Il-Papa jitlob għall-paċi u l-istabbiltà f’Ħaiti u fil-pajjiżi kollha mifnija mill-gwerra
Wara l-Quddiesa li għamel nhar il-Ħadd f’Venezja, l-Papa rringrazzja lill-Patrijarka ta’ Venezja u lil dawk kollha li ħadmu biex jagħmlu ż-żjara tiegħu ta’ nofs ta’ nhar fil-belt laguna possibli. Il-Papa Franġisku talab l-interċessjoni tal-Verġni Marija għall-ħafna sitwazzjonijiet ta’ tbatija fid-dinja, b’mod speċjali talab għall-poplu tal-Ħaiti, li għandu bżonn tal-paċi u stabbiltà wara xhur ta’ taqlib politiku, kriminalità sfrenata u kollass tal-infrastruttura u s-sigurtà.

“Qed naħseb f’Ħaiti, fejn hemm stat ta’ emerġenza u fejn il-popolazzjoni hi ddisprata lis-sistema tas-saħħa ġġarrfet għal kollox, hemm nuqqas ta’ ikel u l-vjolenza qed iġġiegħel lin-nies jaħarbu.”
U filwaqt li nnota li proprju din il-ġimgħa ħa l-ġurament il-gvern transitorju fin-nazzjoni tal-gżira tal-Karibew, il-Papa jafda l-ħidma ta’ dak il-Kunsill f’idejn il-Mulej u appella għall-appoġġ tal-komunità internazzjonali. “Aħna nafdaw lill-Mulej il-ħidma tal-Kunsill Presidenzjali Transitorju ġdid li ħa l-kariga nhar il-Ħamis li għadda f’Port au Prince, sabiex bl-appoġġ imġedded tal-komunità internazzjonali, iwassal lill-pajjiż biex jikseb il-paċi u l-istabbiltà li tant għandu bżonn.”
U kif dejjem jagħmel, il-Qdusija Tiegħu dawwar il-ħsibijiet u t-talb tiegħu lejn pajjiżi u popli oħra milquta mill-kunflitt. “Qed naħseb dwar l-Ukrajna tturmentata, l-Palestina, l-Iżrael, ir-Rohingya u tant popli li qed ibatu mill-gwerra u l-vjolenza”. Jalla Alla tal-paċi jdawwal il-qlub biex f’kulħadd tikber ir-rieda għad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-04/pope-appeal-peace-prayers-haiti-ukraine-palestine-israel-rohingy.html