Ġwanni Pawlu II f’Belize

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-PORTUGAL II, COSTA RICA, NICARAGUA I,
PANAMA, EL SALVADOR I, GUATEMALA I, HONDURAS, BELIZE, HAITI
ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FIL-BELIZE
BI PREŻENZA EKUMENIKA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Belize, 9 ta’ Marzu 1983

Għeżież ħuti fi Kristu,

1. Huwa ferħ kbir għalija li nista nqattà ftit ħin magħkom, fil-Belize, fi tmiem il-vjaġġ apostoliku fl-Amerka Ċentrali, qabel ma nmur Haiti. Jiena kuntent li ż-żjara tiegħi taħbat f’data li għalikom tilbes importanza partikolari.

Huwa privileġġ tiegħi, imma wkoll dmiri bħala suċċessur tal-Appostlu Pietru u Ragħaj tal-Knisja universali li “nikkomunikalkom xi doni spiritwali sabiex tkunu mqawwija . . ., permezz tal-fidi li naqsmu, intom u jien (Rm 1, 11-12). Din hija tassew siegħa ta’ fidi għalina lkoll. Waqt li nsellem lill-awtoritajiet ta’ dan il-Palliż, nixtieq ngħid lilkom ilkoll kemm jiena qrib tagħkom. Inħaddan, fl-imħabba ta’ Kristu, liż-żgħażagħ u l-anzjani, il-familji insara u dawk kollha li joperaw, ibatu u jitolbu għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla fuq l-art. Lil ħuti l-Isqfijiet u saċerdoti u lir-reliġjużi kollha nixtieq nesprimilhom il-gratitudni speċjali tiegħi  għax-xogħol komuni tagħhom fit-tixrid tal-Vanġelu.

Għeżież tiegħi, maħbubin fidili tal-Belize, huwa verament ferħ kbir għalija mhux biss għax jien hawn f’nofskom illum, imma fli nistà noffri f’dan il-bini nobbli s-sagrifiċċju etern ta’ Kristu fuq is-salib lil Missieru ċelesti, waqt li nitlob fuqkom il-grazzja u l-barka tal-Mulej. Għalhekk nistedinkom biex tippenetraw il-misteru kbir li sejrin niċċelebraw u biex nitgħallmu mis-sagrifiċċju tallum li Ġesù Kristu jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom għal għaqda ntima miegħu, sabiex ħadd minn dawk li huwa sejjaħ ma jintilef. Is-sejħa għan-nisrani hija sejħa għal impenn etern fi Kristu u aħna nġeddu dan l-impenn kull darba li naqsmu Ġismu u Demmu. Din hija ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkasristija. Ejjew mela ningħaqdu u nitolbu lill-Mulej Ġesù sabiex l-għarusa Mistika ta’ Kristu, tkun tistà tixhed, fil-Belize, is-sejħa tiegħu għal għaqda ntima u vitali miegħu u li tkun tistà b’mod effiċjenti tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Pajjiż żagħżugħ tagħkom, sabiex hu, bħal fil-kliem tal-innu nazzjonali tagħkom, ikun verament Pajjiż ħieles bil-libertà ta’ wlied Alla.

2. Probabilment smajtu li, f’postijiet differenti tal-Amerka Ċentrali, fil-korsa tal-missjoni tiegħi, insistejt fuq it-tema tal-għaqda, l-għaqda tal-Knisja lokali, għaqda mal-Isqof u mal-Knejjes lokali l-oħra, f’għaqda mal-Knisja universali. Illum nixtieq neżamina magħkom u għalikom aspett ieħor tat-tema fondamentali tal-għaqda, jiġifieri l-għaqda li għaliha huma msejħa l-Knejjes differenti u l-komunitajiet ekkleżjali: l-għaqda suprema, organika mal-unika Knisja ta’ Kristu.

Dan, kif tafu, huwa dak li nsejħu ekumeniżmu, u tafu wkoll sewwa li l-Konċilju Vatikan II għamel mill-ekumeniżmu u mill-impenn ekumeniku wieħed mid-dmirijiet ewlenin tiegħu. Infatti ppubblika dokument sħiħ dwar t-tema tar-rikostruzzjoni tal-għaqda. U jiena stess għidt bosta drabi, minn mindu ġejt elett Papa, li wieħed mill-impenji ewlenin u prinċipali tal-pontifikat tiegħi huwa r-rikostruzzjoni tal-għaqda fost l-insara kollha. Għalhekk din kienet, sa mill-bidu, parti mportanti tal-programmi tal-vjaġġi tiegħi ta’ pellegrin: li nitratta t-tema tal-għaqda tal-insara u niltaqà mar-rappreżentanti ta’ Knejjes u komunitajiet ekkleżjali oħra. Hekk seħħ fil-Ġermanja, fl-Istati Uniti tal-Amerka, fil-Gran Brittanja u f’postijiet oħra. Hekk ukoll hawn fil-Belize.

Nixtieq għalhekk insellem bi mħabba fraterna fi Kristu Ġesù lill-kapijiet u lill-membri kollha tal-Knejjes u tal-komunitajiet ekkleżjali kollha preżenti hawn fil-Belize, b’mod speċjali lill-komunitajiet anglikani u metodisti. Intom kollha wkoll, għeżież ħuti, flimkien mar-rappreżentanti tal-Knisja kattolika tridu taħdmu u titolbu sabiex l-għaqda li Kristu jixtieq għas-segwaċi tiegħu titwettaq pjenament fil-verità u l-karità. Fl-istess ħin kollaborazzjoni fraterna u sinċiera fis-servizz nisrani se jkun sinjal sikur ta’ kwalità awtentika ta’ dixxipli.

3. Ilkoll smajna, fil-kliem tal-Vanġelu li għadu kemm inqara, l-aċċenni ripetuti għall-għaqda fost id-dixxipli, li Sidna ippronunzja fit-talba sollenni ndirizzata lill-Missier, eżatt qabel ma ffaċċja l-kundanna u l-mewt fuq is-salib. L-għaqda nhijiex riferenza marġinali: hija l-interess ċentrali tat-talba ta’ Kristu. Insibuha kontinwament ikkonfermata fis-silta li qrajna. Din l-insistenza hija tassew sinifikattiva. Tirrivelalna kemm b’mod profond u qawwi l-Mulej jixtieq li d-dixxipli kienu ħaġa waħda. L-għaqda tal-insara kollha mhix għalhekk xi ħaġa marġinali u indifferenti, li nistgħu ngħaddu mingħajrha. Bil-maqlub, din hija r-rieda ta’ Kristu.

Fit-tieni post, il-fatt li l-Mulej jitlob lill-Missier għad-don tal-għaqda f’dak il-waqt deċiżiv ta’ ħajtu għandu jġegħlna nirriflettu dwar il-perikoli kontra din l-għaqda, min-naħa ta’ rġiel u nisa b’vista qasira, egoisti u nsensibbli, ittentati barra minn dan mid-Demonju, il-missier tal-firda. Hemm bżonn ukoll li nqajmu mill-ġdid r-responsabiltà kbira li lkoll kemm aħna għandna li naħdmu għall-bini mill-ġdid tal-għaqda meta din sfat maqsuma, bħalma seħħ tristement bosta drabi tul il-korsa taż-żewġ millenji li għaddew.

Il-Mulej, mela, fl-avviċinament għas-sagrifiċċju tal-mewt tiegħu, li huwa ġarrab “biex jgħaqqad flimkien l-ulied ta’ Alla li kienu mferrxin” (Ġw 11, 52), ippreveda t-traġedja u l-iskandlu tal-firda fost l-insara, u bl-istess mod hu għallimna li l-għaqda m’għandhiex titwarrab fil-ġenb bħala mpossibbli u mhix bżonnjuża, li l-firda m’għandhiex tkun imġarrba bħala ħażin meħtieġ. Le, hija r-rieda tiegħu u l-argument tat-talba  biex aħna “nkunu ħaġa waħda” hekk kif hu u l-Missier “huma ħaġa waħda” (Ġw 17, 22; cf. 10, 30).

4. B’tali mod tgħallimna li, meta nimpenjaw ruħna biex naħdmu għall-għaqda tal-insara, aħna nkunu qegħdin nagħmlu r-rieda ta’ Sidna. Iktar, tgħallimna li t-talb permezz, ma’ u fi Kristu huwa s-sors ewlieni ta’ din l-għaqda. Ladarba t-talb għall-għaqda u, jekk possibbli, it-talb komuni għall-għaqda tal-insara, huwa element essenzjali tal-impenn ekumeniku tagħna, ejjew infittxu li nkunu fidili għal dan it-talb.

It-talb madankollu ma jistax ikun effettiv mingħajr dak li l-Konċilju Vatikan II isejjaħ bidla tal-qalb (Unitatis Redintegratio, 7). Terminu ieħor biex niddefinuh huwa “konverżjoni”, li, kif nafu, kien il-kontenut ta’ dak kollu miksub mill-ewwel talba ta’ Sidna. Ilkoll kemm aħna jkollna bżonn tal-konverżjoni, jew ta’ bdil tal-qalb, u propju biex nippenetraw għal kollox l-ħsibijiet u l-intenzjonijiet ta’ Kristu, meta hu jitlob għall-għaqda. Huwa meħtieġ li nikkonvinċu ruħna mill-importanza tal-kawża tal-għaqda tal-insara, b’dak kollu li din tinvolvi fl-oqsma tar-rapporti fraterni, tal-istima mutwa, kollaborazzjoni u djalogu u tax-xhieda komuni, studju u talb.

5. Iżda dan mhuwiex kollox. Id-digriet dwar l-ekumeniżmu jitkellem ukoll dwar il-qdusija tal-ħajja (Ivi, 8). Infatti, jekk noqogħdu attenti b’mod partikolari għal kemm Sidna, fit-talba saċerdotali tiegħu, jifhem bħala mudell aħħari tal-għaqda tal-insara, ma nistgħux ngħaddu mingħajr li nikkonvinċu ruħna li l-unità tiddependi mill-qdusija. Infatti huwa jitlob “biex ilkoll ikunu ħaġa waħda (Ġw 17, 21). U mill-ġdid “sabiex ikunu bħalna ħaġa waħda (Ġw 17, 22). Ukoll il-qari tas-silta tal-Ittra lill-Efesin timponi l-għaqda tal-insara fl-istess livell meta tgħid: “Inħeġġiġkom mela jien, il-priġunier tal-Mulej biex iġġibu ruħkom b’mod denju tal-vokazzjoni li rċivejtu . . . billi tfittxu li żżommu l-għaqda tal-Ispirtu permezz tar-rabta tal-paċi (Ef 4, 1-3).

 Fost l-insara, meta aħna nissieltu għal din il-komunjoni perfetta bejn il-Knejjes kollha u l-komunitajiet ekkleżjali, irridu dan: l-għaqda ffurmata, immudellata fuq is-Santissma Trinità u rregalata lilna mit-Trinità Mqaddsa. Ejjew niftakru li l-għaqda u l-qdusija fil-Knisja jimxu flimkien. Għalhemm meta nisfurzaw biex inkunu nsara tajbin, u insara veri, l-għaqda fostna għandha tkun wiehed mill-għanijiet ewlenin tagħna.

6. Huwa f’dan il-kuntest ta’ ħajja nisranija u ta’ impenn nisrani li jitqiegħed id-dmir ekumeniku kollu. B’dan, jiena nifhem dak li jiġi msejjaħ “nikbru flimkien”, jiġifieri tistabilixxi rapporti li għandhom jeżistu u jimmaturaw fost l-insara li jgħixu flimkien fl-istess post, li jiffaċċjaw flimkien l-istess dinja, li fiha huma msejħa biex jaqdu l-proxxmu tagħhom u l-ġid tas-soċjetà. B’dan, jiena nifhem ukoll id-djalogu bejn il-Knisja tagħna u Knejjes u komunitajiet ekkleżjali oħra, li issa stabilixxa ruħu fuq  diversi livelli.

Imma, nirripeti, dawn il-mezzi u strumenti kollha tal-impenn ekumeniku għandhom ibaqbqu mis-sors profond tal-vokazzjoni nisranija tagħna, li tissejjes fuq il-Kelma ta’ Alla u fuq is-sagrament tal-Magħmudija u li ssib l-espressjoni tagħha fil-professjoni komuni tal-Kredu antiki tal-Knisja u fit-talba tal-Mulej lill-Missier għall-għaqda fost id-dixxipli. U din l-għaqda hija verament immudellata fuq l-għaqda tat-Trinità Qaddisa.

Dan huwa l-veru ekumeniżmu u dawn huma l-karatteristiċi awtentiċi tal-moviment ekumeniku. L-ekumeniżmu mhux intenzjonat li jilħaq xi għanijiet purament umani, inklużi għanijiet politiċi ta’ kwalunkwè tip. L-ekumeniżmu mhuwiex kompatibbli mal-konfużjoni tal-limiti konfessjonali, billi jbenġel l-kontenuti tal-fidi li rċivejna mingħand l-Appostli jew mal-ammissjoni indiskriminata ta’ fidili ta’ komunità ekkleżjali oħra għall-Ewkaristija li hija propja tagħna. Bla dubju mhux kompatibbli ma’ prożelutismu aggressiv li jfixkel u joffendi – kultant saħansitra bi proċeduri mhux xierqa – il-grad ta’ għaqda li komunità ekkleżjali diġa tippossiedi. L-ekumeniżmu huwa impenn evanġeliku u għandu jkun mifhum u mqiegħed fil-prattika biss b’verità tal-Vanġelu li aħna lkoll irċivejna mingħand Kristu.

7. Għeżież ħuti fi Kristu, dan huwa l-messaġġ li jien kuntent li nħalli lilkom tal-Belize. Naf li tilqgħuh b’qalb miftuħa. Nitlob sabiex jaslilkom minn fuq d-don ta’ impenn dejjem iktar profond għall-kawża tal-għaqda qaddisa. U nitlobkom biex titolbu miegħi sabiex nkunu nistgħu finalment imberkin mid-don tal-għaqda perfetta “hekk li d-dinja tkun tistà temmen” (cf. Ġw 17, 21). Nitolbu dan għall-glorja ta’Trinità Qaddisa – Missier, Iben u Spirtu Santu – permezz ta’ Ġesù Kristu Interċessur uniku tagħna, Salvatur uniku tagħna, Mulej uniku tagħna. Amen.

Qabel ma nispiċċa, irrid insellem bi mħabba u ninkuraġġixxi fil-fidi nisranija lill-aħwa kollha tal-lingwa Spanjola li riedu jiġu hawn biex jaraw lill-Papa billi ġew mill-Pajjiżi tal-qrib.

Hija għalija grata b’mod partikolari l-preżenza tal-Isqfijiet tar-reġġjun pastorali tal-Lbiċ tal-Messiku, akkumpanjati minn bosta fidili. Fikom, għeżież ħuti, insellem ukoll lill-abitanti kollha ta’ Pajjiżkom, li ż-żjara lilhom niftakarha dejjem b’tant pjaċir.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading