Is-Saċerdozju waħdieni ta’ Kristu… u Mirakli Ewkaristiċi fl-ewwel sekli (3)

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

 “…intom ġens maħtur,saltna ta’ saċerdoti,  nazzjon qaddis…”

Hekk kif fil-Kotba tal-Antik Testment (Eżodu 19,6) Alla nnifsu jgħid lil Mosè li Hu jrid jsawwar il-Poplu Tiegħu ta’ Iżrael bħala l-poplu Saċerdotali Tiegħu,hekk ukoll fil-Kotba tal-Ġdid Testment,San Pietru (1 Pietru 2,9) itenni dawn l-istess kliem qaddisa ta’ Alla l-Missier biex jgħid lill-ewwel Insara ta’ Tixrid,Pontus,Galarja,Kappokja,l-Asja,u l-Bitinja  li huma “ġens maħtur,saltna ta’ saċerdoti,nazzjon qaddis,poplu miksub…”

F’dal-kuntest, kull Nisrani kemm jekk hu Isqof, Saċerdot, Djaknu, jew  Lajk,bil-qawwa tas-Sagrament tal-Magħmudija li rċieva,jieħu sehem mis-Saċerdozju Waħdieni ta’ Sidna Ġesu Kristu.Dwar dil-verità u realtà importanti li naraw u nifhmu sew x’tgħallem il-Knisja Kattolika,fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (KKK).  

Is-Saċerdozju tal-Lajċi,magħruf ukoll bħala Saċerdozju Komuni tal-fidili

Is-Saċerdozju komuni tal-fidili huwa bbażat fuq il-fatt li dawk kollha mgħammdin jirċievu mhux biss grazzja li tqaddes,imma wkoll karattru,jew marka li ma titħassarx,f’ruħhom li biha jkunu f’għaqda sħiħa  ma’ Kristu bħala Saċerdot,Profeta u Sultan.Il-Konċilju Vatikan II ifakkar lill-Kattoliċi li l-Insara kollha huma tassew saċerdoti bis-saħħa tas-Sagrament tal-Magħmudija li huma rċevew,kif il-Konċilju jkompli jispjega tant tajjeb fil-paragrafu ta’ hawn taħt:

“Kristu l-Mulej,is-Saċerdot il-Kbir meħud minn fost il-bnedmin,għamel lill-poplu ġdid “saltna u saċerdoti għal Alla l-Missier”.Il-mgħammdin,bir-riġenerazzjoni u d-dlik tal-Ispirtu s-Santu,huma kkonsagrati bħala dar spiritwali u saċerdozju qaddis,sabiex permezz ta’ dawk l-għemejjel kollha li huma dawk tal-bniedem Nisrani jkunu jistgħu joffru sagrifiċċji spiritwali u jxandru l-qawwa ta’ Dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tal-għaġeb Tiegħu.Għalhekk id-dixxipli kollha ta’ Kristu, li  jipperseveraw fit-talb u jfaħħru lil Alla,qed jippreżentaw lilhom infushom bħala sagrifiċċju ħaj,qaddis u li jogħġob lil Alla.Kullimkien fuq l-art għandhom jagħtu xhieda ta’ Kristu u jagħtu tweġiba lil dawk li jfittxu għarfien u kont ta’ dik it-tama tal-ħajja ta’ dejjem li hemm fihom.Għalkemm huma differenti minn xulxin fl-essenza u mhux biss fil-grad,is-Saċerdozju komuni tal-fidili u s-Saċerdozju ministerjali jew ġerarkiku huma madankollu interrelatati:kull wieħed minnhom bil-mod speċjali tiegħu hu parteċipazzjoni fis-Saċerdozju Waħdieni ta’ Kristu.Is-Saċerdot Ministerjali,bis-setgħa Sagra li jgawdi,jgħallem u jmexxi lill-poplu saċerdotali;billi jaġixxi fil-persuna ta’ Kristu, jagħmel preżenti s-Sagrifiċċju Ewkaristiku,u joffrih lil Alla f’isem il-poplu kollu.Iżda l-fidili,bis-saħħa tas-Saċerdozju rjali tagħhom,jingħaqdu fl-offerta tal-Ewkaristija.Huma wkoll jeżerċitaw dak is-saċerdozju billi jirċievu s-Sagramenti, fit-talb u r-radd il-ħajr,fix-xhieda ta’ ħajja qaddisa,u b’mod personali biċ-ċaħda tagħhom infushom,u bil-karità attiva”. (Kostituzzjoni Dogmatika dwar il-Knisja, Lumen Gentium, par. 10).

Għalhekk,“Waqt li s-Saċerdozju komuni tal-fidili kollha jseħħ billi n-nisrani jgħix il-grazzja tal-Magħmudija – b’ħajja ta’ fidi,ta’ tama u ta’ mħabba,ħajja skont l-Ispirtu – is-Saċerdozju Ministerjali hu għall-qadi tas-Saċerdozju Komuni tal-Fidili kollha,ħa jgħixu l-grazzja tal-Magħmudija tagħhom.’(KKK para.1547).

Il-Vokazzjoni tal-Lajċi fil-Knisja u fid-dinja

Għaldaqstant,il-missjoni Saċerdotali tal-lajċi hija li jqaddsu d-dinja permezz tal-offerta tas-sagrifiċċji spiritwali:“Għax-xogħlijiet,it-talb u ħidmiet appostoliċi tagħhom,il-ħajja ordinarja taż-żwieġ u tal-familja tagħhom,l-okkupazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum,il-mistrieħ fiżiku u mentali tagħhom,jekk jitwettqu fl-Ispirtu,u anke t-tbatijiet tal-ħajja,jekk jitġarrbu bil-paċenzja — dawn kollha jsiru ‘sagrifiċċji spiritwali aċċettabbli għal Alla permezz ta’ Ġesù Kristu’’ (1 Pietru 2:5).Flimkien mal-offerta tal-Ġisem tal-Mulej,huma offruti bl-aktar mod xieraq fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Għalhekk,bħal dawk kollha li kullimkien jaduraw f’Attività Qaddisa,il-lajċi jikkonsagraw id-dinja nnifisha lil Alla” (Lumen Gentium par.34).

Il-Mirakli Ewkaristiċi fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu (3)

F’artiklu preċedenti tkellimna dwar il-Miraklu Ewkaristiku li San Ċiprijan ta’ Kartaġni jsemmi fil-Kapitlu XXV tat-III Trattat tiegħu De Lapsis (249-258 AD),fejn fost ħwejjeġ oħra jsemmi il-persekuzzjonijiet li l-Insara fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu kellhom mill-Imperaturi Rumani.Fi żmien dawn l-persekuzzjonijiet kienet id-drawwa li l-insara jżommu Ostja Kkonsagrata moħbija d-dar biex f’każ li jiġu maqbuda jitqarbnu għall-aħħar darba.

San Ċiprijanu jgħidilna li waħda mara ħadet Ostja li ħbietha f’kaxxa għal meta tista’ tiġi bżonnha.Iżda dil-mara wara waqgħet fl-apostasija,billi ċaħdet il-twemmin Nisrani tagħha minħabba l-biża’ tal-persekuzzjoni  u meta darba fetħet il-kaxxa fjammi tan-nar ħarġu mill-kaxxa,li werwirha bir-rimors.


San Ċiprijanu jirrakkonta wkoll kif wieħed raġel li kien waqa’ fl-apostasija ipprova jitqarben. Iżda,dan kif ingħata l-Ostja kkonsagrata f’idu din sparixxiet u f’idu baqa’ biss ftit irmied.

San Girgor ta’ Tours (c. 538-595 AD) jirrakkonta din il-ġrajja tabilħaqq  mhux komuni fil-ktieb tiegħu “Gloria Martyrum” (bil-Malti “il-Glorja tal-Martri”):“Fiż-żmien meta Mennas kien Isqof ta’ Kostantinopli kienet id-drawwa antika f’dik il-belt illi meta kien  jibqa’ xi  Ostji Kkonsagrati wara t-Tqarbin kienu  jiġu msejħa tfal-subien mill-iskola biex jikkunsmawhom.Darba minnhom fost dawn it-tfal kien hemm tifel li kien iben manifattur Lhudi  tal-ħġieġ.Peress li t-tifel ittarja xi ftit  biex mill-iskola jasal lura d-dar missieru staqsieh ir-raġun ta’ dak id-dewmien u t-tifel qalu x’kien ġara. Il-missier, li s’intendi bħala Lhudi ma kienx jemmen fl-Ewkaristija,tant inkorla li  qabad lil ibnu u tefgħu ġo forn jaqbad fejn kien jinħadem il-ħġieġ. Omm it-tifel li makenitx taf x’kien ġara fettxet lil binha mad-dar kollha u bdiet issejjaħlu.Ġara li t-tifel minn ġol-forn sema’ lil ommu.Fetħet malajr il-bieb tal-forn u hemm rat lil binha qalb in-nirien iżda ma kien ġralu xejn. Dlonk staqsew it-tifel kif ma kien  ġralu l-ebda ħsara hu wieġeb illi sinjura liebsa l-vjola deheritlu bl-ilma biex ittaffilu l-għatx u titfi l-faħam ta’ madwaru; ġabitlu l-ikel u x-xorb xħin kien bil-ġuħ.Meta l-Imperatur Ġustinjanu sema’ b’dan, għadda l-omm u l-iben f’idejn is-saċerdoti.Wara kemm l-omm kif ukoll it-tifel irċevew il-Magħmudija.Il-missier baqa’ ma riedx iħaddan it-twemmin nisrani u ġie kkundannatbħala l-qattiel ta’ ibnu u ġie msallab f’tarf Syca“. San Girgor ta’ Tours ikompli jgħid:


It-tifel irċieva l-Ewkaristija Mqaddsa fil-knisja ta’ Santa Marija, fejn insibu l-immaġini tal-Verġni Mbierka f’post prominenti u li fuqha t-tifel tefa’ għajnejh u hekk miġbud b’qawwa kbira lejha.L-immaġini li ra  fil-knisja tal-Madonna bit-tarbija f’dirgħajha kienet l-istess waħda li dehritlu qalb in-nirien.L-Ikel u x-xorb li t-tifel irċieva mingħand il-Madonna kien il-Ġisem u d-Demm Glorjuż ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.”  Din il-ġrajja hija kkonfermata wkoll mill-kittieb tal-istorja Evagrius Scholasticus (c.536-594 AD) fil-ktieb tiegħu Historia Ecclesiastica (bil-Malti: L-Istorja tal-Knisja).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading