Is-Saċerdozju waħdieni ta’ Kristu… u mirakli Ewkaristiċi fl-ewwel sekli.

Print Friendly, PDF & Email

“Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili…”(Mattew 10:40)

Wara li tkellimna dwar diversi partijiet tal-Quddiesa, is-Sagrifiċċju Ewkaristiku,issa nitkellmu dwar is-Saċerdozju Waħdieni ta’ Kristu,u d-diversi gradi ta’ partiċipazzjoni f’dan is-Saċerdożju Qaddis ta’ Kristu,skont l-irwoli differenti ta’ kull nisrani fil-Komunità Ekklesjali Nisranija.Importanti ngħidu li bis-saħħa tal-Magħmudija kull nisrani jieħu sehem mis-Saċerdożju ta’ Kristu, kif se naraw ‘il quddiem f’dis-sensiela.

Iżda,qabelxejn,ta’ min igħid li mingħajr is-saċerdot mhemmx Ewkaristija! U dan hu hekk,għax propju hekk riedha tkun Sidna Ġesù Kristu.Kien Kristu nnifsu li waqqaf l-Ewkaristija fl-Aħħar Ikla“U ħa l-ħobż,u wara li radd ħajr,qassmu u tahom u qalilhom:‘Dan hu ġismi li jingħata għalikom.Agħmlu dan b’tifkira tiegħi(Luqa 22:19).F’dak il-waqt,Kristu ordna lill-Appostli biex jaqsmu Miegħu l-milja tas-Saċerdozju  Tiegħu.Huwa waqqaf is-Sagrament tal-Ordni Sagri fl-istess waqt li waqqaf is-Sagrament tal-Ewkaristija,u b’hekk ried juri r-rabta intima tas-Sagrament tal-Ordni Sagri mal-Ewkaristija.

Sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri  jistgħu jkunu preżenti u jieħdu sehem sħiħ u attiv fis-Sagrifiċċju ta’ Kristu mibdi fis-sala ta’ fuq,fiċ-Ċenaklu,u tkompla fuq il-Kalvarju,Kristu ta sehem lill-Appostli fis-Saċerdozju Tiegħu stess,u biex hekk aħna wkoll nistgħu tabilħaqq nirċievu l-frott ta’ dal-Misteru kbir u Infinit ta’ Imħabba li Ġesù waqqaf għalina,il-bnedmin kollha.

Hawnhekk se nikkwota diversi siltiet mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika(KKK),biex inkunu nafu u nifhmu sew  x’tgħallem il-Knisja Kattolika dwar tema daqstant importanti u bażika għar-Reliġjon tagħna l-Insara,bħalma hi d-Duttrina tas-Saċerdozju Nisrani.

“Is-Sagrifiċċju ta’ Kristu għall-Fidwa hu Sagrifiċċju uniku,magħmul darba għal dejjem.Iżda jiġġedded fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku tal-Knisja.L-istess ħaġa  ngħidu dwar is-Saċerdozju Waħdieni  ta’ Kristu:jiġġedded fis-Saċerdozju Ministerjali mingħajr ma jiġi nieqes bl-ebda mod il-fatt li s-Saċerdozju ta’ Kristu hu uniku.“Et ideo solus Christus est verum sacerdos,alii autem ministri Eius” – “Għalhekk Kristu waħdu hu saċerdot veru, l-oħrajn huma ministri Tiegħu”(San Tumas ta’ Akwinu,In ad Hebraeos,7,4)(KKK 1545).

“Fil-qadi li ministru ordnat jagħmel fil-Knisja,hu Kristu nnifsu li hu preżenti fil-Knisja Tiegħu bħala r-Ras tal-Ġisem,ir-Ragħaj tal-merħla,il-Qassis il-Kbir tas-Sagrifiċċju tal-Fidwa,l-Għalliem tal-Verità.Dan tfisser il-Knisja meta tgħid li s-saċerdot,bis-saħħa tas-Sagrament tal-Ordni Sagri,jaqdi l-ministeru tiegħu in persona Christi Capitis”-“fil-persuna ta’ Kristu r-Ras” (Konċilju  Vatikan II, Lumen Gentium,10;28; Sacrosanctum Concilium,33; Presbyterorum Ordinis 2;6)(KKK 1548).

Il-Katekiżmu jkompli jgħid li“Is-Sagrament tal-Ordni Sagri jagħti  setgħa qaddis” li mhijiex ħlief is-setgħa qaddisa ta’ Kristu.It-tħaddim ta’ din l-awtorità jrid għalhekk jitkejjel skont l-eżempju  ta’ Kristu li għall-imħabba tagħna sar l-aħħar wieħed u l-qaddej ta’ kulħadd (ara Mk.10,43-45;I Piet 5,3)…”(KKK 1551).

Hemm tliet gradi ewlenin tas-Sagrament tal-Ordni Sagri:Episkopat(Isqfijiet),Presbiterat(Saċerdoti),Djakonat(Djakni).

Dawk l-irġiel li jirċievu l-Ordinazzjoni Episkopali jirċievu l-milja tas-Sagrament tal-Ordni Sagri”Hu għalhekk li l-Knisja tgħallem li l-Isqfijiet,bir-rieda ta’ Kristu,huma suċċessuri tal-Appostli bħala ragħajja tal-Knisja,hekk li min jisma’ lilhom ikun  qed jisma’ lil Kristu,u min iwarrab lilhom ikun qed iwarrab lil Kristu u lil dak li bagħat lil Kristu”(KKK 862).

“Kristu,li l-Missier ikkonsagra u bagħat fid-dinja”,permezz tal-Appostli,sieħeb lis-suċċessuri tagħhom,jiġifieri lill-isqfijiet fil-Konsagrazzjoni u l-Missjoni Tiegħu.Min-naħa tagħhom imbagħad l-isqfijiet għaddew leġittimament id-dmirijiet tal-Ministeru tagħhom lil diversi membri tal-Knisja,skont gradi diversi”.”L-uffiċċju ministerjali tagħhom għaddewh lill-presbiteri fi gradi taħthom:dawn jinsabu fl-Ordni tal-presbiterat biex ikunu kollaboraturi tal-Ordni tal-Isqfijiet fil-qadi tal-missjoni Appostolika fdata lilhom minn  Kristu.”(KKK 1562).

(Dwar dawn il-gradi tal-Ordni Sagri nkomplu nitkellmu f’artikli oħra)

Il-Mirakli Ewkaristiċi fl-Ewwel sekli tal-Kristjaneżmu (1)

(Nitkellmu issa dwar Mirakli Ewkaristiċi li b’xi mod jew ieħor   esperjenzaw xi qaddisin,jew kienu xhieda tagħhom,direttament)

Il-Miraklu rrakkontat minn San Ċiprijan ta’ Kartaġini (200-258 AD).

San Ċiprijan twieled fl-Afrika taʼ Fuq.Ikkonverta għall-Kristjaneżmu madwar is-sena 246,ġie ordnat saċerdot u wara kkonsagrat isqof ta’ Kartaġni fi żmien ta’ persekuzzjoni  taħt l-Imperatur Ruman Deċju.San Ċiprijan kiteb uħud mill-aktar dokumenti fundamentali tal-Knisja fosthom 13-il trattat.Fil-Kapitlu XXV tat-III Trattat De Lapsis (249-258 AD) jittratta dwar  dawk l-Insara  li rrinunzjaw il-Fidi tagħhom minħabba l-persekuzzjonijijiet tar-Rumani.Hawnhekk insibu  did-deskrizzjoni ta’ ġrajja:

Tgħallem minn dak li ġara fil-preżenza tiegħi,quddiem għajnejja stess.Xi ġenituri li ħarbu,li ma tantx qagħdu  attenti minħabba l-biża’ tagħhom,ħallew lit-tifla żgħira tagħhom għand waħda mreddgħa.Din ħalliet lit-tifla abbandunata għand il-maġistrati idolatri. Dawn qiegħdu lit-tifla quddiem idolu fejn il-poplu kien miġbur. Peress li t-tifla kienet żgħira wisq biex tiekol il-laħam,tawha ħobż mgħaddas f’dak li kien fadal mill-inbid offrut ta’ dawk li kienu diġà ġew maqtula bħala sagrifiċċju lill-idolu.Aktar tard,l-omm marret lura għal bintha.Iżda t-tifla ma kinitx kapaċi titkellem u tgħid x’kienu għamlulha,wisq aktar tifhem jew ma taċċettax minn qabel dak li għamlulha.Għalhekk,meta l-omm,mingħajr ma kienet taf  xejn x’ġara daħlitha magħha waqt li aħna konna qed noffru s-Sagrifiċċju tagħna l-Insara.Iżda meta t-tifla sabet ruħha f’nofs il-miġemgħa tagħna,saret nervuża ħafna għat-talb u l-offerta li aħna  konna qed nagħmlu.Kien f’dak il-waqt li t-tifla bdiet  tibki u titniehed ħafna,tirtgħod,tissielet bħal mewġ f’baħar qawwi,bħallikieku kienet taħt tortura orribbli,f’eċċitazzjoni qawwija tal-menti tagħha,u fl-età tenera u fis-sempliċità tagħha bdiet tipprova tistqarr u tesprimi l-kuxjenza tagħha b’kull mod u  sinjal li setgħet tagħmel.Barra minn hekk,meta tlestew is-solennitajiet tar-Riti Sagri u d-djaknu beda joffri l-Kalċi lil dawk kollha  preżenti,u meta wasal lejn it-tifla ċkejkna,hi dawret rasha  daqslikieku kienet qed tħoss il-Preżenza Divina ħdejha,għalqet fommha,żammet xufftejha marsusin ma’ xulxin,u rrifjutat li tixrob mill-Kalċi.Id-djaknu baqa’ jippersisti u,minkejja l-isforzi u l-oppożizzjoni qawwija tagħha,ġiet mġiegħla tieħu ftit mill-Kalċi tas-Sagrament.Immedjatament wara seħħet lefqa u rimettar mit-tifla.L-Ewkaristija ma setgħetx tibqa’ f’ġisem u ħalq ipprofanati;ix-xarba Mqaddsa fid-Demm tal-Mulej tfaċċat (ħarġet)mill-istonku mniġġes.Tant hi kbira l-qawwa tal-Mulej,u tant hi kbira l-Maestà Tiegħu.Is-sigrieti tad-dlam ġew żvelati taħt id-Dawl Tiegħu,u lanqas delitti moħbija ma qarrqu bil-ministru ta’ Alla.”

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ San Tarċizju,Ruma

San Tarċisju(263–275AD) Il-Papa Damasu l-Ewwel (366-384 AD) kiteb u ħalla skrizzjoni f’għamla ta’ poeżija minquxa fuq il-qabar ta’ San Tarċisju fiċ-ċimiterju ta’ San Callistus,f’Via Appia Antica,f’Ruma li tgħid li Tarċisju kien miet jipproteġi l-Ewkaristija.It-tradizzjoni tgħid li fis-sena 275 Tarċizju bħala akkoltu,tfajjel ta’ 12-il sena,kien qed iġorr bil-moħbi l-Ewkaristija lill-insara fil-ħabs,fi żmien l-persekuzzjonijiet  Rumani taħt l-Imperatur Valerjan,u ġie attakkat minn grupp ta’ subien li riedu jaraw x’kien qed iġorr,imma hu ma ħalliehomx u lanqas instabet wara.Ġie msawwat minnhom u miet ġimgħat wara minħabba l-ġrieħi li ġarrab.

L-istorja tiegħu saret magħrufa sew meta l-Kardinal  Ingliż Nicholas Wiseman għamilha parti mir-rumanz tiegħu Fabiola, fejn l-istorja tal-akkolit żagħżugħ San Tarċisju hija drammatizzata, u jingħata rendikont kommoventi ħafna tal-martirju u l-mewt tiegħu. Dan ir-rumanz ġie ppubblikat għall-ewwel darba fis-sena 1854.

Ta’ min igħid ukoll li l-Papa Benedittu XVI, fi prietka tiegħu,jiddeskrivi kif meta l-ġisem ta’ Tarċisju ġie rkuprat,“l-Ostja kkonsagrata li ċ-ċkejken Martri kien iddefenda b’ħajtu,kienet saret laħam ta’ ġismu u b’hekk iffurmat,flimkien ma’ ġismu,Ostja Immakulata waħda offruta lil Alla.”.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading