Il-Papa Franġiksu se jżur Dubai għall-COP28.“Waqt li aċċetta l-istedina tal-Altezza Tiegħu Sheikh Mohammed bin Zayed Al Nahyan, President tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku se jagħmel il-vjaġġ lejn Dubaj mill-1 sat-3 ta’ Diċembru 2023, fl-okkażjoni tal-Konferenza li jmiss tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28)”. Hekk ħabbar il-Ġimgħa, Mateo Bruni, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede.
F’intervista riċenti ma’ programm televiżiv Taljan, il-Qdusija Tiegħu qal li se jivvjaġġa lejn l-UAE għall-konvenzjoni. Din hija l-ewwel darba li Papa se jattendi għas-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima.

Iż-żjara li se jagħmel fil-bidu ta’ Diċembru, se timmarka t-tieni żjara tal-Papa Franġisku fl-Emirati Għarab Magħquda, wara l-ewwel Vjaġġ Appostoliku tiegħu lejn il-kapitali tan-nazzjon b’maġġoranza Musulmana ta’ Abu Dhabi fi Frar 2019. Il-Papa Franġisku kien l-ewwel Papa li qatt żar il-Peniżola Għarbija, u l-ewwel wieħed li ċċelebra Quddiesa għall-komunità Kattolika żgħira ħafna tan-nazzjon tal-Golf, komposta primarjament minn ħaddiema espatrijati.
Matul dik iż-żjara, l-Qdusija Tiegħu kien iffirma d-Dokument dwar il-Fraternità Umana għall-Paċi Dinjija u l-Ħajja Flimkien f’summit interreliġjuż, flimkien mal-Gran Imam ta’ Al Azhar, Ahmed Al Tayyeb, li kien ispira l-pedamenti għall-enċiklika sussegwenti tal-Papa dwar il-fraternità umana, ‘Fratelli Tutti’, fl-2020.
Il-Papa Franġisku, li għażel ismu wara San Franġisk ta’ Assisi, ġibed l-attenzjoni għall-ħtieġa li nipproteġu d-Dar Komuni tagħna. Din id-dedikazzjoni wasslitu biex jikteb l-enċiklika importanti tal-2015 dwar l-ambjent, ‘Laudato si’, u l-Eżortazzjoni Appostolika sussegwenti tiegħu ‘Laudate Deum’, li ġiet ippublikata riċentement, fl-4 ta’ Ottubru 2023, Jum il-Festa ta’ San Franġisk.
L-aħħar Eżortazzjoni Appostolika li ħareġ il-Papa Franġisku, hija ndirizzata lin-nies kollha ta’ rieda tajba dwar il-kriżi tal-klima. L-Papa jwissi li ninsabu “f’punt li fih titkisser”, u li trid tittieħed azzjoni qabel ma jkun tard wisq, biex nipproteġu lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-to-go-to-dubai-for-cop28.html