L-Istruttura tal-Quddiesa: Il-Liturġija tal-Kelma (3).. u aktar Mirakli Ewkaristiċi

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Il-Mulej ikellem il-Poplu Tiegħu

Wara li tkellimna dwar r-Riti tal-Bidu tal-Quddiesa, nitkellmu  issa dwar l-Ewwel miż-żewġ partijiet ewlenin tal-Quddiesa: Il-Liturġija tal-Kelma. ”Meta l-Iskrittura Mqaddsa tinqara fil-Knisja,Alla nnifsu jkellem lill-poplu tiegħu,u Kristu,preżenti fil-kelma Tiegħu,iħabbar l-Evanġelju.”

Dal-kliem mill-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman para.29 ipoġġi quddiemna verità profonda li rridu naħsbu sew fuqha u nagħmluha tagħna.Differenti ferm minn kwalunkwe testi u qari ieħor li qatt nistgħu naqraw jew nisimgħu,Il-kliem tal-Kotba Mqaddsa  mhux biss jagħtuna tagħrif,iżda huma l-mezz li Alla juża biex jirrivela Lilu Nnifsu lilna, u l-mezz li bih insiru nafu l-profondità tal-Imħabba t’Alla għalina, u r-risponsabbiltajiet u dmirijiet tagħna bħala li aħna segwaċi ta’ Kristu,u membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu.Barra minn hekk, dil-Kelma ta’ Alla mħabbra fil-Liturġija Ewkaristika għandha qawwa sagramentali speċjali li ġġib fina dak li tħabbar. Il-Kelma ta’ Alla mħabbra fil-Quddiesa hija effikaċi u effettiva ħafna spiritwalment għax mhux biss tgħallimna dwar Alla u r-rieda Tiegħu għalina, imma wkoll tgħinna nwettqu dik ir-rieda ta’ Alla fil-prattika f’ħajjitna. Imma biex  iseħħ dan fina,l-Kelma ta’ Alla titlob minna s-smigħ attent u silenzjuż tagħna lejha flimkien mar-riflessjoni u d-dixxerniment intern tagħna fuq dak kollu li nkunu qed nisimgħu.Fuq kollox,il-Kelma ta’ Alla ssejħilna  għar-rispons attiv u sinċier tagħna  li jolqot il-ħajja tagħna ta’ kuljum,u li jwassalna li f’dak kollu li nagħmlu u ngħidu aħna nkunu qed inxandru lil Kristu u l-messaġġ Tiegħu ta’ Imħabba lill-proxxmu kollu  tagħna.

L-Ewwel Qari: Dal-qari hu meħud mit-Testment il-Qadim, (jew mill-Atti tal-Appostli speċjalment fi żmien il-Għid). Il-kliem tat-Testment il-Qadim jippreżentalna dehra ta’ dak li  jiġri fit-Testment il-Ġdid.Ġesù Kristu huwa t-twettiq tar-Rivelazzjoni Divina mbassra fit-Testment il-Qadim. L-Ewwel Qari huwa konness mal-Qari tal-Evanġelju,kemm tematikament kif ukoll bħalha li hu prefigurazzjoni ta’ Kristu u l-missjoni Tiegħu. Għalhekk is-siltiet mit-Testment il-Qadim għandhom aspett Profetiku  –  jħabbru sa minn sekli qabel il-Miġja u l-Missjoni tal-Messija li hu Kristu. F’das-sens il-qari tas-siltiet mit-Testment il-Qadim isibu t-twettiq u t-tifsira tagħhom fil-qari tas-siltiet mit-Testment il-Ġdid.

Is-Salm Responsorjali: Wara li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla fl-Ewwel Qari, issa nwieġbu mhux bi kliemna,imma bi kliem ta’ tifħir u radd il-ħajr meħud mill-Ktieb tas-Salmi,li hu ġabra ta’ 150 salm wżati kemm għall-qima privata kif ukoll pubblika fit-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Is-Salm li  jingħad jew jitkanta waqt il-Quddiesa huwa marbut mal-Ewwel Qari.Ir-raġuni għas-Salm Responsorjali hija doppja: l-Ewwel, hekk kif il-lettur jaqra s-Salm,il-Kongregazzjoni twieġeb lura f’att taʼ qima u talb. It-tieni, huwa maħsub bħala tweġiba għall-Ewwel Qari u jgħin lill-fidili jimmeditaw aktar fil-fond fuq it-tema ta’ dal-qari.

It-Tieni Qari: Wara s-Salm Responsorjali, il-Knisja tkompli jxandar il-Kelma ta’ Alla bit-Tieni Qari li jkun meħud mill-kotba tat-Testment il-Ġdid li mhumiex l-Evanġelji; bħalma huma l-Ittri ta’  San Pawl u dixxipli oħra,l-Atti tal-Appostli u l-Ktieb tal-Apokalissi. Għalhekk is-siltiet f’dat-Tieni Qari għandhom aspett Appostoliku. Dawn il-kitbiet tat-Testment il-Ġdid jitkellmu u jirriflettu dwar il-Misteru ta’ Ġesu Kristu u l-ħidma Tiegħu tas-Salvazzjoni u t-tifsira li għandhom għal ħajjitna.Fl-istess ħin dal-Qari jurina kif napplikaw dat-tagħlim għall-ħajja nisranija tagħna.

Hekk f’dil-parti tal-Liturġija tal-Kelma naraw f’liema ordni u  segwenza  l-Knisja Kattolika tmexxina tul il-Qari Bibliku kollu: għandna l-Profeti(fl-Antik Testment); l-Appostli (fil-Ġdid Testment) u fl-aħħarnett Kristu (fl-Evanġelji)…kif se nkomplu naraw fil-ħarġa li jmiss.

il-Miraklu Ewkaristiku f’Slovanice, Ċekoslovakkja

Fis-sena 1280 ragħaj li kien qed jirgħa in-nagħaġ f’għalqa barra l-belt ra nar misterjuż jaqbad fuq ħaxix li kien fuq borġ ġebel. Meta resaq qribu nnota li fin-nar kien hemm Ostja sħiħa li  ma kenitx qed tinħaraq. Mar jinforma lill-Kappillan dwar dan. Dak il-ħin is-saċerdot ftakar f’serqa li kienet saret żmien  qabel li  fiha kienu nsterqu Ostensorju b’Ostja kkonsagrata fih.Il-ħallelin mhux magħrufa, filwaqt li serqu l-Ostersorju, tefgħu l-Ostja fuq il-blat fejn instabet.

Minnufih is-saċerdot mar fuq il-post, b’pissidi. Huwa poġġa l-Ewkaristija ġol-  pissidi u flimkien ma’ bosta parruċċjani marru lejn il-knisja.Imma malli waslu ħdejn il-bieb tal-belt ġie nnutat li l-Ostja kkonsagrata għebet mill-pissidi.L-Ostja nstabet mill-ġdid fil-fjammi tan-nar fuq il-borġ ġebel.  Wara li ttieħdet mill-gdid is-saċerdot u n-nies marru lura lejn il-belt.Imma għal darb’oħra l-Ostja reġgħet għebet. Kien biss meta s-saċerdot u n-nies wegħdu li tinbena kappella fuq il-post fejn instabet li din l-Ostja baqgħet fil-pissidi sakemm twasslet fil-Knisja.   

Il-wegħda twettqet u fuq il-borg ġebel inbniet kappella u l-Isqof Dietrich ta’ Olmütz ikkonċeda ħafna indulgenzi lill-pellegrini li jżuruha.Madanakollu fl-1500 grupp ta’ suldati Ungeriżi, magħrufin bħala Ussari, marru fil-belt ta’ Slovanice u kissru dak kollu li sabu quddiemhom,u l-kappella ġarrbuha kollha u kien baqa’ biss il-borg ġebel. Meta telqu dawn l-Ussari, il-kappella reġgħet inbniet fuq l-istess sit fis-sena 1476 mill-Isqof ta’ Olmütz u ġiet iddedikata lill-Ġisem Qaddis ta’ Ġesu Kristu. Imma dil-istess kappella bħal dik ta’ qabilha kienet żgħira wisq għall-għadd kbir  ta’ pellegrini li bdew ġejjin biex iżuruha. Għaldaqstant,fis-sena 1491 inbniet kappella akbar.Gregorju,l-Isqof ta’ Praga kkonċeda wkoll  Indulġenza Plenarja lil dawk kollha li bid-devozzjoni jżuru l-kappella u jitolbu fiha..

Ta’ interess partikulari fil-knisja hu l-altar tal-Grazzja, li ġie mibni propju  fuq il-borġ ġebel li dejjem baqa’ fil-post oriġinal tiegħu. Fuq dal-altar tiġi ċċelebrata l-quddies regolarment.

Fuq dal-artal hemm skultura ta’ żewġ anġli jaduraw l-Ewkaristija imqiegħda fuq fjammi tan-nirien fuq sfond ta’ raġġiera kbira. Fil-knisja hemm ukoll bassoriljev li fih tidher il-figura tar-ragħaj jindika b’idu l-fjammi tan-nar fl-għalqa.

L-Anniversarju ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku,jiġi ċċelebrat ta’ kull sena b’ ċelebrazzjoni tradizzjonali ta’ ħuġġieġa kbira quddiem il-knisja magħrufa bħala Bauern Feuerfest ( il-Festival tal-Nar tal-Bdiewa).     

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading