Il-Papa f’Santa Marta: Is-sinjali tal-gratwità

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 11 ta’ Ġunju 2013: Faqar u tifħir lil Alla: dawn huma ż-żewġ koordinati ewlenin tal-missjoni tal-Knisja, is-sinjali li jirrivelaw lill-poplu ta’ Alla jekk appostlu jgħixx il-gratwità. Dawn indikahom il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu, it-Tlieta 11 ta’ Ġunju 2013, fid-Domus Sanctæ Marthæ, ikkonċelebrata fost l-oħrajn mill-Arċisqof Gerhard Ludwig Muller, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Preżenti kien hemm responsabbli u dipendenti tal-ex Sant’Uffizzju.

Ir-riflessjoni tal-Papa li bħas-soltu ħa spunt mill-qari tal-jum – meħudin mill-Atti tal-Appostli (11,  21-26; 13, 1-3) u mill-Evanġelju ta’ Mattew (10, 7-13) – kienet kollha ċċentrata fuq it-tema tal-gratwità. Huwa spjega li l-predikazzjoni evanġelika titwieled mill-gratwità, mill-istagħġib tal-fidwa li tiġi; u dak li jien irċevejt b’xejn, hemm bżonn li nagħtih b’xejn.

Dan narawh meta Ġesù jibgħat lill-appostli tiegħu u jagħtihom l-istruzzjonijiet għall-missjoni li hemm tistenniehom. Huma struzzjonijiet tassew sempliċi, saħaq il-Qdusija Tiegħu:  ‘La ġġorrux magħkom deheb u inqas fidda, lanqas flus.’ Kienu biżżejjed iċ-ċintorin, il-barżakka tal-vjaġġ, żewġ imnatar, il-qorq u l-bastun għax-xogħol afdat lilhom. Missjoni ta’ fidwa, żied Ġesù, li kienet tikkonsisti fil-fejqan tal-morda, il-qawmien tal-mejtin, it-tindif tal-lebbrużi u t-tkeċċija tax-xjaten.      

Il-Papa Franġisku speċifika li din hija missjoni sabiex tressaq lill-bnedmin lejn ir-renju ta’ Alla, biex tagħtihom il-bxara t-tajba li r-renju ta’ Alla huwa fil-qrib, anzi wasal. Imma, wissa l-Papa minnufih, fl-appostli l-Mulej irid sempliċità tal-qalb u disponibbiltà li tħalli spazju għall-qawwa tal-Kelma ta’ Alla. Mill-bqija, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, li kieku huma ma kellhomx fiduċja kbira fil-Kelma ta’ Alla, forsi kienu jaslu li jagħmlu xi ħaġa oħra, imma ma kinux iħabbru l-Evanġelju.

Il-frażi ewlenija tal-għotjiet ta’ Kristu lill-appostli hija appuntu: ‘B’xejn irċevejtu, b’xejn agħtu!’, kliem li fih hemm il-gratwità kollha tal-fidwa. Għaliex, kompla jiċcara l-Papa, aħna ma nistgħux nippritkaw, inħabbru r-renju ta’ Alla mingħajr din iċ-ċertezza interna li kollox huwa b’xejn, kollox huwa grazzja. Dan huwa dak li saħaq Santu Wistin: Quaere causam et non invenies nisi gratiam. U meta aħna naġixxu mingħajr ma nħallu spazju għall-grazzja, sostna l-Papa, allura l-Evanġelju m’għandux effett.

Wara kollox, li l-predikazzjoni evanġelika titwieled mill-gratwità jixhduh diversi episodji tal-ħajja tal-ewwel appostli. San Pietru, fakkar il-Qdusija Tiegħu, ma kellux kont il-bank u meta kellu jħallas it-taxxi, il-Mulej bagħtu jistad biex ġol-ħuta jsib il-munita biex biha jħallas. U Filippu, meta ltaqa’ mal-ministru tar-reġina Candace, ma ħasibx biex joħloq organizzazzjoni biex issostni l-Evanġelju, ma nnegozjax; għall-kuntrarju, ħabbar, għammed u telaq. Mela allura l-bxara t-tajba tinfirex biż-żrigħ tal-Kelma ta’ Alla. Huwa l-istess Ġesù li jgħid li r-renju huwa bħal żerriegħa li jagħti Alla. Huwa rigal b’xejn.

Sa mill-oriġini, fil-komunità nisranija kien hemm it-tentazzjoni li jfittxu qawwa li ma kinitx il-gratwità. Imma l-unika qawwa tagħna hija l-gratwità tal-Evanġelju, reġa’ sostna l-Qdusija Tiegħu, waqt li ħeġġeġ biex noqogħdu attenti mir-riskju li l-aħbar tista’ tidher bħala proselitiżmu. Franġisku assigura li m’għandniex ngħaddu minn dik it-triq, mill-ebda parti. U għal dan ikkwota lill-predeċessur tiegħu Benedittu XVI, skont liema l-Knisja ma tikbirx bil-proselitiżmu imma bl-attrazzjoni. Għaliex il-Mulej bagħatna biex inħabbru l-gratwità tal-fidwa. Kollox huwa grazzja, tenna l-Papa Franġisku. U fost it-tant sinjali ta’ din il-gratwità, għażel b’mod partikolari l-faqar u t-tifħir lil Alla.

Rigward tal-ewwel, il-Papa spjega li t-tħabbir tal-Evanġelju għandu jgħaddi mit-triq tal-faqar, mix-xiehda ta’ dan il-faqar. M’għandix għana; l-għana tiegħi hija biss ir-rigal li rċevejt mingħand Alla. Din il-gratwità hija l-għana tagħna. Dan huwa faqar li jsalvana milli nsiru organizzaturi, imprendituri. Il-Papa jaf sewwa li hemm bżonn li jitmexxew ’il quddiem l-opri tal-Knisja u li wħud minnhom huma ftit jew wisq komplikati, imma hemm bżonn li jsiru b’qalb ta’ faqar, mhux b’qalb ta’ investiment, jew bħala imprendituri. Il-Knisja mhix xi NGO: hija ħaġ’oħra, iktar importanti, li titwieled minn din il-gratwità riċevuta u mħabbra.

Rigward il-kapaċità tat-tifħir, il-Qdusija Tiegħu għamilha ċara li meta appostlu ma jgħixx il-gratwità, jitlef ukoll il-kapaċità li jfaħħar lill-Mulej.  Għaliex li tfaħħar lill-Mulej huwa essenzjalment gratwit. Hija talba gratwita. Mhux nitolbu biss, infaħħru. Mill-banda l-oħra, ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu, meta nsibu appostli li jridu jagħmlu Knisja sinjura, Knisja mingħajr il-gratwità tat-tifħir, hija tixjieħ, issir NGO, m’għandhiex ħajja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading