L-istruttura tal-Quddiesa: Il-Liturġija tal-Kelma (2).. u mirakli Ewkaristiċi oħra.

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Ir-Riti tal-Bidu tal-Quddiesa

Qabel ma nibdew nitkellmu dwar din it-taqsima tal-Quddiesa,jiġifieri  l-Liturġija tal-Kelma, nagħtu  tagħrif fil-qosor dwar  dawk li jissejħu r-Riti tal-Bidu tal-Quddiesa li nsibuhom fil-Missal Ruman. F’dawn ir-Riti nsibu:

  1. Il-Purċissjoni u l-Kant tad-dħul: Il-Quddiesa tibda bil-purċissjoni tad-dħul tas-saċerdot/i, djaknu, abbatini, letturi, ministri tat-Tqarbin, akkumpanjata b’kant ta’ Innu liturġiku li jgħin l-għaqda tal-fidili Nsara preżenti u jħejjihom spiritwalment għall-Misteru Ewkaristiku li jkun se jiġi ċċelebrat.
  2. It-Tislima lill-Artal Malli l-partiċipanti fil-purċissjoni jaslu fuq il-presbiterju,b’qima kbira jsellmu l-artal, u ċ-Ċelebrant/konċelebranti u d-djaknu jbusu l-artal, li hu s-Simbolu ta’ Kristu (1 Kor 10,4;Atti 4,11) u wara ċ-Ċelebrant ewlieni jinċensah ukoll.
  3. It-Tislima lill-Poplu Wara, iċ-Ċelebrant jmur fuq s-sede tiegħu u jagħti tislima wkoll lill-poplu bil-kliem: “il-Mulej magħkom” li mhux biss tfisser xewqa li l-grazzja tal-Mulej Ġesù tkun ma’ dawk kollha preżenti,imma tfisser ukoll li l-Preżenza ta’ Kristu tabilħaqq hi fost dawk  miġbura f’Ismu. “Għax fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’Ismi,hemm inkun Jien fosthom”.(Matt.18,20)
  4. L-Att Penitenzjali jikkonsisti fi stqarrijia ġenerali tal-ħtijiet li ssir miċ-Ċelebrant flimkien mal-ġemgħa preżenti. Dal-Att Penitenzjali jiġbor fih: (a) stedina mis-saċerdot biex kulħadd jagħraf ħtijietu;(b) jinżamm mument qasir ta’ skiet; (ċ) stqarrija tal-ħtijiet:“Nistqarr ‘l Alla…”; (d) it-talba għall-maħfra jew assoluzzjoni mis-saċerdot.

Madanakollu, dan l-Att Penitenzjali, għalkemm jiswa għall-maħfra tad-dnubiet, ma jiħux il-post tal-Qrar, jiġifieri d-dnubiet gravi (dawk li nsejħulhom mejtin) jinħafru permezz tal-Qrar għand is-saċerdoti, kif ordna Sidna Ġesù Kristu nnifsu (Matt.18,18).

  • Mulej Ħniena (bil-Grieg Kyrie Eleison), litanija qasira ta’ sejħat lil Kristu l-Mulej u Feddej għall-ħniena u l-maħfra dejjiema ta’ Alla. Fil-qedem dawn is-sejħat kienu jagħmlu parti minn talba litanika li kellha għamla tat-Talba tal-Fidili.
  • Il-Glorja ‘l Alla ssegwi l-Att Penitenzjali, li tibda billi ttenni l-istess kliem ta’ tifħir lil Alla fit-twelid ta’ Ġesù:“Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet…!”.(Luqa 2,13). F’dal-Innu antik ta’ nisel grieg, li diġà kien jeżisti f’Lixandra fi żmien San Atanasju fis-seklu 4 u mdaħħal  fil-liturġija tal-quddiesa fis-seklu Sitta, l-Insara jingħaqdu f’għanja ferrieħa ta’ tifħir u radd il-ħajr lit-Tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa.
  • Il-Kolletta Kif tindika dil-kelma stess,iċ-Ċelebrant wara li jistieden lill-poplu biex fis-skiet u l-ġabra jitlob: “Nitolbu” issa huwa jiġbor (għalhekk kolletta) f’talba waħda t-talb kollu komunitarju u privat ta’ kulħadd biex iwassalhom quddiem Alla. It-tweġiba spontanja tal-insara  kollha preżenti tkun “Ammen” (kelma indaħħla fil-liturġija tal-Knisja Kattolika mill-Papa San Klement l-Ewwel fl-ewwelseklu tal-Kristjaneżmu), li tfisser li huma jagħmlu tagħhom dit-talba li s-saċerdot jgħid f’isimhom.

Dil-Kolletta tagħlaq id-daħla jew ir-Riti tal-Bidu tal-Quddiesa.    nferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uni

Il-Mirakli  Ewkaristiċi f’Olmütz,Ċekoslovakja,sena 1242

Meta f’nofs is-seklu tlettax it-Tartari (grupp etniku mir-Russja,il-Każakstan,Ukrajna,u Polonja) kienu qegħdin jinvadew ħafna pajjiżi u jwettqu ħerba  u qerda kull fejn kienu jersqu, Jaroslas von Sternberg (1220-1287) li kien responsabbli mill-protezzjoni tar-renju ta’ Moravja,reġjun fil-Lvant tar-Repubblika Ċeka (Ċekoslovakja), laqqa’ armata ta’ madwar 8,000 raġel mill-Boemja u 4,000 ċittadin Moravjani u stazzjonhom f’Olomouc (bil-Ġermaniż Olmütz) belt fortifikata fil-Moravja, biex tkun lesta għal xi attakk mit-Tartari.

Eventwalment, it-truppi ta’ Tartari malajr tfaċċaw  fil-Moravja  u bdew jaħarqu rħula u joqtlu ċittadini Moravjani.Attakkaw il-monasteru ta’ Gradie, u wara li qatgħu ras kull min kien hemm ġew, ħarqu l-monasteru. Bl-irjus tal-patrijiet maqtugħa u marbutin ma’ dnub iż-żwiemel, resqu lejn il-belt u waqqfu l-kampijiet tagħhom  barra mill-bibien ta’ Olmütz.

L-armata ta’ Jaroslas xtaqet tattakka malajr,imma l-kmandant għaqli Jaroslas żammha milli tagħmel hekk għax iddeċieda li jistenna mument  aktar opportun biex jattakka l-għadu. Min-naħa l-oħra,peress li t-Tartari ħasbu li l-armata ta’ Jaroslas ma kenitx se tattakka għax beżgħet,ħafna minnhom telqu lejn il-kampanja.

Nhar il-festa ta’ San Ġwann Battista Jaroslas wara qrara rċieva l-Ewkaristija Mqaddsa. Is-suldati kollha  għamlu bħalu u ħadu s-Sagramenti bi tħejjija għall-battalja li kienet ippjanata għal-lejl ta’ wara.

Wara,filwaqt li xi wħud mis-suldati ta’ Jaroslas baqgħu  fil-belt ta’ Olmütz biex jħarsuha, l-oħrajn ftit wara nofsillejl inġabru ‘l barra mill-bibien tal-belt lesti għall-battalja.Għal darb’oħra s-suldati mxew fuq l-eżempju tal-kmandant tagħhom Jaroslas li wara li niżel minn fuq iż-żiemel qagħad għarkopptejh. Meta s-suldati kollha kienu għarkopptejhom, Jaroslas għamel talba lil Omm Alla u wiegħed li jibni knisja għad unur tagħha jekk joħorġu rebbieħa. Wara li għollew leħenhom u lissnu l-Ave Maria s-suldati riekbu ż-żwiemel tagħhom u marru biex jiġġieldu l-għadu.

Is-suldati mhux talli issa kienu qegħdin jivvjaġġaw taħt il-protezzjoni ta’ Marija, Omm Alla, imma kellhom forza akbar bil-preżenza tal-Ewkaristija. Wara t-tqarbin tas-suldati  kien fadal ħames Ostji Kkonsagrati. Jaroslas ordna li dawn jitqiegħdu f’pissidi u wara saċerdot riekeb fuq żiemel ħadhom biex  akkumpanja lis-suldati fuq il-kamp tal-battalja.

Matul il-lejl il-battalja ħraxet qalb tixrid kbir ta’ demm u mwiet.Il-kmandant tat-Tartari safa’ maqtul u l-għadu tant sab ruħu mifxul illi deher ċar li l-gwerriera Nsara kienu ħarġu rebbieħa. Imwerwra bl-għadd kbir ta’ mwiet li sofrew u b’qalbhom maqtugħa bil-mewt tal-kmandant tagħhom, it-Tartari ħarbu telliefa minn Olmütz.

Ir-rebħa tal-armata ta’ Jaroslas fuq it-Tartari saret bis-saħħa tal-Preżenza tal-Ewkaristija u l-protezzjoni tal-Madonna fuq il-kamp tal-battalja…imma dan kien biss parti mill-Miraklu Ewkaristiku  f’Olmütz.

Wara l-battalja l-Ewkaristija ġiet meħuda l-knisja, u s-saċerdot hawn baqa’ mistagħġeb meta sab li kull Ostja kienet imdawra b’ċirku roża jiddi. Meta s-saċerdot wera dal-Miraklu Ewkaristiku lis-suldati u liċ-ċittadini Moravjani u Ċeki huma raddew ħajr u faħħru ‘l Alla għar-rebħa tagħhom u għal dal-Miraklu Ewkaristiku li permezz tiegħu kompliet dejjem tissaħħaħ fihom il-Fidi tagħhom fil-Kobor u l-Glorja ta’ Alla, u tal-Madonna.

Filwaqt li l-kappella nbniet,dal-Miraklu Ewkaristiku għadu jiġi mfakkar u ċċelebrat f’Olmütz sal-ġurnata tal-lum.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading