenti fuq l-Ostja.Barra minn hekk,mill-analiżi li saru rriżulta li d-demm tas-saċerdot ma kienx jaqbel ma’ dak fuq l-Ostja.L-Ostja tal-Miraklu kienet suġġett għal xi studji speċjali,mitluba mill-Isqof ta’ Los Teques ta’ dak iż-żmien,Mons. Pio Bello Ricardo,u r-riżultati kkonfermaw li d-demm kien demm uman tat-tip AB pożittiv li jaqbel ma’ dak li kien instab fuq id-drapp tas-Sacra Sindone (il-Liżar ta’ Kristu) li jinsab fil- Katidral ta’ Turin kif ukoll fl-Ostja tal-Miraklu Ewkaristiku ta’ Lanciano,li seħħ fl-Italja fis-sena 750 AD u li kien ġie analizzat minn diversi organizzazzjonijiet Dinjija tas-saħħa u x-xjenza.

Minn dakinhar l-Ostja kienet oġġett ta’ qima u devozzjoni min-naħa ta’ eluf ta’ pellegrini li baqgħu ġejjin mill-Venezwela u mid-dinja kollha.

Huwa tabilħaqq possibbli li wieħed imur fil-kunvent tas-Sorijiet Agostinjani tal-Qalb ta’ Ġesù f’Los Teques biex jara l-Ostja Mirakoluża fil-kappella tagħhom iddedikata għall-Adorazzjoni Perpetwa.

Ġrajja oħra marbuta ma’ dal-Miraklu

Pellegrin żagħżugħ minn New Jersey,Daniel J. Sanford,kien  mar pellegrinaġġ fil-Kunvent tal-Agostinjani biex jara l-Ostja Mirakoluża, u seta’ jiffilmja episodju mirakoluż ieħor.

Huwa rrakkonta dil-ġrajja hekk:“Nhar it-12 ta’ Novembru 1998 mort pellegrinaġġ Betania ma’ grupp u ħaduna naraw l-Ostja mirakoluża ta’ Betania fil-Kappella tas-Sorijiet Agostinjani ta’ Los Teques. Id-direttur spiritwali tagħna,Patri Mazzarella,ċċelebra l-Quddiesa. Wara li spiċċat iċ-ċelebrazzjoni s-saċerdot fetaħ il-bieba tat-Tabernaklu li kien fih l-Ostja tal-Miraklu.B’stagħġib kbir rajt li l-Ostja kienet bħallikieku fi fjammi,u kien hemm Qalb li kienet qed tħabbat (Palsating Heart) u li min-nofs tagħha kien ħiereg id-demm.Rajt dan għal madwar 30 sekonda,imbagħad l-Ostja reġgħet lura għan-normal.Stajt niffilmja parti minn dan il-miraklu bil-video camera tiegħi…”

 Il-filmat intbagħat lill-isqof tal-lokal,li ħeġġeġ it-tixrid tiegħu bil-għan li jinxtered aktar it-twemmin fil-Preżenza reali ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-Ewkaristija.

Il-Mirakli f’Buenos Aires,Argentina1992,1994,1996

Fl-artiklu (Nru.5) f’din is-sensiela,tad19 ta’ Ġunju,2022,kont ktibt dwar dawn il-Mirakli Ewkaristiċi li seħħew fl-Arġentina, u kien ġie ppubblikat fl-okkażjoni tal-festa ta’ Corpus Christi tas-sena 2022.

Madanakollu, tajjeb infakkru lill-qarrejja li dawn il-Mirakli Ewkaristiċi kienu  seħħew meta L-Isqof Jorge Mario  Bergoglio, illum il-Papa Franġisku, kien isqof Awżiljarju u wara l-Arċisqof ta’ Buenos Aires, fl-Argentina.

Il-Mirakli Ewkaristiċi tas-Seklu 21

Il-Mirakli Ewkaristiċi fl-Indja

Żewġ mirakli Ewkaristiċi ġew irrappurtati fis-seklu 21 fl-Indja.Wieħed kien f’Chirattakonam,fl-2001 fl-Arċidjoċesi ta’ Trivandrum,distrett ta’ Kollam, u l-ieħor fl-2013 f’Vilakkannur,distrett ta’ Kannur.Fiż-żewġ każijiet,xbieha li tixbah lil Ġesù dehret fuq Ostja kkonsagrata.

Fr. Johnson Karnoor,Kappillan tal-knisja fejn seħħ il-Miraklu Ewkaristiku f’Chirattakonam jirrakkonta hekk dil-ġrajja:Nhar it-28 ta’ April 2001,fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Marija ta’ Chirattakonam,bdejna n-Novena lil San Ġuda Taddew bħalma nagħmlu kull sena.Fit-8:49am,esponejt is-Sagrament Mqaddes fl-Ostensorju għall-Adorazzjoni pubblika.Wara ftit mumenti rajt dak li deher li kienu tliet tikek fuq l-Ewkaristija Mqaddsa.Imbagħad waqaft nitlob u bdejt inħares lejn l-Ostensorju,u stedint ukoll lill-fidili biex jersqu viċin ħa jaraw dat-tliet tikek.Imbagħad tlabt lill-fidili biex jibqgħu jitolbu u poġġejt l-Ostensorju fit-tabernaklu.Fit-30 ta’ April, iċċelebrajt il-Quddiesa u l-għada tlaqt lejn Trivandrum.Is-Sibt filgħodu,5 ta’ Mejju 2001,ftaħt il-knisja għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tas-soltu.Vestitt għall-Quddiesa u mort niftaħ it-tabernaklu biex nara x’ġara mill-Ewkaristija fl-Ostensorju.

 Minnufih innutajt fl-Ostja figura,li jixbah wiċċ uman.Ħassejtni emozzjonat  ħafna u tlabt lill-fidili jinżlu għarkobbtejhom u jibdew jitolbu. Peress li ħsibt li jien waħdi stajt nara l-wiċċ staqsejt lis-sagristan x’jinnota fl-Ostensorju.Huwa wieġeb:’Jien qed nara figura ta’ raġel.’ Innutajt li l-kumplament tal-fidili kienu qed iħarsu b’attenzjoni lejn l-Ostensorju.

Bdejna l-Adorazzjoni u aktar ma jgħaddi  l-ħin,ix-xbieha saret aktar u aktar ċara Ma kelliex kuraġġ ngħid xejn u bdejt nibki.Waqt l-Adorazzjoni, qrajt s-silta mill-Vanġelju ta’ San Ġwann fejn Ġesù meta  deher lill-Appostli kien talab lil San Tumas biex iħares u jmiss il-Pjagi Tiegħu. Fl-omelija tiegħi stajt biss ngħid ftit kliem, u, wara  peress li kelli nitlaq lejn il-parroċċa fil-qrib ta’ Kokkodu biex niċċelebra Quddiesa,mill-ewwel sejjaħt fotografu biex jieħu ritratti tal-Ewkaristija Mqaddsa bil-wiċċ uman fuqha.Wara sagħtejn ġew żviluppati r-ritratti kollha;maż-żmien il-wiċċ f’kull ritratt sar aktar u aktar ċar.”

Fl-Ostja Kkonsagrata dehret ix-xebh ta’ bniedem simili għal dak ta’ Kristu nkurunat bil-kuruna tax-xewk. Il-Beatitudni Tiegħu Cyril Mar Baselice,Arċisqof  ta’ Trivandrum,kiteb hekk dwar dan il-prodiġju:“Għalina dawk li jemmnu dak li rajna hija xi ħaġa li dejjem emmina.Jekk Sidna Ġesù qed ikellimna billi jagħtina dan is-sinjal,ċertament jeħtieġ tweġiba minna”. L-Ostensorju bl-Ostja Mirakoluża fih għadu sal-lum jinżamm fil-knisja ta’ Santa Marija f’Chirattakonam, Indja.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading