Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2023

Print Friendly, PDF & Email

“Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam”. 

Xi drabi jiġri li nidraw ngħixu fid-dlam ta’ ġo qalbna jew nikkuntentaw ruħna bil-ħafna dawl artifiċjali tad-dinja, li twegħidna l-ferħ. Imma Alla dejjem isejħilna biex inħallu d-dawl tiegħu jiddi ġewwa fina u nħarsu lejn in-nies u l-ġrajjiet b’attenzjoni sħiħa, biex hekk nagħrfu l-pjanijiet imdawlin tiegħu. 

“Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam”. 

Il-ħin kollu, u b’ħilitna kollha, irridu nagħmlu għażla li biha nitwieldu mill-ġdid, jiġifieri li ngħaddu mid-dlam għad-dawl. Chiara Lubich tgħid: “In-Nisrani ma jistax jaħrab mid-dinja, jinħeba jew iqis ir-reliġjon bħala xi ħaġa privata. Hu jgħix fid-dinja għax għandu responsabiltà, għandu missjoni quddiem il-bnedmin: irid ikun ta’ dawl għall-oħrajn. Inti wkoll għandek dan id-dmir, u jekk ma tagħmilx hekk tkun bħal melħ li jitlef it-togħma, jew bħal dawl mitfi.[…] Għalhekk in-Nisrani jrid iħalli dan id-dawl jiddi ʹl barra minnu, għandu jkun “sinjal” ta’ din il-preżenza t’Alla fost il-bnedmin”.2

Alla hu dawl u aħna nistgħu nsibuh jekk infittxuh b’qalb sinċiera. Jiġri x’jiġri qatt m’aħna se ninfirdu minn imħabbtu għax aħna wliedu. Jekk aħna ċerti minn dan, id-diffikultajiet li ngħaddu minnhom la jaħsduna u lanqas jgħaffġuna.

It-terremot li seħħ fit-Turkija u s-Sirja din is-sena ħalla aktar minn ħamsin elf ruħ mejta, filwaqt li miljuni oħra għaddew minn ħafna tiġrib. Dawk li baqgħu ħajjin f’din it-traġedja, flimkien ma’ komunitajiet kemm minn fosthom kif ukoll minn pajjiżi oħra, wasslu d-dawl tagħhom billi mill-ewwel bdew jagħtu l-għajnuna lil dawk fil-bżonn. B’hekk huma taffew xi ftit it-tbatija ta’ min tilef lill-qrabatu u kulma kellu.

Id-dlam qatt ma jista’ jaħkem il-ħajja ta’ min jagħżel li jgħix fid-dawl u li jkun ta’ dawl għall-ħutu l-bnedmin. Għalina l-Insara dan ifisser li rridu ngħixu bil-preżenza ta’ Kristu fostna, u din il-preżenza twassal xaqq ta’ dawl, tama ġdida, biex hekk ngħixu fl-imħabba t’Alla.

Patrizia Mazzola u
t-team tal-Kelma tal-Ħajja

1 Cf. Mt 5, 13-16.

2 C. Lubich, Kelma tal-Ħajja, Awwissu 1979, fil-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pġ. 145-146.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading