San Tumas ta’ Akwinu dwar il-Mirakli Ewkaristiċi

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

“Centenarie Thomas d’Aquin (2023-2025)” huwa l-isem mogħti liċ-Ċelebrazzjoniiet li l-Knisja Kattolika u l-Ordni Dumnikan  qed jiċċelebraw fl-okkażjoni tat-Tliet Anniversarji biex ifakkru u jonoraw il-wirt reliġjuż u  teoloġiku ta’ San Tumas ta’ Akwinu. Dawn huma: is-700 sena Anniversarju mill-Kanonizzazzjoni tiegħu mill-Papa Ġwanni XXIII fl-1323 (li għadu kemm ġie ċċelebrat fit-18 ta’ Lulju 2023);is-750 sena Anniversarju mill-mewt tiegħu fis-7 ta’ Marzu 1274(li jiġi ċċelebrat fis-7 ta’ Marzu 2024);u t-800 sena Anniversarju mit-twelid tiegħu fis-sena 1225(li jiġi ċċelebrat fis-sena 2025).

Il-Papa Franġisku ikkonċeda wkoll indulġenza plenarja lil kull min jieħu sehem fis-sentejn ta’ dawn iċ-Ċelebrazzjonijiet li jwasslu għat-800 Anniversarju mit-twelid ta’ San Tumas ta’ Akwinu.

Din l-indulġenza tista’ tinkiseb billi tagħmel pellegrinaġġ f’post qaddis jew knejjes tad-Dumnikani, jew tieħu sehem f’Ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew jew “tal-inqas” tqatta’ ħin ta’ rakkoljament u meditazzjoni spiritwali u qaddisa. Fl-aħħarnett trid tgħid il-”Missierna”, il-”Kredu” u tinvoka l-interċessjoni tal-Verġni Marija u ta’ San Tumas ta’ Akwinu.

Kull knisja, santwarju jew kappella li bħalissa huma fdati f’idejn id-dumnikani jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-pellegrinaġġ imsemmi. L-indulġenza plenarja hija disponibbli għall-”fidili tassew  penitenti u ta’ karità “ taħt il-kundizzjonijiet tas-soltu: li jkunu fi stat ta’ grazzja, li jkollhom ċaħda totali tad-dnub, li jitolbu għall-intenzjonijiet tal-Papa, li jistqarru dnubiethom u jirċievu t-Tqarbin sa 20 jum qabel jew wara l-pellegrinaġġ.”

L-indulġenza tista’ tinkiseb ukoll favur l-erwieħ tal-fidli mejtin li għadhom fil-purgatorju.

L-anzjani u l-morda u dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom wkoll jistgħu jiksbu indulġenza  plenarja “jekk, b’disprezz ta’ dnubiethom kollha u bil-ħsieb li jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet tas-soltu kemm jista’ jkun malajr, jissieħbu spiritwalment fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġublew quddiem xbieha ta’ San Tumas ta’ Akwinu, joffru t-talb tagħhom lil Alla ħanin kif ukoll id-duluri u l-ħażen ta’ ħajjithom.”

L-indulġenza tista’ tinkiseb sa tmiem il-ġublew ta’ San Tumas ta’ Akwinu, fit-28 ta’ Jannar 2025.

San Tumas ta’ Akwinu (1225-1274) barra li hu magħruf u meqjum mill-Knisja Kattolika bħala Doctor Angelicus u Doctor Communis hu magħruf wkoll bħala Doctor Eucharisticus għax il-kitbiet,innijiet,poeżiji tiegħu jnisslu fina sentimenti qaddisa u jgħallmuna tant tagħlim sabiħ u profond dwar l-Ewkaristija.Fost dawn insibu t-trattati teoloġiċi tiegħu  fis-Summa Theologiae dwar l-Ewkaristija fejn fost ħwejjeġ oħra fit-Tertia Pars, Q.76,jitkellem dwar il-Mirakli Ewkaristiċi u fl-Artiklu 8 jistaqsi:“Il-Ġisem veru ta’ Kristu jibqa’ f’dan is-Sagrament meta jidher taħt id-dehra ta’ tifel jew ta’ laħam?”.

Inħoss li jkun tabilħaqq opportun li nikkwota siltiet minn dal-Artiklu. 

San Tumas ta’ Akwinu u l-Mirakli Ewkaristiċi

…Dawn id-dehriet iseħħu b’żewġ modi:meta kultant f’dan is-Sagrament jidher laħam,jew demm,jew tifel.Xi drabi jiġri min-naħa ta’ dawk li jħarsu,li għajnejhom huma għalhekk affettwati (quorum oculi sic afficiuntur)daqslikieku esternament jaraw laħam,jew demm,jew tifel,filwaqt li ma jkun seħħet l-ebda bidla fis-Sagrament.U dan jidher li jiġri meta lil persuna waħda, (das-Sagrament) jidher taħt l-ispeċi tal-laħam jew tat-tifel,filwaqt li lil oħrajn jidher bħal qabel taħt l-ispeċi tal-Ħobż;jew meta din l-istess xbieha tidher għal siegħa taħt id-dehra tal-laħam jew tat-tifel,u wara taħt id-dehra tal-ħobż.Lanqas m’hemm xi qerq hemmhekk,bħal fit-triks tal-maġija(sicut in magorum praestigiis),minħabba li l-ispeċi bħal din hija ffurmata Divinament fl-għajn sabiex tirrappreżenta xi verità,jiġifieri bil-għan li turi li l-Ġisem ta’ Kristu huwa tassew preżenti f’dan is-Sagrament;hekk kif Kristu bla qerq deher lid-dixxipli li kienu sejrin Għemmaws….

…Imma xi mindaqqiet dawn id-dehriet iseħħu mhux biss minn bidla li ssir f’dawk li jkunu qed jaraw (videntium),iżda minn Dehra li verament tkun teżisti realment u esternament.U dan tabilħaqq filfatt jiġri meta tidher minn  kulħadd (ab omnibus videtur) taħt dehra bħal din,u jibqa’ hekk mhux għal siegħa,imma għal żmien konsiderevoli,u,f’dan il-każ xi whud jaħsbu (putant) li hija l-ispeċi propja tal-Ġisem ta’ Kristu.Lanqas jimporta li xi mindaqqiet il-Ġisem kollu ta’ Kristu ma jidhirx hemmhekk,imma parti minn Ġismu,jew inkella li ma jidhirx f’forma ta’ żagħżugħ iżda taħt dehra ta’ tifel,għax hu fil-poter ta’ Ġisem Glorifikat biex tkun tista’ tidher minn għajnejn mhux glorifikati (a non-oculus glorificatus),jew kompletament jew parzjalment,u taħt l-istess dehra  tagħha jew taħt xi aspett barrani ieħor(vel in alieno habitu),kif jingħad aktar tard (Supplimnent: 85,2-3) …..

Filwaqt li d-dimensjonijiet jibqgħu l-istess bħal ta’ qabel,hemm bidla Mirakoluża,li saret fl-aċċidenti bħall-għamla,il-kulur,u l-bqija,sabiex jidher laħam jew demm,jew tifel.U kif intqal diġà, dan mhux qerq  għax isir biex,tirrappreżenta l-Verità,jiġifieri biex b’din id-dehra Mirakoluża turi li l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jinsabu tabilħaqq f’dan Is-Sagrament.U għalhekk huwa ċar li hekk kif jibqgħu d-dimenzjonijiet,li huma s-sisien tal-aċċidenti l-oħra,il-Ġisem ta’ Kristu jibqa’ tabilħaqq f’dan is-Sagrament.”

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Tixtla, Messiku

Fil-21 ta’ Ottubru,2006,ġiet innutata tnixxija ta’ sustanza ħamranija minn Ostja kkonsagrata waqt iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika f’Tixtla, fid-Djoċesi ta’ Chilpancingo-Chilapa,fil-Messiku.

L-Isqof tal-post,Mons. Alejo Zavala Castro, sejjaħ Kummissjoni Teoloġika ta’ investigazzjoni u,f’Ottubru 2009,stieden lit-Tabib Ricardo Castañón Gómez,biex jieħu t-tmexxija tal-programm ta’ riċerka xjentifika li l-iskop tiegħu kien fil-fatt biex jivverifika l-imsemmi avveniment.L-awtoritajiet Ekkleżjastiċi Messikani talbu lit-Tabib Castañón Gómez għax kienu konxji li,fis-snin 1999-2006,ix-xjenzat kien wettaq xi studji fuq iż-żewġ Ostji kkonsagrati oħra li minnhom wkoll kien ħareġ Demm fil-Parroċċa ta’ Santa Marija, fi Buenos Aires, l-Argentina.

Il-każ fid-dettal: Dal-każ Messikan beda f’Ottubru 2006,meta Patri Leopoldo Roque, kappillan tal-Parroċċa ta’ San Martin ta’ Tours,stieden lil Patri Raymondo Reyna Esteban biex imexxi irtir spiritwali għall-parruċċani tiegħu.Fil-21 ta’ Ottubru 2006,waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-quddiesa,hekk kif Patri Leopoldo u Patri Raymondu kienu  qed iqarbnu,megħjuna mis-soru Sr. Arely Marroquin li kienet fuq ix-xellug ta’ Patri Raymundo,li dan ħin minnhom dar lejn Patri Leopoldo u ħares lejh b’għajnejn mimlija dmugħ,dan l-inċident  mill-ewwel ġibed l-attenzjoni taċ-ċelebrant Patri Leopoldo li nnota li millOstja li biha  s-soru kienet se tqarben parruċċana beda ħiereġ  sustanza ħamranija.

B’dan il-każ il-Kappillan minnufih informa lill-Isqof tad-djoċesi,Mons. Alejo Zavala Castro,li dan minnufih ordna investigazzjonijiet kanoniċi u xjentifiċi.

Ir-riċerka xjentifika li saret fuq din l-Ostja bejn Ottubru 2009 u Ottubru 2012 mill-Awtorità Ekklesjastika waslet għall-konklużjonijiet li ġew ippreżentati lill-Vatikan u fil-25 ta’ Mejju,2013 ġew ippreżentati wkoll waqt il-kors ta’ Simpożju internazzjonali li sar mid-Djoċesi ta’ Chilpancingo,fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi,u li rat il-parteċipazzjoni. ta’ bosta nies ġejjin minn erba’ kontinenti:

Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka kienu dawn:

1. Is-sustanza ħamra analizzata tikkorrispondi għad-demm li fih hemm l-emoglobina u d-DNA ta ‘ oriġini umana.

2. Żewġ studji li saru minn esperti forensiċi magħrufin  b’metodoloġiji differenti wrew li s-sustanza toriġina minn ġewwa,eskluża l-ipoteżi li xi ħadd seta’ poġġieha minn barra.

3.It-tip tad-demm huwa AB,simili għal dak li nstabu fl-Ostja ta’ Lanciano, u fuq is-Sacra Sindone (il-Liżar ta’ Kristu) li jinsab fil-Katidral f’ Turin.

4. L-istudji juru li t-tessut misjub jikkorrispondi mal-muskolu tal-qalb (Myocardium).

Minħabba dawn ir-riżultati xjentifiċi u l-konklużjonijiet milħuqa mill-Kummissjoni Teoloġiku u xjentifika,fit-12 ta’ Ottubru 2013 l-Isqof ta’ Chilpancingo,Mons.Zavala Castro,permezz ta’ Ittra Pastorali iddikjara hekk:

“Din il-manifestazzjoni ġġibilna sinjal meraviljuż tal-Imħabba ta’ Alla li jikkonferma l-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.Fir-rwol tiegħi bħala Isqof tad-Djoċesi nagħraf il-karattru Sopranaturali tas-sensiela ta’ ġrajjiet li għandhom x’jaqsmu mal-Ostja Kkonsagrata ta’ Tixtla.Niddikjara l-każ bħala “Sinjal Divin…”

Ġieli jingħad li dal-Miraklu seħħ b’interċessjoni tal-Beatu żagħżugħ Carlo Acutis, li miet b’lewkimja fit-12 ta’ Ottubru 2006, ftit jiem biss qabel ma seħħ dal-Miraklu Ewkaristiku. Il-Beatu Carlo huwa qaddis ta’ żmijietna li għaraf jgħaqqad l-imħabba għal-logħob tal-kompjuter, il-futbol, u l-ipprogrammar tal-kompjuter mad-Devozzjoni profonda tiegħu lejn l-Ewkaristija. Wara li rċieva l-Ewwel Tqarbina tiegħu, ħadem biex iġib lill-ġenituri tiegħu lura għall-prattika tal-fidi tagħhom billi jikkataloga l-mijiet ta’ Mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja, inklużi dawk li ddiskutejna. Il-Beatu Carlo sab ruħu kontinwament mistagħġeb b’dak li sab, iżda dejjem kien kuntent ifittex lil Ġesù moħbi fit-tabernaklu, u qal “L-Ewkaristija hija l-awtostrada tiegħi lejn is-Sema.”Jalla l-Mulej ikompli jimliena b’għaġeb u biża’ għal dawn il-Mirakli Ewkaristiċi u jagħtina imħabba u fervur profond għall-Ewkaristija f’kull Quddiesa u f’kull Tqarbina tagħna b’dan is-Sagrament Qaddis.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading