Il-Papa f’Santa Marta: Dak il-progressiżmu adoloxxenti

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 12 ta’ Ġunju 2013: Huma tnejn it-tentazzjonijiet li jeħtieġ niffaċċjaw f’dan il-waqt tal-istorja tal-Knisja: immorru lura għaliex imbeżżgħa mil-libertà li tiġi mil-liġi mwettqa fl-Ispirtu s-Santu; inċedu għall-progressiżmu adoloxxenti, inklinat li jsegwi l-valuri l-iktar akkattivanti proposti mill-kultura dominanti. Il-Papa Franġisku tkellem dwar dan dalgħodu, l-Erbgħa 12 ta’ Ġunju 2013, waqt li kkummenta l-qari – meħud mit-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (3, 4-11) u mill-Evanġelju ta’ San Mattew (5, 17-19) – tal-quddiesa fid-Domus Sanctæ Marthæ, ikkonċelebrata, fost l-oħrajn, mill-Kardinali Manuel Montero de Castro, Penitenzier Maġġur, u Joao Braz de Aviz, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetà tal-Ħajja Apostolika, li kienu jakkumpanjaw uffiċjali u dipendenti tad-dikasteru.

Il-Papa waqaf qabel xejn fuq l-ispjega li Ġesù jagħti lil dawk li jakkużawh li ried ibiddel il-liġi ta’ Mosè. Huwa jassigurahom billi jgħidilhom: ‘Jien ma ġejtx biex inħassar il-liġi imma biex inwettaqha għal kollox.’ Għaliex il-liġi, speċifika l-Qdusija Tiegħu, hija frott tal-alleanza. Ma tistax tifhem il-liġi mingħajr l-alleanza. Il-liġi hija ftit jew wisq it-triq biex tmur għall-alleanza, dik mibdija b’wegħda f’dik l-għodwa fil-ġenna tal-art, imbagħad kompliet għaddejja mal-arka ta’ Noe, ma’ Mosè fid-deżert, u mbagħad kompliet miexja ’l quddiem bħala liġi ta’ Iżrael biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla.

Din il-liġi hija sagra, żied jgħid il-Papa, għaliex ġabet il-poplu ta’ Alla. Mela ma tistax tintmess.  Kien hemm min qal li Ġesù biddel din il-liġi; imma minflok huwa fittex li jfiehem li kien hemm triq li setgħet twassal għat-tkabbir, anzi għall-maturità sħiħa ta’ dik il-liġi. Hu kien jgħid: ‘Jien ġejt biex inwettaqha.’ Hekk bħalma n-nebbieta tinfaqa’ u titwieled il-fjura, hekk hi l-kontinwità tal-liġi lejn il-maturità tagħha. U Ġesù huwa l-espressjoni tal-maturità tal-liġi.

Il-Papa mbagħad sostna r-rwol tal-Ispirtu s-Santu fit-trasmissjoni ta’ din il-liġi. Infatti, huwa spjega, Pawlu jgħid li lkoll għandna din il-liġi tal-Ispirtu permezz ta’ Gesù Kristu, għaliex m’aħniex kapaċi naħsbu xi ħaġa li tiġi minna; il-kapaċità tagħna tiġi mingħand Alla. U l-liġi li Alla jagħtina hija liġi matura, il-liġi tal-imħabba, għaliex wasalna fl-aħħar siegħa. L-appostlu Ġwanni jgħid lill-komunità tiegħu: ‘Ħuti, wasalna fl-aħħar siegħa, is-siegħa tat-twettiq tal-liġi.’ Hija l-liġi tal-Ispirtu li tirrendina liberi.  Madankollu, din hija libertà li f’ċertu sens tbeżzagħna għaliex, ippreċiża l-Papa, tista’ titħawwad ma’ xi libertà umana oħra. U mbagħad il-liġi tal-Ispirtu twassalna fit-triq tad-dixxerniment kontinwu biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla.  Dan ukoll ibeżżagħna xi ftit. Imma, wissa l-Qdusija Tiegħu, meta nkunu attakkati minn din il-biża’ nissugraw li nċedu għal żewġ tentazzjonijiet. L-ewwel waħda hi dik li nduru lura għaliex ma nkunux sikuri. Imma dan iwaqqaf il-mixja. Hija t-tentazzjoni tal-biża’ tal-libertà, tal-biża’ tal-Ispirtu s- Santu: l-Ispirtu s-Santu jbeżżagħna.

Hawnhekk il-Papa Franġisku fakkar episodju li jmur lura għall-bidu tas-snin tletin. Superjur bieżel ta’ kongregazzjoni reliġjuża għadda bosta snin jiġbor ir-regoli kollha tal-kongregazzjoni tiegħu: dak li setgħu jagħmlu r-reliġjużi u dak li ma setgħux jagħmlu. Imbagħad, la darba x-xogħol kien lest, mar għand abbati kbir benedittin li kien jinsab Ruma, biex jurih ix-xogħol tiegħu. L-abbati rah u qallu: ‘Padre, int b’dan qtilt il-kariżma tal-kongregazzjoni  tiegħek!’ Kien qatel il-libertà. Għaliex il-kariżma tagħti l-frott u hu kien imblokka l-kariżma. Din mhix ħajja. Dik il-kongregazzjoni ma setgħetx tkompli tgħix. X’ġara? Ħamsa u għoxrin sena wara, dak il-kapulavur ħadd ma kien rah u spiċca fil-bibljoteka.

Hekk hu, eżempju ta’ kemm hu faċli li taqa’ fit-tentazzjoni li tmur lura biex tħossok iktar żgur, spjega l-Isqof ta’ Ruma. Imma, kompla jżid, is-sikurezza sħiħa hija fl-Ispirtu s-Santu li jmexxik ’il quddiem, li jtik il-fiduċja u, bħal ma jgħid Pawlu, huwa iktar eżiġenti.  Infatti, Ġesù jgħid li sakemm ma jgħaddux is-sema u l-art, ma tgħaddi anqas farka jew xi silta żgħira mil-liġi, mingħajr ma jkun seħħ kollox.  Mela huwa iktar eżiġenti wkoll jekk ma jtiniex is-sikurezza umana, għaliex ma nistgħux nikkontrollaw l-Ispirtu s-Santu.  Din hija l-problema.

It-tieni tentazzjoni hija dik li l-Papa ddefiniha ‘progressiżmu adoloxxenti’. Dan iżda mhux progress awtentiku: huwa kultura li timxi ’l quddiem, li minnha ma jirnexxilniex ninqatgħu, u li minnha nieħdu l-liġijiet u l-valuri li jogħġbuna l-iktar, bħal ma jagħmlu sewwa sew l-adoloxxenti. Fl-aħħar ir-riskju li ngħaddu minnu huwa li niżolqu, hekk bħal ma l-magna tiżloq fuq triq inġazzata u tispiċċa ’l hemm mit-triq. 

Skont il-Papa, f’dan il-waqt storiku din hija tentazzjoni rikorrenti għall-Knisja.  Ma nistgħux immorru lura, qal il-Papa; ma nistgħux niżżerżqu barra minn triqtna.  It-triq li rridu nsegwu hija din.  Il-liġi hija sħiħa, dejjem kontinwa, mingħajr qtugħ: bħal ma ż-żerriegħa tispiċċa fil-fjura, fil-frotta. It-triq hija dik tal-libertà fl-Ispirtu s-Santu, li jagħmilna liberi fid-dixxerniment kontinwu fuq ir-rieda ta’ Alla, biex ngħaddu ’l quddiem fuq din it-triq bla ma mmorru lura u bla ma niżolqu. Filwaqt li insista li dan mhux appell biex inġibu lura lil Gioacchino da Fiore, il-Papa Franġisku temm billi qal lil dawk preżenti jitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħtihom il-ħajja, imexxihom ’il quddiem, u jwassalhom għall-maturità sħiħa tal-liġi, dik il-liġi li tagħmilna liberi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: