“Meta Alla jsejjaħ lil xi ħadd, dejjem ikun għall-ġid ta’ kulħadd”. Hekk beda l-indirizz tiegħu l-Papa Franġisku lill-parteċipanti f’konferenza mmexxija mill-Vatikan dwar ‘id-Dimensjoni Komuni tal-Qdusija’, l-Ħamis filgħodu. Fid-diskors tiegħu, l-Papa ddiskuta tliet aspetti importanti tal-qdusija: l-qawwa tagħha li tgħaqqad, postha fil-familja, u l-martirju.
Il-Martirju, qal il-Papa Franġisku, huwa “mudell qawwi” ta’ qdusija, li “għandna ħafna eżempju tiegħu tul l-istorja tal-Knisja”. “M’hemm l-ebda perjodu li kien nieqes mill-martri,” saħaq, “inkluż fiż-żmienna”. “Aħna naħsbu li dawn il-martri ma jeżistux, imma ejjew naħsbu dwar każ ta’ ħajja Nisranija, li għexet kontinwament martirju. Dan hu l-każ ta’ Asia Bibi.”

Bibi, mara Kattolika mill-Pakistan, li għal ħafna snin kienet il-ħabs, u bintha kienet iġġibilha l-Ewkaristija… Għadew ħafna snin, sakemm l-imħallfin kienu sabuha innoċenti, u eventwalment inħelset u marret toqgħod il-Kanada. “Kważi disa’ snin ta’ xhieda Kristjana!” saħaq il-Papa Franġisku. “Hawn ħafna u ħafna bħalha, li jixhdu l-fidi u l-karità.”
Il-qdusija, saħaq il-Papa Franġisku, hija vokazzjoni “li titwettaq l-ewwel u qabel kollox fil-karità”. B’hekk “tgħaqqadna ma’ ħutna, u għalhekk mhix biss ġrajja personali, imma waħda komunitarja”. L-Papa nnota, li“meta Alla jsejjaħ persuna, huwa dejjem għall-ġid ta’ kulħadd, bħal fil-każ ta’ Abraham u Mosè, Pietru u Pawlu”. L-unika tweġiba leġittima għall-imħabba ta’ Ġesù, qal, hija li minnufih jixtieq jaqsamha mal-oħrajn, “bħal Mattew, li malli Ġesù sejjaħlu, stieden lil sħabu biex jiltaqgħu mal-Messija”, jew Pawlu, li, “wara li ltaqa’ mal-Irxoxt, sar l-appostlu tal-ġnus”.
L-aħħar punt tad-diskors tal-Papa Franġisku kien il-qdusija kif iseħħ fil-familji. Għalkemm dan it-tip ta’ qdusija hija “evidenti fuq kollox fil-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret”, qal il-Papa, “l-Knisja toffrilna ħafna eżempju oħra”, b’mod partikolari “ta’ koppji qaddisin, li fihom kull wieħed/waħda mill-miżżewġin kien strument ta’ salvazzjoni għall-ieħor jew għall-oħra”. Il-qdusija ta’ koppja miżżewġa, saħaq il-Papa Franġisku, mhix sempliċiment is-somma totali tal-qdusija ta’ kull individwu; anzi, l-qdusija ta’ kull wieħed tikkontribwixxi biex timmultiplika dik tas-sieħeb tal-persuna.
Bħala eżempju ta’ dan it-tip ta’ qdusija, l-Papa ppreżenta lill-koppja Pollakka Josef u Wiktoria Ulma u s-seba’ wliedhom. Huma ppruvaw isalvaw familji Lhud min-Nażi, billi ħbewhom fid-dar tagħhom, iżda eventwalment inqabdu u nqatlu. Din il-familja Pollakka, qal il-Papa Franġisku, “tfakkarna li l-qdusija hija vjaġġ komunitarju, li jrid isir f’pari, mhux waħdu. Dejjem fil-komunità”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-asia-bibi-holiness-martyrdom-family.html