Morru fil-paċi ta’ Kristu… u l-Miraklu ta’ Braine fi Franza.

Print Friendly, PDF & Email

Ir-Rit tal-Għeluq:

  1. Dan ir-Rit jiġbor fih:(i) l-aħħar  tislima tas-saċerdot lill-poplu: ”Il-Mulej magħkom” u l-poplu jwieġeb: “U miegħek ukoll”; (ii)il-barka ta’ Alla li jagħtina s-saċerdot f’isem it-Tliet Persuni ta’ Trinità Qaddisa: ‘‘Iberikhom Alla li  jista kollox…” (iii)l-istedina li jagħti s-saċerdot lin-nies:”Morru fil-Paci ta’ Kristu” u hawn il-poplu jwieġeb “Inroddu ħajr lil Alla” u (iv) it-tislima lill-artal billi s-saċerdot ibus l-altar – simbolu ta’ Kristu.

Għalkemm dan ir-rit huwa kemxejn qasir madankollu għandu tifsira teoloġika profonda ħafna.Hawnhekk ta’ min wieħed jieqaf u jirrefletti ftit dwar l-intensità u t-tifsira tal-Kelma “Morru …” li s-saċerdot  jgħid lill-miġemgħa fit-tmiem il-quddiesa.

Ta’ min jinnota,li s-saċerdot, għal darb’oħra,fil-quddiesa qiegħed itenni l-kliem preċiż ta’ Kristu.Hekk kif ftit qabel fil-mument tal-Konsagrazzjoni tal-Ħobż u l-Inbid is-saċerdot tenna l-kliem ta’ Ġesù: Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi,hekk ukoll issa qed itenni l-istess mandat u l-kelma: “Morru” li Ġesù  qal lill-appostli qabel ma tela’ fis-sema: Morru fid-dinja kollha u xandru l-Evanġelju lil kull ħlejqa”(Mk 16, 15).Għaldaqstant,hekk kif Kristu b’dal-kliem bagħat lid-dixxipli Tiegħu biex ixandru l-Evanġelju hekk ukoll issa Ġesù qed jikkonkludi din iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-persuna tas-saċerdot li qed jaġixxi f’Isem Kristu, u qed jibgħat lilna l-insara preżenti biex immorru lura għall-ħajja tagħna ta’ kuljum u nkomplu, jew nibdew, inħabbru dejjem l-Evanġelju bi kliemna  u wisq aktar  bl-għemejjel u l-eżempji tajba tagħna.

U meta naħsbu u nirriflettu fuq l-Imħabba kbira ta’ Kristu għalina lkoll meta Hu sar bniedem bħalna,għex fostna,bata u miet għalina,qam mill-Imwiet,u bil-Fidwa Tiegħu kisbilna s-Salvazzjoni Eterna,u wara wkoll ħallilna Lilu nnifsu fl-Ewkaristija Mqaddsa,allura għandna tabilħaqq għax “Inroddu ħajr lil Alla.”

Dan hu Kristu li f’Ismu aħna qed niġu  mibgħuta fit-tmiem ta’ din il-quddiesa,imma l-missjoni li qed jafdalna Sidna Ġesù permezz ta’ din il-quddies għadha mhijiex mitmuma imma trid  titkompla matul ħajjitna kollha fil-paċi u l-ferħ fil-ħidma tagħna Evanġelika bħala dixxipli Tiegħu ma’ ħutna l-bnedmin kollha,mal-familji tagħna,ma’ ħbiebna,il-ġirien u l-proxxmu kollu tagħna biex hekk aħna wkoll ikollna sehem importanti fil-ħidma tal-Evanġelizzazzjoni bix-xhieda tal-ħajja Nisranija tagħna. 

F’dal-kuntest nikkwota silta mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika dwar din it-tkomplija tal-missjoni evanġelika  tagħna:     .
 Sancta Missa bil-Latin u mill-kelma latina ħarġu Messa bit-Taljan, Mass bl-Ingliż, Messe   bl-Franċiż…għaliex il-Liturġija li  fiha jseħħ il-Misteru tas-Salvazzjoni,tintemm billi l-Insara jintbagħtu (“missio”) – morru agħmlu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum. Bil-Malti ngħidu Quddiesa għaliex il-Liturġija li tiċċelebra dan is-Sagrament hi Liturġija qaddisa u divina …” (KKK 1332).

2. Meta tlaqqa’ l-Konċilju Vatikan II fl-1962-65 f’Ruma, id-djoċesijiet Kattoliċi kollha madwar id-dinja kienu ordnati mill-Knisja biex jintroduċu l-lingwa vernakolari (l-ilsien tal-post) fil-funzjonijiet liturġiċi. B’dan il-mod,l-introduzzjoni tar-Riti tal-Knisja bil-Malti ressqet il-messaġġ reliġjuż dejjem eqreb lejn il-poplu Malti u l-popli oħra.Sa qabel dal-Koncilju r-Rit tal-Għeluq tal-Quddiesa kien jinkludi  l-akklamazzjoni Ite, Missa est”. Bl-introduzzjoni tal-vernakolu din l-akklamazzjoni nbidlet f‘Morru fil-paċi ta’ Kristu. F’dal-kuntest tajjeb li nitkellmu ftit dwar l-akklamazzjoni: “Ite, Missa est” li bil-Malti tfisser: “Morru, il-quddiesa spiċċat”.

San Tumas ta’ Akwinu jagħti din l-interpretazzjoni dwar din l- akklamazzjoni.

”U minn dan il-quddiesa tieħu isimha [missa];għax il-qassis jibgħat it-talb tiegħu lil Alla permezz tal-anġlu, bħalma jagħmel il-poplu permezz tal-qassis,jew inkella għax Kristu hu l-vittma mibgħuta lilna [missa]: għalhekk id-djaknu fil-ġranet tal-festa “jibgħat” lin-nies fi tmiem il-quddiesa, billi jgħid: “Ite, missa est,” jiġifieri, il-vittma tkun intbagħtet. [missa est] lil Alla permezz tal-anġlu, biex tkun milqugħa minn Alla.” (Summa Theologica, III. Q. 83, a. 4, tweġiba għall-oġġezzjoni 9).

Fir-riflessjoni sabiħa tiegħu tal-aħħar Seba’ Kelmiet ta’ Kristu fuq is-Salib, li hu jgħaqqad ma’ seba’ partijiet tal-Quddiesa, il-Venerabbli Fulton J. Sheen iqabbel l-“Ite, Missa est” mal-kliem ta’ Kristu qabel ma miet: “Kollox mitmum.”

Fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Sacramentum Caritatis, par.51, il-Papa Benedittu XVI jgħid li r-relazzjoni bejn il-Quddiesa ċċelebrata u l-missjoni Nisranija fid-dinja tista’ tiġi pperċepita fil-kliem:“Ite,Missa est,”li jingħad fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.L-espressjoni Missa tinbidel f’missjoni.Din it-tislima tesprimi sintetikament in-natura missjunarja tal-Knisja.Il-poplu ta’ Alla għandu jiġi megħjun,ibbażat fuq il-Liturġija,biex japprofondixxi f’din id-dimensjoni kostituttiva tal-Knisja.

Il-Miraklu Ewkaristiku fi Braine, Franza

Braine hija belt fit-tramuntana ta’ Franza u tagħmel parti mill-Arċidjoċesi ta’ Soissons,reġjun fi Franza.Għadd kbir ta’ abitanti ta’ din il-belt għal xi żmien  ma kinux Kattoliċi.Il-Kontessa Anjese,li kienet Kattolika kienet tagħmel ħilitha kollha biex kemm jista’ jkun tressaq u tikkonverti aktar nies lejn il-Knisja Kattolika. Fost dawn kien hemm tfajla Lhudija,li minkejja li l-Kontessa ppruvat kemm-il darba tressaqha lejn il-Fidi Nisranija, iżda,dit-tfajla qatt ma riedet tikkonverti għall-Fidi  Nisranija,u waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dan kienet li hi qatt ma kienet lesta li temmen u taċċetta it-twemmin tal-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija.  

 Fis-sena 1153 fl-okkażjoni ta’ festa f’ġieħ L-Ispirtu s-Santu,l-Arċisqof ta’ Soissons,Anculphe de Pierrefonds, iċċelebra Quddiesa solenni fil-belt ta’ Braine li għaliha attendew ħafna nies tal-belt saħansitra anki dawk mhux Kattoliċi.Waqt il-quddiesa,fil-ħin tal-elevazzjoni tal-Ostja kkonsagrata, in-nies flok l-Ostja raw tifel żgħir. Kienet dehra Mirakoluża  tant sabiħa u impressjonanti li ħafna minn dawk li ma kinux Kattoliċi,demandèrent le baptême, talbu  li jitgħammdu, fosthom it-tfajla Lhudija. Wara saret purċissjoni Solenni madwar il-belt kollha.

Wara dan il-Miraklu l-istess Kontessa Anjeże  waqqfet monasteru,fejn l-Ostja Mirakoluża nżammet għal sekli sħaħ.Hu magħruf illi 80 sena wara li sar dan il-Miraklu fl-1233 il-Kardinal Jacque de Vitry żar u adura din l-Ostja Mirakoluża. Fl-1718, iktar minn 575 sena wara li sar il-Miraklu, Dom Martene ra l-Ostja li kienet għadha sħiħa u intatta.L-Ostja kienet miżmuma f’tabernaklu flimkien mal-istess kalċi li kien intuża fil-quddiesa tal-Miraklu.

Il-kaxxa tal-ivorju li fiha kienet tinżamm l-Ostja kienet magħduda bħala teżor prezzjuż għan-nies  ta’ hemmhekk.Meta l-patrijiet ħallew warajhom il-monasteru fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża huma fdaw dil-kaxxa f’idejn Lambert,il-kap tal-Pulizija.Ġiet mogħtija lura lill-knisja ta’ Saint-Yved  de  Braine fl-1839,fejn inżammet għal żmien twil fis-sagristija.

Mhux biss l-Ostja u l-kalċi baqgħu miżmuma,imma anke l-ilbies Sagru li kienu ntużaw waqt il-quddiesa tal-Miraklu.

Rapport jgħid illi l-oġġetti kollha wżati waqt il-quddiesa tal-Miraklu  kienu miżmuma b’akbar għożża fil-knisja, inklużi l-għodda wżati biex isiru l-Ostji. Dan jikkonfermah l-inventarju li fih hemm lista ta’ affarijiet użati waqt il-quddiesa tal-Miraklu li għadha ppreservata sal-lum fl-arkivji tad-Dipartiment de l’Aisne f’Lyon. Il-Kurat preżenti ta’ Braine jikkonferma illi l-Miraklu Ewkaristiku seħħ tassew u illi l-purċissjonijiet Solenni baqgħu jsiru  għad unur ta’ dal-Miraklu sal-ġurnata tal-lum.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading