Il-Papa jħeġġeġ it-talb għall-paċi kull fejn hemm il-gwerer

Print Friendly, PDF & Email

Kif issa saret drawwa, fi tmiem l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku dawwar ħsibijietu fuq il-ħafna nazzjonijiet li qed ibatu l-kruhat tal-gwerra. Huwa talab lil kulħadd biex jitolbu għall-paċi “kull jum” u “għal kull fejn hemm il-gwerra”.

Nhar l-Erbgħa, l-Qdusija Tiegħu, talab b’mod partikolari għat-talb “għall-Ukrajna martirizata, li tant qed tbati”. Mill-invażjoni tar-Russja, minn Frar 2022, fl-Ukrjana, aktar minn 9,600 ċivil inqatlu, u aktar minn 17,500 ruħ indarbu.

Il-Papa Franġisku talab ukoll għall-Art Imqaddsa, “għall-Palestina u l-Iżrael”. Fis-7 ta’ Ottubru, aktar minn 1,400 Iżraeljan inqatlu f’attakki mwettqa mill-Ħamas. Minn dakinhar, attakki mill-ajru ta’ ritaljazzjoni fuq il-Medda ta’ Gaża, qatlu ‘l fuq minn 11-il elf ruħ, u xi 2,500 ruħ huma neqsin taħt it-tifrik. Din l-informazzjoni hija skont il-ministeru tas-saħħa mmexxi mill-Ħamas f’Gaża.

Fl-aħħarnett, il-Papa dawwar ħsibijietu lejn is-Sudan, fejn hu stmat li 9 t’elef ruħ inqatlu u 5.6 miljun ruħ ġew sfurzati jaħarbu minn djarhom minħabba l-gwerra devastanti bejn iż-żewġ fazzjonijiet rivali li faqqgħet f’April. Skont il-Ministeru għar-Renju Unit tal-Afrika, din il-gwerra ċivili ġiet deskritta bħala “katastrofi umanitarja”, b’sinjali viżibbli ta’ tindif etniku.

“Ejjew naħsbu fuq kull fejn hemm il-gwerra”, temm jgħid il-Papa, filwaqt li fakkar lill-fidili kollha, li sfortunatament, “hawn wisq gwerer!”. Il-Papa saħaq:

“Ejjew nitolbu għall-paċi: Kuljum, nieqfu għal ftit ħin, biex nitolbu għall-paċi. Aħna nixtiequ l-paċi”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-prayer-peace-ukraine-holy-land-war-audience-15-nov.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading