Ġwanni Pawlu II f’Port-au-Prince (Haiti)

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-PORTUGAL II, COSTA RICA, NICARAGUA I,
PANAMA, EL SALVADOR I, GUATEMALA I, HONDURAS, BELIZE, HAITI
GĦELUQ TAL-KUNGRESS EWKARISTIKU
OMELIJA TA’ ĠĦWANNI PAWLU II
Port-au-Prince (Haiti), 9 ta’ Marzu 1983

Għeżież ħuti.

1. Hawn jien magħkom ġo Port-au-Prince, f’din l-art ta’ Haiti fejn tant xtaqt niġi; din il-grazzja fl-aħħar ingħatatli, kemm lili kif ukoll lilkom, sabiex flimkien nistgħu nfaħħru lit-Trinità Qaddisa u nadurawha, niċċelebraw il-kult ewkaristiku għal Ġesù Kristu, Iben Alla u Iben Marija, fil-misteru tal-Ewkaristija tiegħu, u wkoll inqimu lill- Beata Ommu u Ommna, Omm il-Knisja, li intom issejħu taħt l-isem ta’ Sidtna tas-Sokkors Perpetwu.

Fir-realtà aħna qegħdin niċċelebraw l-għeluq tal-Kungress Ewkaristiku l-kbir, li issa se tkomplu u se tapplikaw f’ħajjitkom ta’ kuljum, personali, familjari u soċjali.

Flimkien u b’ferħ nieħdu sehem f’din il-festa, jien Suċċessur ta’ San Pietru u ragħaj tal-fidili kollha, prinċipju viżibbli tal-għaqda tal-Knisja (cf. Lumen Gentium, 18), intom, Isqfijiet, ġejjin issa lkoll mid-dinja tagħkom, u intom stess, irġiel u nisa, tfal subien u bniet, trabi u anzjani, ulied maskili u femminili ta’ dan il-poplu nobbli Ħaitjan. Jiena naf sewwa kemm huwa ħaj is-sens tagħkom taċ-ċelebrazzjoni tal-festa u tat-talb. U propju hawn nirrejalizzah, grazzi għall-kant tagħkom u għat-tweġibiet entużjasti tagħkom. Jiena kuntent li jiena l-okkażjoni u niżżi ħajr lil Alla.

Imma hemm iktar. Għall-ewwel darba, tul iż-żjajjar tiegħi fl-Amerka Latina, inzertajt li jien preżenti f’Pajjiż li l-popolazzjoni tiegħu hija kkostitwita fil-biċċa l-kbira min-nies ta’ kulur, b’mod partikolari suwed. Nilqà f’dan sinjal ta’ mportanza kbira, għaliex huwa f’tali mod lili mogħti li nidħol direttament f’rapport mat-tielet komponent tal-kultura u taċ-ċiviltà ta’ dawn il-popli tal-Amerka Latina u Ċentrali: tan-nies li ġew mill-Afrika, integrati profondament maċ-ċiviltajiet oriġinarji l-oħra tal-Amerka stess jew li ġew mill-Ewropa biex jiffurmaw, fuq il-bażi ta’ din ir-rikkezza, realtà tipika.

Dan il-Pajjiż kien l-ewwel wieħed fl-Amerka Latina li ddikjara ruħu ndipendenti. Huwa hu għalhekk imsejjaħ, b’mod partikolari, biex jiżviluppa fl-intern tiegħu, fi klima ta’ libertà, u b’rapport għall-mezzi u l-isforzi kollha ta’ kulħadd, opra ta’ vera promozzjoni umana u soċjali b’mod li wliedu, kemm maskili kif ukoll femminili, jkunu jistgħu hawn jaħdmu komdi, mingħajr ma jkunu mġegħla jmorru band’oħra jfittxu, u spiss f’kondizzjonijiet tal-biki, dak li għandhom isibu f’darhom.

Irrid infakkar hawn episodju pjuttost drammatiku, li għaqqad b’xi mod l-istorja ta’ Haiti ma’ dik tal-poplu Pollakk. Mija u sebgħin sena ilu, tlett elef suldat Pollakk żbarkaw f’din il-gżira, mibgħuta mill-qawwiet ta’ okkupazzjoni bl-iskop li jrażżnu r-rewwixta tal-popolazzjoni li kienet qiegħda tissielet għall-indipendenza politika tagħha. Dawn is-suldati, minflok ma ġġieldu kontra l-aspirazzjonijiet leġittmi ta’ libertà, issimpatizzaw mal-poplu ta’ Haiti. Madwar tliet mija minnhom baqgħu ħajjin. Id-dixxendenti tagħhom bla dubju kkontribwew għall-iżvilupp ta’ dan il-Pajjiż, Ikkonservaw u kkultivaw it-tradizzjonijiet kattoliċi. Fost l-oħrajn, bnew kappelli żgħar bi xbihat li jirriproduċu l-Madonna Pollakka ta’ Czestochowa. Il-kelma Haiti tiġi b’dan il-mod biex tassoċja ruħha mal-Pollakki u tfakkar it-triq mimlija xewk lejn il-libertà u ssir sors ġdid ta’ riflessjoni storika.

Insellem mela lilkom ilkoll u nistedinkom titolbu u tirriflettu flimkien fuq iż-żewġ misteri li llum qegħdin niċċelebraw: l-Ewkaristija u Marija.

2. Smajtu l-qari bibbliku li kien imxandar. Dak mill-ktieb tal-Esodu jkellimna dwar l-“Għid”, tal-liberazzjoni li wlied Iżrael irċivew dak iż-żmien u li tiegħu il-festa tagħna tal-Għid tiggarantixxi l-kommemorazzjoni. Kienet ukoll dik il-festa ta’ libertà, li fiha l-ħaruf offrut u mikul kien ifakkar l-komunjoni mġedda mal-Mulej u mal-aħwa u hekk ukoll “il-passaġġ, biex jassisti, jakkumpanja u jeħles il-poplu tiegħu priġunier tal-Eġittu faraoniku, biex imbagħad iqabbdu t-triq lejn l-art imwegħda.

Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, moqri f’din il-Quddiesa, huwa l-istess Għid li sejrin niċċelebraw. Imma “l-passaġġ” li dwaru jitkellem huwa dak ta’ Ġesù stess, li għalih “is-siegħa kienet waslet biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier” (Ġw 13, 1). Dan mhux għalih, għad-dixxipli tiegħu u għalina stess, li noħorġu mill-ġittu, ta’ esodu fiż-żmien u fl-ispazju. Dan hu iżda, bħalma jgħid b’mod meraviljuż l-evanġelista Luqa fix-xena tat-Trasfigurazzjoni (cf. Lq 9, 31), dwar l-esodu tiegħu, tat-tluq tiegħu biex imur lejn il-Missier, li kellu jseħħ f’Ġerusalem u li twettaq fis-siegħa tal-Passjoni tiegħu, tal-mewt tiegħu u tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu.

Dan l-esodu u dan it-tluq huma mmarkati mill-imħabba: Hu [Ġesù] billi ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13, 1). Kienet l-imħabba li mbuttat lil Ġesù lejn il-mewt fuq is-salib: “li ħabbni u ta ħajtu għalija” (Gal 2, 20). U kienet l-imħabba li ispiratu biex iħallilna l-Ewkaristija.

3. L-Ewkaristija, Kif nafu sewwa permezz tal-katekeżi tagħna, hija s-sagrament ta ġismu u ta’ demmu, li huwa nnifsu offra darba għal dejjem (cf. Lh 9, 26-28), biex jeħlisna mid-dnub u mill-mewt, u li afdah lill-Knisja tiegħu sabiex tagħmel l-istess offerta, taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid u titma għal dejjem lill-fidili tagħha, aħna stess, li ninsabu madwar dan l-altar.

L-Ewkaristija hija mela s-sagrifiċċju per eċċellenza, dak ta’ Kristu fuq is-salib, offrut kull darba mill-Isqfijiet u mis-saċerdoti favur l-insara kollha, ħajjin u mejtin.

L-Ewkaristija hija fl-istess ħin ikel spiritwali, li permezz tiegħu nirċievu lil Kristu nnifsu, kollu kemm hu, Alla u bniedem, li jitmagħna bl-istess sustanza tiegħu u hekk jirrendina simili għalih, kull wieħed u waħda minna u ilkoll flimkien. Hija l-Ewkaristija, infatti, li tagħmel l-għaqda tal-Knisja, ġisem mistiku ta’ Kristu: “Għax la l-ħobża hija waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda (1 Kor 10, 17).

Aħna naduraw u nagħrfu din il-preżenza ta’ Kristu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid, meta din hija kkonservata fit-tabernaklu, biex nippermettu lill-insara biex jiġu jitolbu lill-Mulej waqt li jikkuntemplaw fis-Sagrament santissmu tiegħu, tul il-korsa tal-jum, u wkoll sabiex ikun jistà jwassal il-komunjoni lill-morda u lill-agonizzanti. Aħna nirrendu kult pubbliku lill-Ewkaristija, meta din tiġi ċċelebrata, matul Kungress Ewkaristiku jew fl-okkażjoni ta’ Corpus Domini. Din il-preżenza reali fostna fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, hija dejjem f’relazzjoni magħha, hija għalina l-insara wieħed mis-sinjal tal-Emmanue,. Alla-magħna, kif kien isejjaħ Iżrael lill-Messija futur (cf.  7; Mt 1, 23).

4. L-evanġelista Ġwanni, li ttrażmettilna l-wegħda ta’ din l-Ewkaristija (cf. Ġw 6, 51-59), u wriena l-importanza għall-fidi tad-dixxipli u għal tagħna (Ġw 6, 60-71), jiddeskrivilna wkoll, fl-okkażjoni tal-aħħar ċena ta’ Ġesù, il-ħasil tar-riġlejn  (cf. Ġw 13, 1-16).

Għaliex huwa ried iqiegħed minflok r-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija, li jinsab fl-evanġelisti l-oħra kif ukoll f’San Pawl (cf. 1 Kor 11, 17-34), ir-rakkont tal-ħasil tar-riġlejn? : “Huwa ħabbhom sal-aħħar”. L-ispjega jagħtihielna huwa stess, billi jinkwadra r-rakkont, bħalma smajtu, bir-riferenza għall-imħabba suprema ta’ Ġesù: “Huwa ħabbhom sal-aħħar” (Ġw 13, 1), u bl-eżortazzjoni biex isegwu l-eżempju li l-Imgħallem kien għadu kemm ta: “Jekk jiena ħsiltilkom riġlejkom, jien, il-Mulej u l-Imgħallem, hekk ukoll intom għandkom taħslu riġlejn xulxin” (Ġw 13, 14).

Jiena ċert li dan intom tifhmuh sewwa, għeżież ħuti ta’ Haiti. Min jieħu sehem fl-Ewkaristija huwa msejjaħ biex isegwi l-eżempju ta’ Ġesù li rċieva ġewwa fih; huwa msejjaħ biex jimita mħabbtu u jaqdi l-proxxmu sa ma jaħsillu riġlejh. U bħalna, hekk hija l-Knisja, il-Knisja kollha, il-Knisja ta’ Haiti, li għandha timpenja ruħha sa l-aħħar għall-ġid tal-aħwa, ta’ kulħadd, imma b’mod speċjali ta’ l-ifqar, propju għaliex għadha kemm iċċelebrat Kungress Ewkaristiku. Fir-realtà hija tiċcelebra dejjem l-Ewkaristija. U l-Ewkaristija hija s-sagrament tal-imħabba u tas-servizz.

Intom għażiltu bħala slogan tal-Kungress tagħkom: “Hemm bżonn li hawn xi ħaġa tinbidel”. Tajjeb, intom issibu fl-Ewkaristija l-ispirazzjoni, il-qawwa u l-perseveranza biex timpenjaw ruħkom f’dan il-proċess ta’ bidla.

Huwa propju meħtieġ li l-affarijiet jinbidlu. Fit-tħejjija għall-Kungress il-Knisja kellha l-kuraġġ li tħares fil-wiċċ tar-realtajiet attwali iebsin, u jiena sikur li l-istess iseħħ għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, għal dawk kollha li jħobbu profondament lill-art twelidhom. Dan tagħkom huwa Pajjiż sabiħ, għani bir-riżorsi umani. Wieħed jistà jitkellem magħkom dwar sentiment reliġjuż naturali u reliġjuż, tal-vitalità u tal-karattru popolari tal-Knisja. Imma l-insara kellhom jaraw ukoll il-firda, l-inġustizzja, id-diżugwaljanza eċċessiva, id-degradazzjoni tal-kwalità tal-ħajja, il-miżerja, il-ġuħ, il-biżà ta’ tant nies. Huma ħasbu dwar il-bdiewa inkapaċi li jgħixu bil-frott tal-art tagħhom, fil-folol li jiffullaw, bla xogħol, fil-bliet, fil-familji trasferiti, fil-vittmi ta’ frustrazzjonijiet differenti. U madankollu huma konvinti li hemm soluzzjonijiet x’jittamaw. Il-Knisja iżżomm f’dan il-qasam missjoni profetika, inseparabbli mill-missjoni tagħha reliġjuża, u titlob l-libertà biex twettaqha, mhux biex takkuża u mhux biss biex tqanqal il-kuxjenza tal-ħażin, imma biex tikkontribwixxi b’mod pożittiv ħalli tikkorreġi s-sitwazzjonijiet, billi timpenja l-kuxjenzi kollha u b’mod partikolari l-kuxjenza ta’ dawk li għandhom responsabiltà fl-irħula, fil-bliet jew f’livell nazzjonali, biex jaġixxu skont il-Vanġelu u d-duttrina soċjali tal-Knisja.

Hemm infatti ċertu bżonn profond ta’ ġustizzja, ta’ distribuzzjoni aħjar tal-ġid, ta’ organizzazzjoni iktar ekwa tas-soċjetà, b’sehem ikbar, pjan iktar diżinteressat tas-servizz min-naħa ta’ dawk kollha li għandhom xi responsabiltajiet; hemm ix-xewqa leġittma, għall-mass media u l-politika, ta’ espressjoni ħielsa li tirrispetta l-opinjoni tal-oħrajn u l-ġid komuni; hemm bżonn ta’ aċċess iktar liberu u faċli għall-ġid u għas-servizzi li ma jistgħux jibqgħu prerogattiva ta’ xiħadd: per eżempju l-possibiltà li wieħed jiekol biżżejjed u li jkun ikkurat, l-abitazzjoni, is-sekularizzazzjoni, ir-rebħa fuq l-analfabetiżmu, xogħol onest u dinjituż, is-sikurezza soċjali, ir-rispett tar-responsabiltajiet familjari u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. F’kelma waħda, dak kollu li jagħmel iva li r-raġel u l-mara, it-tfal u l-anzjani jgħaddu ħajja tassew umana. Dan mhux li joħolmu għana jew soċjetà konsumista, imma din hija għal kulħadd, ta’ livell ta’ ħajja  denja tal-persuna umana, tal-ulied maskili u femminili ta’ Alla. U dan kollu mhuwiex impossibbli jekk il-forzi kollha ħajjin f’dan il-Pajjiż jingħaqdu fi sforz komuni, waqt li jorbtu wkoll fuq is-solidarjetà internazzjonali li hija dejjem mixtieqa. L-insara jridu jkunu nies tat-tama u tal-imħabba, tal-azzjoni responsabbli.

Il-fatt li intom membri tal-ġisem ta’ Kristu u li tieħdu sehem fil-festin ewkaristiku li jimpenjakom biex tippromwovu dan it-tibdil. Dan ikun il-mod tagħkom tal-ħasil tar-riġlejn tal-oħrajn, skont l-eżempju ta’ Kristu. Dan tagħmluh bla vjolenza, bla qtil, bla ġlied intern, li spiss ma jġibux ħaġ’oħra għajr oppressjonijiet ġodda. Dan tagħmluh fir-rispett u fl-imħabba tal-libertà.

Nifraħ ma’ dawk kollha li jaħdmu f’din il-linja, li jiddefendu d-drittijiet tal-foqra, spiss b’mezzi foqra, nissogra ngħid “bi jdejhom vojta”. Nagħmel appell lil dawk kollha li għandhom f’idejhom il-poter, l-għana, il-kultura, sabiex jifhmu r-responsabiltà tagħhom gravi u urġenti quddiem l-aħwa kollha maskili u femminili. Dan ikun l-unur tal-karriera tagħhom; jiena ngħid ukoll lilhom li jien għandi fiduċja u nitlob għalihom.

5. L-istess bżonn ta’ konverżjoni inħossuh billi nduru lejn il-Verġni Santissma, Sidtna tas-Sokkors Perpetwu, li kienet l-oġġett tal-ewwel devozzjoni tagħkom u wara, tul il-korsa kollha tal-istorja tagħkom. Din id-devozzjoni hija u għandha tkunu liberatriċi. Ejjew niftakru l-kliem tal-ittra lill-Galatin, li għadna kemm smajna: “Iżda meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ Wlied” (Gal 4, 4-5).

Din il-mara, imbierka fost kollha (cf. Lq 1, 42), intom tafuha sewwa. Huwa grazzi għall-aċċettazzjoni libera tagħha, għall-fidi tagħha u għall-ubbidjenza tagħha, li l-“ħelsien tagħna kien imħallas bil-mewt ta’ Binha”. Huwa grazzi għall-kollaborazzjoni tagħha fl-opra redentriċi tiegħu, li lilna ingħatalna li nkunu wlied adottivi ta’ Alla”.

Hawn hu għaliex aħna nħobbuha u nqimuha bħala Ommna. Hawn hu għaliex aħna mistennija li nimitawha fil-fidi, fl-ubbidjenza tagħha u fl-impenn biex nikkollaboraw fil-missjoni ta’ Binha, fis-sitwazzjoni prattika li fiha ninsabu, jew intom tinsabu f’Haiti.

Hekk mela, meta intom titolbu bir-Rużarju tagħkom, waqt li timmeditaw l-misteri tal-ħajja, tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, waqt li tgħaqqdu bil-qalb il-preżenza ta’ Marija f’kull waħda minnhom, għarfu sewwa li dan jimpenjakom biex tgħixu u biex taħdmu bħala dixxipli fidili li jieħdu sehem  fl-istess misteri u li jirċievu l-frott.

Id-devozzjoni tagħkom tkun intelliġenti u attiva, denja ta’ rġiel u nisa li rċivew f’qalbhom “l-Ispirtu tal-Iben ta’ Alla li jgħajjat: Abbà, Missier! (Gal 4, 7). Ma tkunx forma ġdida ta’ sottomissjoni “għall-elementi tad-dinja (Gal 4, 3), “Skjavitù” ġdida (Gal 4, 3) bħal ċerti prattiċi sinkretiċi, ispirati mill-biżà u mill-ansjetà quddiem sforzi li  dak li jkun ma jifhimhomx!

Le, intom ilkoll ulied Alla, meħlusa minn Ġesù Kristu, imwieled minn Marija Verġni. Kunu denji tal-filjolanza divina tagħkom u ta’ dik li torbotkom ma’ Marija! Wara li aċċettajtu li tiċħdu d-dnub u li tatu l-fidi tagħkom lil Kristu, ma’ Marija, erġgħu għollu raskom u magħha għarfu l-preferenza ta’ Alla għall-umli, il-morda, għal dawk li jgħixu fl-imħabba (cf. Lq 1, 46-55).

Jiena nafdakom lilha, ilkoll flimkien u kull wieħed u waħda ndividwalment, Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, oriġinarji tal-Pajjiż jew dawk li ġew hawn bħala missjunarji, is-seminaristi hekk numerużi, poplu fidil u hekk ippruvat ta’ din l-art sabiħa ta’ Haiti, li għandu tant żgħażagħ, u wkoll lill-kompatrijotti tagħkom emigrati u eżiljati. Nitlobha biex tinterċedi għalikom quddiem Binha sabiex tingħatalkom ħajja trankwilla u verament denja.

Nitlob ukoll fuqkom il-protezzjoni ta San Pierre Claver, il-qaddis kbir iswed, glorja tar-razza tiegħu, li lejh il-Knisja kollha hija obbligata.

[Bil-lingwa tal-post:] Haitjani ta’ kull parti, jiena magħkom. Jiena nberikkom b’qalbi kollha. Kuraġġ! Kunu sodi! Alla huwa magħkom. Ġesù Kristu huwa ħukom. L-Ispirtu Santu d-dawl tagħkom! Marija Ommkom!.

Nimplora lil Alla biex iberikkom, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading