Is-Saċerdozju waħdieni ta’ Kristu u Mirakli Ewkaristiċi fl-ewwel sekli 4

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Wara li f’artikli preċedenti tkellimna dwar is-sehem tal-Isqfijiet, saċerdoti, djakni u lajċi fis-Saċerdozju ta’ Kristu,b’diversi  siltiet mill-dokumenti tal-Knisja Kattolika, issa ntemm din it-tema  billi nikkwota siltiet mid-diskors kollu tagħlim dwar is-Saċerdozju tal-Lajċi li l-Papa San Ġwanni Pawlu II  kien għamel f’Udjenza Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 1993.

Is-Saċerdozju tal-Lajċi

“ Fil-katekeżi preċedenti dwar il-lajċi semmejna kemm-il darba s-servizz ta’ tifħir lil Alla u dmirijiet oħra ta’ qima li huma r-responsabbiltà tal-lajċi.Illum irridu niżviluppaw dit-tema b’mod aktar dirett,billi nibdew mit-testi tal-Konċilju Vatikan II,fejn naqraw: Is-Saċerdot Suprem u Etern,Kristu Ġesù,peress li jrid ikompli x-xhieda u s-servizz tiegħu wkoll permezz tal-lajċi,iħajjarhom f’dan l-Ispirtu u jħeġġiġhom dejjem aktar għal kull ħidma tajba u perfetta.” (Lumen Gentium,34).Taħt dan l-impuls tal-Ispirtu s-Santu,il-lajċi jaslu biex jieħdu sehem fis-Saċerdozju ta’ Kristu,fil-forma li qabel iddefinejna bħala komuni għall-Knisja kollha,li fiha kulħadd,lajċi inklużi,hu msejjaħ biex  jagħti lil Alla l-qima spiritwali….

Aħna nosservaw li l-Konċilju ma jillimitax ruħu biex jikkwalifika l-lajċi bħala “parteċipanti fl-uffiċċju Saċerdotali,Profetiku u Rjali ta’ Kristu” (Lumen Gentium,31) iżda jispeċifika li Kristu nnifsu jkompli l-eżerċizzju tas-Saċerdozju tiegħu f’ħajjithom.Għalhekk,is-sehem tagħhom fis-Saċerdozju komuni tal-Knisja jseħħ  bl-impenn u l-ħidma ta’ Kristu,il-Qassis il-Kbir ta’ dejjem u uniku.

U għal darb’oħra:din il-ħidma Saċerdotali ta’ Kristu fil-lajċi titwettaq permezz tal-Ispirtu s-Santu.Kristu “jagħtihom il-ħajja bl-Ispirtu Tiegħu”. Hekk wiegħed Ġesù meta stqarr il-prinċipju li l-Ispirtu jagħti l-ħajja (Ġwanni  6,63).Dak li ntbagħat f’Pentekoste biex jifforma l-Knisja għandu l-kompitu dejjiemi li jiżviluppa s-saċerdozju u l-attività Saċerdotali ta’ Kristu fil-Knisja,inklużi fil-lajċi,li huma membri sħaħ tal-Knisja,il-Corpus Christi,bis-saħħa tal-Magħmudija.Fil-fatt bil-Magħmudija,tinbeda l-preżenza u l-attività saċerdotali ta’ Kristu f’kull membru tal-Ġisem Tiegħu,li fih l-Ispirtu s-Santu jnissel  il-grazzja u jimmarka b’karattru.Dan jippermetti lil min jemmen li jkollu sehem vitali fil-qima mogħtija minn Kristu lill-Missier fil-Knisja.Fil-Griżma mbagħad tingħata l-ħila li  jkunu adulti  impenjati fil-Fidi,involuti b’mod attiv fil-missjoni tal-Knisja ta’ xhieda u t-tixrid tal-Vanġelu.(San Tumas ta’ Akwinu,Summa theologiae, III,q. 63,a. 3; q. 72, aa 5-6).

Bis-saħħa ta’ dil-komunikazzjoni tas-Saċerdozju Tiegħu,Kristu jagħti lill-membri kollha tiegħu,anke lil- lajċi ( Lumen Gentium, 34),il-fakultà li jimplementaw f’ħajjithom dik il-qima li hu stess sejjaħ “li jqimu lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità” (Ġw 4,23).Bl-eżerċizzju ta’ dan il-kult il-lajċi,animati mill-Ispirtu s-Santu,jieħdu sehem fis-sagrifiċċju tal-Kelma Inkarnata u fil-missjoni  Tiegħu bħala Qassis il-kbir u Feddej universali.

Skont il-Konċilju,huwa f’din ir-realtà saċerdotali traxxendenti tal-Misteru ta’ Kristu li l-lajċi huma msejħin biex joffru ħajjithom kollha  kemm hi bħala sagrifiċċju spiritwali,biex b’hekk jikkoperaw mal-Knisja kollha…

Il-qima spiritwali timplika s-sehem tal-lajċi fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika,iċ-ċentru tal-ħidma kollha tar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin u Alla fil-Knisja.F’dan is-sens,anki “l-lajċi jieħdu sehem fl-uffiċċju saċerdotali,li għalih Ġesù offra lilu nnifsu fuq is-Salib u joffri Lilu Nnifsu kontinwament fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika,għall-glorja tal-Missier għas-Salvazzjoni tal-umanità” (Esortazzjoni Apostolika:Christi fideles Laici,14).Fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika l-lajċi jieħu sehem b’mod attiv billi joffru lilhom infushom f’għaqda ma’ Kristu Saċerdot u l-Ewkaristija;u din l-offerta tagħhom għandha valur ekkleżjali bis-saħħa tal-karattru tal-Magħmudija li jagħmilhom denji biex jagħtu lil Alla,ma’ Kristu u fil-Knisja,il-qima uffiċjali tar-Reliġjon Nisranija (Summa theologiae,III,q.63,a 3).Is-sehem Sagramentali fil-bankett Ewkaristiku tistimola u tipperfezzjona l-offerta tagħhom,billi tagħtihom il-grazzja Sagramentali li tgħinhom jgħixu u jaħdmu skont it-talbiet tal-offerta magħmula ma’ Kristu u mal-Knisja.F’dal-punt irridu ntennu l-importanza tal-parteċipazzjoni fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd tal-Ewkaristija,preskritta mill-Knisja.Hija għal kulħadd l-għola att ta’ qima fl-eżerċizzju tas-Saċerdozju universali,bħalma l-offerta Sagramentali tal-Quddiesa hija fl-eżerċizzju tas-Saċerdozju ministerjali għas-saċerdoti.Is-sehem fl-Ikla Ewkaristika hija għal kulħadd kundizzjoni ta’ għaqda vitali ma’ Kristu,kif qal hu stess:“Tassew,tassew ngħidilkom,jekk ma tieklux il-Laħam ta’ Bin il-bniedem u tixorbu Demmu,ma jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw 6:53).

Nikkonkludi bil-kliem tal-ewwel Ittra ta’ Pietru,li skolpixxa l-figura tal-lajċi li jieħdu sehem fil-Misteru Ewkaristiku-Ekkleżjali:“Intom ukoll,bħala ġebel ħaj,inbnew f’bini spiritwali,bħala Saċerdozju qaddis,biex toffru Sagrifiċċji Spiritwali li jogħġbu lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu” (1 Pietru 2:5).

Il-Mirakli Ewkaristiċi fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu (4)

San Gregor I, magħruf  bħala  San Girgor il-Kbir (c.540 – 604 AD),Papa u Duttur tal-Knisja, fil-ħafna kitbiet tiegħu  jagħti xhieda  tal-Fidi u l-Imħabba kbira li kellu lejn l-Ewkaristija u l-qawwa tas-Sagrifiċċju qaddis tal-quddiesa.

Fir-Raba’ ktieb tiegħu Djalogi dwar il-ħajja Mirakuluża tal-qaddisin,San Girgor f’paragrafu 59,paġna 270-272,jirrakkonta dil-ġrajja:“Agatho,Isqof ta’ Palermo kien qed jivvjaġġa fuq bastiment minn Palermo għal Ruma.Matul il-vjaġġ qamet  tempesta  qawwija u l-bastiment kien f’periklu  kbir li jitfakkar u jegħreq.L-uniku tama kienet  fil-Ħniena t’Alla.Kulħadd beda jitlob lil Alla biex jeħlishom.Waqt li kienu qegħdin jitolbu ċertu baħri Varaca,li llum hu kjeriku fil-knisja ta’ Palermo,kien qed jitħabat b’ħiltu kollha ivara dgħajsa żgħira li kienet qed tinġibed mill-bastiment.F’ħin minnhom did-dgħajsa nqatgħet u nbelgħet,flimkien mal-baħri Varaca,mill-mewġ.L-Isqof Agatho ħaseb li Varaca għereq u miet.

Sadanittant,il-bastiment li fuqu kien hemm l-isqof irnexxielu jasal fost ħafna perikli fuq l-ġżira ta’ Ostika.Hawn l-Isqof offra s-sagrifiċċju tal-quddiesa għal ruħ Varaca.Hekk kif issewwa l-bastiment komplew fi triqthom għal Ruma.Kif niżlu l-art b’għaġeb kbir l-Isqof iltaqa’ ma’ Varaca li mingħalih kien mejjet.Mimli ferħ staqsieh kif kien irnexxielu jsalva mit-tempesta.Il-baħri rrakkontalu kif d-dgħajsa żgħira tiegħu kienet kontinwament fil-periklu li tinqaleb u dejjem irnexxielha terġa’ titla’ f’wiċċ l-ilma.Billejl u bi nhar kien jitħabat mal-mewġ u batut bil-ġuħ u bil-għatx kellu għax jinżel f’qiegħ il-baħar kieku ma waslitlux l-għajnuna.“Fl-aħħar f’daqqa waħda”,irrakkonta Varaca,”meta kont ċedut u kważi barra minn sensija u ma nafx jekk kontx rieqed jew imqajjem rajt raġel wieqaf quddiemi li offrieli l-ħobż.Bilkemm kont għadni rċevejtu li saħħti ma ġietx lura,u ftit ħin wara dar-raġel ġabarni fuq bastiment ieħor u ġabni hawn.”

Meta l-Isqof sar jaf il-jum meta ġara dan induna illi kien fl-istess jum li fih kien offra l-quddiesa  għar-ruħ Varaca fuq il-gżira ta’ Ostika.

Simili ħafna għal din il-ġrajja, fl-istess raba’ ktieb  Djalogi ta’ San Girgor insibu rakkont ieħor ta’ Miraklu konness mas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa.

Il-Papa Girgor jirrakkonta din il-ġrajja: “Ġara li ftit taż-żmien ilu raġel ittieħed priġunier mingħajr ma martu kienet taf fejn qiegħed, u għalhekk wara li għaddew numru ta’ snin  ħasbitu li kien mejjet. Għalhekk bdiet tagħmel quddiesa kull ġimgħa f’ċerti ġranet u toffrihom għal ruħ żewġha. Wara ħafna żmien ir-raġel reġa’ lura d-dar u rrakkonta lil martu illi f’ċerti ġranet il-ktajjen kienu jinħallulu u b’hekk hu seta’ jaħrab mill-ħabs. Ġara li meta martu staqsietu f’liema ġranet tal-ġimgħa dan kien jiġri hi ndunat li l-ġranet meta l-ktajjen kienu jinħallu kienu meta hija kienet toffri s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa għalih.” It-tradizzjoni tagħtina rakkont ieħor ta’ Miraklu Ewkaristiku fil-ħajja ta’ San Girgor il-Kbir innifsu,li seħħ fis-sena 595 AD waqt li San Girgor kien qed iqaddes fil-Bażilika Sessoriana f’Ruma.Dal-Miraklu kiteb dwaru d-Djaknu Pawlu fis-sena 787 AD fil-Vita Gregorii Papaetiegħu.

(Dal-Miraklu hu deskritt fit-Tieni  artiklu f’dis-sensiela)

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading